Is-sema ta' Bormla tixgħel bil-kuluri tal-logħob tan-nar biex tiċċelebra lill-Immakulata
Il-programm se jibda għall-ħabta tas-7:30pm
Nhar is-Sibt li ġej filgħaxija, is-sema ta’ Bormla se jixgħel bil-kuluri tal-logħob tan-nar li permezz tiegħu l-Bormliżi se jkomplu jiċċelebraw lill-għaxqa u l-patruna tagħhom, l-Immakulata Kunċizzjoni.
Dan l-ispettaklu ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika ilu jsir mis-sena 2006 u sar wieħed mill-appuntamenti li jkunu qed jistennew id-dilettanti tan-nar.
Il-programm se jibda għall-ħabta tas-7:30pm. Iż-żona li fiha se jittella’ dan l-ispettakklu hija viċin Triq Polverista, jiġifieri ftit ‘il barra mill-Mina ta’ Santa Elena.
Ix-xogħol ta’ sinkronizzar mal-mużika sar kollu mid-delettanti tan-nar Bormliżi li jiffurmaw l-Grupp Pirotekniku 8 ta’ Diċembru.
Is-sistema użata hija ‘Pyrodigit’ li ngħatat lill-organizzaturi minn ‘Pyroemotions’.
Malli jintemm l-ispetakklu jibda marċ minn hemm għas-suq ta’ Bormla fejn iċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu bil-programm imtella’ mill-Banda San Ġorġ quddiem il-każin, li din is-sena xedd libsa ġdida għall-festa.
Ikun hemm ukoll il-logħob tan-nar tal-art.
Intant, nhar il-Ħadd li ġej, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tiċċelebra l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni b’artiklu speċjali f’paġni 14 u 15.