San Ġorġ Preca: 140 sena minn twelidu
San Ġorġ Preca twieled bħal-lum 140 sena fil-Belt Valletta
Qassis twil, irqiq, xipli, u marradi imma “wiċċu sabiħ u bajdani u jagħti fir-roża”. Qatt ma studja biex isir għalliem, imma San Ġorġ Preca, magħruf aħjar bħala “Dun Ġorġ”, kien konvint mill-missjoni tiegħu li jgħallem.
Ġera ma’ Malta kollha jgħallem, u waqqaf il-M.U.S.E.U.M, soċjetà Kattolika ffurmata minn lajċi biex jitgħallmu u jgħallmu, li llum tinsab ukoll f’sitt pajjiżi oħra.
Bin spettur sanitarju u għalliema, Ġorġ Preca, twieled nhar it-12 ta’ Frar 1880, is-seba’ wild fost disa’ aħwa, fil-kapitali Valletta. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola Primarja tal-Ħamrun, fejn kien mar jgħix meta kellu madwar tmien snin. Ta’ tnax-il sena ta l-eżami għal-Liċeo imma m’għaddiex. Għadda mat-tieni darba, f’Settembru tal-1892, meta kienu għaddew biss 51 minn 131 kandidat. Kuljum kien jimxiha mill-Ħamrun għal-Liċeo l-Belt, u lura, jekk ma jiddubbax rikba ma’ xi karrettun taż-żibel! Kien tajjeb fil-lingwi, u studja l-Latin, it-Taljan, il-Franċiż u l-Ingliż. Kellu kaligrafija sabiħa u kien ġie ppremjat għaliha.
Iż-żmien tal-Liċeo
Kien għadu l-Liċeo meta fil-ħin tar-rikreazzjoni Preca kien jinżel ix-Xatt tal-Belt, jitla’ fuq l-iskejjen barranin li kien ikun hemm, u jitħallat mal-baħrin Griegi, Ingliżi, Taljani u Franċiżi bil-ħsieb li jgħallimhom xi ftit reliġjon. L-intelliġenza u s-simpatija kienu jallegraw lil dawn l-irġiel li kienu jkunu ilhom ħafna ma jaraw art. Ħafna minnhom kienu jiggustawh u jibqgħu impressjonati b’dal-ġuvnott ġentili li tant kien ifittex b’ħerqa l-ġid ta’ għajru. Filgħaxija bħala abbati l-Ħamrun kien ilaqqa’ lit-tfal wara l-barka u joqgħod jgħallimhom id-duttrina taħt id-direzzjoni tas-sagristan.
Fiż-żmien tal-Liċeo, billi għażel il-Latin, sab ruħu ma’ numru ta’ żgħażagħ li kienu fit-triq tas-saċerdozju. Ta’ 16–il sena hu wkoll daħal is-Seminarju jistudja l-filosofija u t-teoloġija.
Xi sena wara, iltaqa’ ma’ wieħed mill-għalliema tiegħu tal-Liċeo, Dun Ercole Mompalao, ħdejn il-Mall tal-Furjana, li fost affarijiet oħra qallu, “Preca, int għad tikber u nies li jirrispettaw ’l Alla jidħlu f’familjarità miegħek u inti magħhom. Int għad issib xortik permezz tagħhom u huma għad isibu xortihom permezz tiegħek”. U hekk kellu jkun.
Il-“ħbieb tal-futbol”
Għall-ħabta tal-1906, Preca ndiehes ma’ grupp ta’ żgħażagħ Ħamruniżi li kienu jiltaqgħu f’għalqa quddiem il-Knisja ta’ San Gejtanu. Ħsiebhom kien fil-ballun u għalhekk kienu jsejħu lil xulxin “il-ħbieb tal-futbol”. Beda billi talabhom sigarett u mbagħad hu, li kien ġej minn familja “tal-puliti”, poġġa bilqiegħda ħdejhom fuq ġebla, u qabad ikellimhom fuq Ġesù. Għall-bidu ġieli għamlulu xi ċajta infantili għax ma kinux imdorrijin bil-prietki, iżda wara ftit ilkoll bdew jistennewh bil-ħerqa u bil-mod bdew jaċċettaw it-tagħlim u l-pariri tiegħu. “Terġa’ tiġi, għax tassew ħadna gost?” bdew jgħidulu. Hu min-naħa tiegħu ma kienx imur idu f’idu. Ma kienx ikollu biss il-Bibbja f’idu, imma daqqa kien joħdilhom il-ħobż, il-ġobon u l-inbid, daqqa ċ-ċikkulata u ġieli kien jixtrilhom il-bajtar tax-xewk. Tant kienu jifirħu bih li ma damux ma bdew jgħolluh fuq l-ispallejn!
Fost dawn iż-żgħażagħ “tal-għalqa ta’ Luċtu” kien hemm ċertu Ewġenju Borg, apprentista t-Tarzna, li kien il-leader fost sħabu. Preca tah attenzjoni speċjali u kien jieħdu għalih waħdu biex jgħallmu u jfissirlu l-Vanġelu. Borg, magħruf bħala Ġeġè, kellu jsir l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjetà li Preca waqqaf inqas minn sena wara.
Ftit qabel ma kien ordnat saċerdot Preca kien qiegħed imut bit-tuberkolożi, u t-tabib Meli li kien jikkurah kien qata’ qalbu minnu. Iżda mhux talli ma ġarax hekk, talli lil missieru u lit-tabib għaddihom fl-età u meta xjaħ kien iħobb jgħid, bi tbissima fuq fommu: “... u l-Professur Meli miet, u missieri miet, u jien għadni hawn ħaj biex ngħallem!” Fit-22 ta’ Diċembru 1906 kien ordnat saċerdot mill-Isqof Pietru Pace. Għal iktar minn xahar wara l-ordinazzjoni kien joħroġ biss mid-dar biex iqaddes. Kien jibqa’ miġbur fil-kamra ta’ fuq il-bejt jitlob u jimmedita fuq x’se tkun il-missjoni tiegħu. Il-ħbieb tal-futbol ħasbu li ma kinux se jarawh iktar iżda kemm għarralhom!
Is-Soċjetà “tal-Mużew”
Darba minnhom, Dun Ġorġ fil-knisja ta’ San Gejtanu l-Ħamrun, sema’ lis-sagristan jgħallem id-duttrina lit-tfal. Tifel staqsa lis-sagristan: “Lil Alla, min ħalqu?” U dak wieġbu: “Alla sar waħdu”, meta kellu jwieġbu “Alla kien minn dejjem.” Dun Ġorġ ikkonvinċa ruħu li kien hemm bżonn isir xi ħaġa sabiex lin-nies jingħatalhom tagħlim Nisrani kif xieraq.
Huwa kien jaf li s-sitwazzjoni reliġjuża ta’ Malta kienet ilha li marret il-baħar, reliġjożità bla ebda bażi soda fuq l-Iskrittura Mqaddsa, kienet imwaqqfa fuq ir-ramel iktar milli fuq il-blat - reliġjożità li faċilment setgħet tgħib fi żmien ta’ maltemp. “Dun Ġorġ kien ra mill-bogħod li l-fidi ta’ Malta qiegħda fil-periklu għax nieqsa mit-tagħlim. Dun Ġorġ ħass il-polz ta’ Malta u sab li qed iħabbat bil-mod; għalkemm il-ħajja reliġjuża minn barra kienet tidher f’saħħitha, iżda mikrobu minn ġewwa kien qed itemmha.”
F’Malta tal-bidu tas-seklu 20, ma kienet teżisti l-ebda struzzjoni ta’ katakeżi organizzata tajjeb biex tegħleb l-injoranza reliġjuża. Kollox kien tħalla f’idejn l-isforzi individwali ta’ qassisin, li fl-1916 l-Isqof Dom Mauro Caruana ħeġġiġhom jibdew iżuru l-iskejjel kull xahar. 30 sena qabel, Dr Keenan tal-Kummissjoni Rjali Ingliża, fir-rapport tiegħu kien stagħġeb bl-istat diżastruż tal-edukazzjoni reliġjuża f’Malta. Il-Knisja nfisha, għalkemm kienet tipprovdi ħafna mill-aqwa skejjel privati fil-pajjiż, ma nistgħux ngħidu li kienet qed taħdem għal edukazzjoni reliġjuża organizzata għall-poplu komuni. Dun Ġorġ kien tassew ħanin fi kliemu mal-awtoritajiet tal-Knisja, meta qal biss li “t-tagħlim fil-parroċċi ma kienx organizzat wisq” għax fil-fatt f’ħafna parroċċi ma kien organizzat xejn.
Għall-ħabta tas-sena 1905, Preca kiteb abbozz ta’ regola bil-Latin, Regula Eptangelorum, biex jibgħatha lill-Papa Piju X għall-approvazzjoni. Kellu l-ħsieb li fil-parroċċi kollha jkun hemm djar b’sebat irġiel ordnati djakni, megħjunin minn 12-il lajk, li xogħolhom kellu jkun li jgħallmu lit-tfal u lill-kbar. Iżda kellu jkun mod ieħor. Iżda dan il-pjan ma twettaqx għax għall-ħabta tal-aħħar ta’ Jannar 1907 Dun Ġorġ sejjaħ mill-ġdid lill-grupp taż-żgħażagħ “tal-għalqa ta’ Luċtu” u nhar it-2 ta’ Frar iltaqgħu fil-Knisja ta’ Nuzzo, il-Ħamrun, għal-lezzjoni tiegħu. Nhar is-7 ta’ Marzu ltaqgħu għall-ewwel darba f’post ċkejken u fqir li kienu krew f’numru 6, Triq Fra Diegu, il-Ħamrun. Hekk twaqqfet is-Societas Doctrinae Christianae – is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija – grupp ta’ żgħażagħ lajċi ffurmati fil-prinċipji tar-reliġjon Kattolika, mibgħuta biex jgħallmu lill-poplu.