Il-Vatikan b'linji gwida għat-Tridu tal-Għid; Il-purċissjonijiet jistgħu jsiru f'Settembru
Dawn japplikaw għal dawk il-pajjiżi jew djoċesijiet fejn il-knejjes jinsabu magħluqa jew qed jinfetħu biss għat-talb privat bħal fil-każ ta' Malta
Il-Kongregazzjoni tal-Kult Divin ħareġ digriet, iffirmat mill-Prefett tagħha, il-Kardinal Robert Sarah b'mandat tal-Papa Franġisku, li jagħti linji gwida lid-djoċesijiet madwar id-dinja dwar kif għandhom ikunu ċċelebrati ċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, partikolarment it-Tridu tal-Għid il-Kbir, jiġifieri minn Ħamis ix-Xirka sa Sibt il-Għid. Dan hekk kif f'ħafna pajjiżi, il-knejjes jinsabu magħluqa jew qed jinfetħu biss għat-talb privat.
Fost oħrajn, id-digriet jitkellem dwar il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, li ma jsirux biss f'Malta, iżda f'ħafna pajjiżi, inkluż l-Italja u Spanja. Id-digriet jgħid li l-Isqof tad-Djoċesi jista' jagħti l-permess biex dawn isiru fi ġranet oħra, fosthom fl-14 u l-15 ta' Settembru, meta l-Knisja tiċċelebra l-festi tal-Eżaltazzjoni tas-Salib u l-festa ta' Marija Addolorata, rispettivament.
Dwar il-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut, liema quddiesa ssir nhar il-Ħamis ix-Xirka filgħodu, fil-Katidrali, u jqaddisha l-Isqof tad-Djoċesi u li għaliha jattendu s-saċerdoti u r-reliġjużi, il-Vatikan qed jagħti ċans lid-djoċesijiet biex jipposponuha għal data oħra. Matul din iċ-ċelebrazzjonijiet jitbierku ż-żjut Imqaddsa li jintużaw matul is-sena fl-għoti tas-Sagramenti. Tant u hekk li s-saċerdoti, dakinhar, jieħdu magħhom iż-Żjut imbierka fil-parroċċi rispettivi tagħhom.
Din hija l-uniku ċelebrazzjoni li d-digriet jgħid li tista' tkun posposta. Il-bqija taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa ma jistgħux, anke għax għalihom hemm il-preparazzjoni tar-Randan u jilħqu l-qofol tagħhom f'Pentecoste, 50 jum wara l-Għid.
Ħamix ix-Xirka: Iċ-ċelebrazzjoni tista' ssir fil-magħluq. Il-ħasil tar-riġlejn ma jsirx u fl-aħħar taċ-ċelebrazzjonijiet is-Sagrament ma jitteħidx fl-Artal tar-Repożizzjoni (Sepulkru) iżda jinżamm fit-Tabernaklu.
Ġimgħa Kbira: L-Azzjoni Liturġija tat-Tlieta ta' waranofsinhar, jew aħjar iċ-ċelebrazzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib, ukoll tista' issir fil-magħluq. Dakinhar issir talb speċjali għall-morda, il-mejta u dawk kollha li qed iħossuhom imtaqqla bħalissa
Vġili tal-Għid: Iċ-ċelebrazzjoni tista' ssir fil-magħluq. Il-funzjoni tat-tberik tan-nar, li minnu jinxtegħel il-blandun, ma ssirx. Iċ-ċelebrazzjoni tibda bit-Tħabbira tal-Għid u tkompli bil-Liturġija tal-Kelma. Magħmudijiet, ovvjament ma jsirux.