Sejħa biex tingħaqad organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-għaqdiet tal-festi
L-għan huwa li dawn l-għaqdiet jaħdmu flimkien u jiġbdu ħabel wieħed favur il-Festa Maltija
Għaqdiet li jorganizzaw diversi festi madwar Malta ingħaqdu flimkien bil-għan li tingħaqad organizzazzjoni li tirrappreżentahom.
L-għan huwa li din l-organizzazzjoni tiġbor fiha lil dawk l-għaqdiet u l-kumitati li jorganizzaw festa iżda li mhumiex marbuta ma' każin tal-banda.
Anke jekk din is-sena l-festi mhumiex se jsiru, minħabba l-imxija tal-COVID-19 u s-sitwazzjoni li din ġabet magħha, dawn l-għaqdiet qed jingħaqdu flimkien biex hekk flimkien ikunu jistgħu jiġbdu ħabel wieħed u jsemmgħu leħinhom.
Fil-fatt, ta' min jispjega kif anke jekk diversi każini tal-banda jorganizzaw il-festa esterna tal-lokalitajiet tagħhom huma, hemm lokalitajiet fejn il-festa mhijiex organizzata minn każin partikolari, iżda minn dawn l-għaqdiet jew kumitati li taħthom jaqa' kollox, mill-armar, għall-marċi, il-permessi, in-nar u dak kollu li għandu x'jaqsam mal-organizzazzjoni tal-festa.
Ħafna drabi, dawn l-għaqdiet, jiddependu biss mid-dħul li jirnexxielhom jiġbru waqt attivitajiet li jorganizzaw b'risq il-festa.
Dawn l-għaqdiet huma magħmulha minn diversi voluntiera li jaħdmu s-sena kollha għall-festa tal-belt jew ir-raħal tagħhom, kemm fejn jidħol l-armar u anke fejn tidħol l-organizzazzjoni.
L-għaqdiet kollha tal-festi qed ikunu mħeġġa li jagħmlu kuntatt fuq: [email protected]