Analiżi | Malta u Għawdex issa għandhom Kardinal bi dritt tal-vot f’Konklavi
Mario Grech issa huwa t-tielet Kardinal Malti. Imma x’inhu Kardinal? Għaliex jilbes l-aħmar? Il-Kulleġġ tal-Kardinali kif jirrappreżenta l-viżjoni tal-Papa? Jista’ jkollna Kardinal ieħor?
Nhar is-Sibt, waqt konċistorju fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Papa Franġisku ħatar 13-il Kardinal ġdid, fosthom lill-Għawdxi Mario Grech
Fil-fatt, Mario Grech sar it-tielet Kardinal Malti u wara kważi 190 sena, il-Knisja Maltija issa għandha Kardinal bid-dritt li jieħu sehem u jivvota fil-Konklavi, li jitlaqqa’ wara l-mewt jew ir-riżenja tal-Papa biex ikun elett il-mexxej tal-Knisja Kattolika.
X’inhu konċistorju?
Il-konċistorju mhuwiex Quddiesa iżda assemblea tal-Kardinali. Dan jista’ jitlaqqa’ kemm fil-preżenza tal-Papa iżda anke mingħajru.
Apparti bħal dak tal-bieraħ, fejn il-Papa ħatar Kardinali ġodda, il-konċistorju jitlaqqa’ wkoll biex jiddiskuti affarijiet importanti tal-Knisja fosthom anke biex tkun iffisata data ta’ beatifikazzjoni jew kanonizazzjoni.
Fi żmien, il-papiet kienu anke jlaqqgħu konċistorju biex jittieħdu deċiżjonijiet importanti għall-Knisja. Fil-fatt, il-Kardinali huma l-aktar kollaboraturi u konsulenti viċin il-Papa fit-tmexxija tal-Knisja.
Il-Papa qaddis, Pawlu VI, kien isejjaħ ukoll il-konċistorju kull darba li kien jirritorna minn vjaġġ internazzjonali, fosthom anke biex jaqsam mal-Kardinali l-esperjenzi tiegħu.Lura fl-2013, il-Papa Benedittu XVI kien ħabbar id-deċiżjoni storika tiegħu li jirriżenja waqt konċistorju li kien tlaqqa’ qabel il-Kanonizzazzjoni tal-Martri ta’ Otranto.
Il-kulleġġ tal-Kardinali u l-viżjoni tal-Papa għall-Knisja...
Il-konċistorju tal-bieraħ kien is-seba’ wieħed li ċċelebra l-Papa Franġisku. Mit-13-il Kardinali l-ġodda, disa’ biss jistgħu jivvotaw f’konklavi, hekk kif erba’ oħra għandhom aktar minn 80 sena.
Malli Kardinal jagħlaq 80 sena, anke jekk iżomm it-titlu ta’ Kardinal, jitlef id-dritt li jivvota waqt Konklavi. Fil-fatt, meta l-Papa jaħtar Kardinal lil xi ħadd li għandu aktar minn 80 sena, jagħmel dan biex jirringrazzjah għas-servizz tiegħu lill-Knisja jew inkella għax-xhieda li jkun ta.
Dan ifisser li issa l-Kulleġġ tal-Kardinali huwa magħmul minn 128 Kardinal elettur u 101 Kardinal li ma għandhomx dritt jivvotaw. Dan jaqbeż il-limitu ta’ 120 Kardinal elettur li l-Papa Pawlu VI kien stabbilixxa fl-1975.
Fil-fatt, normalment, qabel jaħtar Kardinali ġodda, il-Papa jistenna li jkun hemm aktar postijiet vakanti għall-Kardinali eletturi. Iżda din mhijiex l-ewwel darba li ġrat. Fil-fatt, fl-2001, fi żmien il-Papa qaddis Ġwanni Pawlu II, l-għadd tal-Kardinali eletturi kien ta’ 135.
Wara kollox, il-ħatra tal-Kardinali hija prerogattiva li taqa’ f’idejn il-Papa. Fil-fatt, tista’ tgħid li l-ħatriet tal-Kardinali wkoll jagħtu indikazzjoni tal-viżjoni li Papa jkollu għall-Knisja fil-futur u dan deher b’mod partikolari fil-ħatriet tal-Papa Franġisku li abbanduna t-tradizzjoni.
Il-konċistorju tal-bieraħ ikompli jagħmel il-Kulleġġ tal-Kardinali aktar universali. Il-Papa Franġisku ħatar 57% mit-total ta’ 229 Kardinal. Fil-fatt, 95 Kardinal intagħżlu mill-Papa Franġisku, 69 mill-Papa Benedittu XVI u 65 minn Ġwanni Pawlu II.
Għall-kuntrarju ta’ dak li seħħ taħt il-preduċessuri tiegħu, il-Papa Franġisku għażel Kardinali minn pajjiżi u djoċesijiet fil-periferija, fosthom l-Amerika Latina, l-Afrika u l-Asja u inqas Kardinali mill-Ewropa.
Il-Papa Franġisku, saħansitra, għadu ma ħatarx Kardinali lill-Patrijarka ta’ Venezja u lill-Arċisqof ta’ Milan li tista’ tgħid kienu jsiru Kardinali b’mod awtomatiku fl-ewwel konċistorju wara li jkunu ħadu pussess tad-djoċesi.
Wara l-konċistorju tal-bieraħ, il-Kardinali mill-Asja, l-Afrika u l-Amerika Latina jagħmlu 45% tal-kulleġġ tal-Kardinali. Meta ġie elett il-Papa Franġisku, dan il-persentaġġ kien ta’ 35%, filwaqt li 52% tal-Kardinali kienu Ewropej.
Il-persentaġġ ta’ Kardinali Ewropej issa niżel għal 41%, filwaqt li 17% biss tal-Kardinali huma Taljani. L-għadd ta’ Kardinali mill-Istati Uniti issa huwa ta’ 7%, l-inqas li qatt kien f’diċenji.
Imma Kardinal x’inhu eżatt?
Is-Sagrament tal-Ordni Sagri fih tliet livelli: id-djakonat (id-djakni), il-presbiterat (is-saċerdot) u l-episkopat (l-Isqfijiet).
Dan ifisser li l-Episkopat huwa l-milja tal-Ordni Sagri. Għalhekk, f’dan is-sens, il-Kardinal u anke l-Papa ma għandu xejn aktar minn kwalunkwe Isqof ieħor.
Mela l-Kardinal, fi kliem sempliċi huwa prelat, magħżul direttament mill-Papa biex ikun kollaboratur dirett tiegħu. Il-kardinalat huwa l-ogħla dinjità ekkleżjastika, ovvjament wara dik tal-Papa.
Anke jekk ftit li xejn tagħmel differenza, ħlief kif jimxu f’purċissjoni, il-Kulleġġ tal-Kardinali huwa maqsum fi tliet ordnijiet, li jirriflettu wkoll it-tliet livelli tas-Sagrament tal-Ordni Sagri.
Fil-fatt it-tliet ordnijiet fil-Kulleġġ tal-Kardinali huma: il-Kardinali Isqfijiet, il-Kardinali Presbiteri u l-Kardinali Djakni. Tajjeb li wieħed jiċċara li ma jfissirx li l-Kardinali Presbiteri u Djakni ma jkunux Isqfijiet. Ġeneralment il-Kardinali kollha jkunu Isqfijiet, anke jekk il-Papa jista’ jagħżel lil kwalunkwe saċerdot biex jingħata dan it-titlu.
Il-Kardinal Malti Prospero Grech ma kienx Isqof meta l-Papa Benedittu ħatru bħala Kardinal. Ilbieraħ sar Kardinal ukoll Patri Raniero Cantalamessa, li ilu żmien iservi bħala l-Predikatur tal-Papa. Dan, fil-fatt, għażel li xorta waħda ma jkunx ordnat Isqof.
Lura għat-tliet gradi tal-Kulleġġ tal-Kardinali, il-Kardinali Isqfijiet jirrappreżentaw lill-isqfijiet kollha tad-dinja u jkunu sitta.
Il-Kardinali Presbiteri jirrappreżentaw lis-saċerdoti kollha tad-dinja. Dawn il-Kardinali jkunu jmexxu djoċesijiet madwar id-dinja.
Il-Kardinali Djakni jirrappreżentaw lid-djakni kollha tad-dinja u dawn jkunu jwettqu d-djakonija tagħhom, jiġifieri jaqdu lill-Knisja, fil-Kurja Rumana. Fil-fatt, bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Mario Grech huwa wieħed mill-Kardinali Djakni.
Peress li storikament, il-Papa kien jintagħżel mill-qassisin ta’ Ruma, il-Kardinali jingħataw titlu ta’ waħda mill-knejjes ta’ Ruma. Fil-fatt, meta wieħed iżur Ruma, fuq il-bibien tal-knejjes, apparti l-arma tal-Papa, se jara wkoll l-arma tal-Kardinal li jkun ingħata t-titlu tagħha.
Il-Kardinal Mario Grech ingħata t-titlu tal-Bażilika ta’ San Kożma u Damjan.
Għaliex Kardinal jilbes l-aħmar? Għaliex jingħata ċurkett?
Il-Kardinali, jintgħarfu mill-Isqfijiet, għax il-karlotta, it-terħa, it-tberfila, il-buttuni tas-suttana, il-muzzetta u l-berettin ikunu ħomor.
L-aħmar jissimbolizza d-dispożizzjoni tal-Kardinal li jekk hemm bżonn ikun lest iċarċar demmu għall-fidi.
Waqt il-konċistorju, il-Kardinal jitlibbes ukoll ċurkett li jkun hemm imnaqqxa fuqu il-figuri ta’ San Pietru u San Pawl, li jirrappreżentaw il-fidi u l-vokazzjoni missjunarja tal-Knisja. Fin-nofs ikun hemm stilla bi tmien ponot li tirrappreżenta l-Madonna. Fuq iċ-ċrukett ikun hemm imnaqqax ukoll l-iskem tal-Papa u anke d-data tal-Konċistorju.
Malta jista’ jkollha Kardinal ieħor?
Mhuwiex xi sigriet, li l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna wkoll kien imsemmi ħafna biex isir Kardinal, anke minħabba rwoli importanti li huwa għandu fil-Vatikan u anke għax il-Papa Franġisku fdah b’missjonijiet importanti.
Fost oħrajn, il-Papa Franġisku kien bagħtu fiċ-Ċilí biex jinvestiga każijiet ta’ abbuż sesswali fuq minuri minn membri tal-kleru, każ li heżżeż lill-Knisja f’dan il-pajjiż, tant li wara l-ewwel żjara li għamel l-Arċisqof Scicluna, 34 Isqof Ċilen irriżenjaw kollha f’salt.
Ir-rapport tal-Arċisqof Scicluna kien saħansitra wassal lill-Papa Franġisku biex jammetti li żbajla fil-konfront tal-Poplu Ċilen u stieden lill-vittmi tal-iskandlu biex imorru Ruma ħalli jitlobhom maħfra, għax fi kliemu, kien għamel analiżi żbaljata ta’ dawn l-allegazzjonijiet.
Lura fl-2015, il-Papa Franġisku kien ħatar lill-Arċisqof Scicluna bħala President ta’ Kulleġġ speċjali fi ħdan il-Vatikan li se jkun qed imexxi l-appelli dwar l-offiżi serji mir-reliġjużi. Il-Kulleġġ immexxi mill-Arċisqof huwa magħmul minn erba’ Kardinali u żewġ Isqfijiet.
L-istess Kulleġġ huwa parti mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, li l-Arċisqof Scicluna ħadem fiha għal diversi snin qabel ma kien maħtur bħala Isqof Awżiljarju ta’ Malta, fl-2012.
Għalkemm inkunu qed naraw kbir jekk nippretendu li jkollna Kardinal ieħor, ma hemm xejn xi jżomm lill-Papa Franġisku milli jaħtar Kardinal ieħor Malti. Ma hemm l-ebda kwota fuq kemm djoċesi jista’ jkollha Kardinali u din tibqa’ prerogattiva tal-Papa Franġisku li sar iħabbar il-Kardinali qabel ma javża lilhom.
Għalhekk, minkejja li Malta diġà għandha Kardinal, xejn ma jżomm lill-Papa jekk jiddeċiedi li jaħtar Kardinal ieħor Malti. Kollox jiddependi fuq kemm il-Papa lest jagħti żewġ voti f’konklavi lill-Knisja ta’ Malta. Kif rajna aktar ‘il fuq, Franġisku xejn ma żamm mat-tradizzjonijiet fejn jidħlu dawn il-ħatriet.
Il-Kardinali Maltin qabel Mario Grech
Fabrizio Sceberras Testaferrata: L-ewwel Kardinal Malti kien Fabrizio Sceberras Testaferrata li twieled il-Belt Valletta fl-1757. Huwa kien l-uniku Kardinal Malti għal kważi 200 sena qabel Prospero Grech. Kien Gvernatur u Delegat Appostoliku fl-Italja, ġewwa Narni, Città di Castello, Fano, Tolentino u Macerata.Qaddes il-1802 u fl-istess sena nhar l-20 ta' Settembru, 1802, ġie appuntat Arċisqof Titulari ta' Berito. InħatarNunzju tal-Iżvizzera fl-20 ta' Settembru, 1803 u segretarju għall-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet u Regulari fil-1815. Inħatar Kardinal mill-Papa Papa Piju VII, nhar it-8 ta' Marzu, 1816. Il-Kardinal Sciberras kellu sehem fi tliet Konklavi. Fl-ewwel ġie magħżul Annibale della Grengo li ħa l-isem ta’ Ljun XII, fit-tieni Francesco Saverio Castiglioni li ħa l-isem ta’ Piju VIII u fit-tielet ġie magħżul Mauro Alberto Cappellaci li ħa l-isem ta’ Gregorju XVI. Il-Kardinal Sceberras Testaferrata miet fit-3 ta' Awwissu 1843 fl-eta ta' 86 sena u ndifen fil-Katidral ta' Senigallia.
Prospero Grech: Patri Prospero, twieled il-Birgu nhar l-24 ta’ Diċembru 1925. Fl-1943 inagħqad mal-Ordni Agostinjan. Fl-1946 intbagħat Ruma fejn kompla l-istudju tat-teoloġija sakemm ġie ordnat saċerdot fil-Bażilika tal-Lateran. Huwa kompla jistudja t-teoloġija fl-Università Pontifiċja Gregorjana fejn kiseb id-dottorat. Fl-1952 intbagħat Malta fejn kien jgħallem fil-Kulleġġ Teoloġiku Agostinjan u fil-Mater Admirabilis Training College, ir-Rabat u fl-1957 ingħata Scholarship fl-univeristà ta’ Oxford. Lura Ruma fl-1961, apparti li kompla jistudja u anke jgħallem f’diversi universitajiet, kien nominat segretarju tal-Vigarju tal-Papa għall-belt tal-Vatikan. Fil-bidu tas-snin sebgħin kien ko-fundatur tal-Istitut patristiku Augustinianianum. Fl-1984 kien nominat Konsultur tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, fl-1998 Visitatur Appostoliku għas-seminarji fl-India, bejn l-2002 u l-2003 membru tal-Kummissjoni ekumenika għal diskussjonijiet mal-Ortodossi f’Sofia, fl-2003 membru tal-Akkademja Pontifiċja Teoloġika u fl-2004 membru tal-Kummissjoni Pontifiċja Bibblika. Fis-6 ta’ Jannar 2012, Il-Papa Benedittu XVI ħatru Kardinal. Huwa kien ikkonsagrat isqof fit-8 ta’ Frar 2012 fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Għalkemm kellu aktar minn 80 sena u ma setax jivvota fil-Konklavi, il-Kardinal Grech mexxa l-meditazzjoni fil-bidu tal-konklavi li eleġġa lill-Papa Franġisku fl-2013. Il-Kardinal Grech miet fit-30 ta’ Diċembru 2019, fl-eta ta’ 94 sena.
Il-Kardinal Mario Grech
Mario Grech twieled u tgħammed fil-Parroċċa tal-Qala nhar l-20 ta’ Frar 1957. Fl-1977 beda l-kors tal-Filosofija u iktar tard dak tat-Teoloġija fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex. Wara l-Ordinazzjoni tiegħu, nhar is-26 ta’ Mejju 1984, ntbagħat Ruma fejn kiseb il-Liċenzja fil-Liġi Kanonika u Ċivili fl-Università Pontifiċja tal-Lateran. Kiseb ukoll id-Dottorat fil-Liġi Kanonika mill-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Aquino. Fiż-żmien li dam Ruma, barra mill-ħidma pastorali li wettaq f’parroċċa, Dun Mario ħadem fit-Tribunali tal-Knisja f’Ruma, kemm fil-Vigarjat u kemm fis-Sacra Romana Rota. Lura Għawdex, fl-1993, inħatar Vigarju Ġudizzjali għat-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Għawdex, u fl-istess waqt Imħallef fit-Tribunal tal-Knisja f’Malta. Fl-2004, sar Kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor f’Ta’ Kerċem, Għawdex. Nhar is-Sibt 26 ta’ Novembru 2005, ġie nnominat mill-Papa Benedittu XVI bħala t-tmien Isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex u dan sakemm f’Settembru 2019 il-Papa Franġisku ħatru biex ftit tax-xhur sar uffiċjalment is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet l-irwol tal-Kardinal Mario Grech hu li jkun ta’ Kap ta’ dan id-Dekasteru importanti f’isem il-Papa, li huwa l-President. Is-Segretarju Ġenerali imexxi l-laqgħat fl-assenza tal-Papa, u jikteb l-atti tagħha; jinnomina l-uffiċjali tas-Segreterija, li jiddependu minnu u jikkomunika lill-Papa dak kollu li għandu x’jaqsam mal-attività tas-Segreterija. Hu għandu rwol importanti fil-fażi preparatorja tal-Assemblea tas-Sinodu, waqt is-Sinodu nnifsu u anke wara. Is-Sinodu hija assemblea ta' Isqfijiet, minn madwar id-dinja kollha. Is-Sinodu jkun imsejjaħ mill-Papa u matulu jiġu diskussi temi varji għall-ħidma tal-Knisja. Anke t-tema tkun magħżula mill-Papa nnifsu.
L-istemma kardinalizja ta’ Mario Grech hija l-istess waħda li kellu bħala Isqof ta’ Għawdex biż-żieda tas-salib bi tmien ponot tal-Ordni ta’ San Ġwann – magħruf bħala s-Salib ta’ Malta – fil-parti ta’ isfel fejn hemm l-arma ta’ Għawdex, kif ukoll tal-kappell aħmar bi tletin ġummiena mdendla minnu, simbolu tal-grad ta’ kardinal.