L-imxija tal-Covid twaqqaf il-ġirjiet bl-Irxoxt; Kieku llum fil-Kottonera....

Kieku ma hawnx pandemija, kieku llum diversi bliet u rħula madwar Malta u Għawdex jinsabu f’festa biex jiċċelebraw lil Kristu Rxoxt, fost dawn il-Kottonera, pijuniera fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir. Għalhekk, f’Ħadd il-Għid, il-gazzetta ILLUM xorta waħda qed tiċċelebra l-festa tal-Irxoxt b’tagħrif dwar it-tliet xbihat u ċ-ċelebrazzjonijiet li wieħed isib fil-Kottonera

Il-qniepen qamu jdoqqu moti ferrieħa. Il-bnadar qed iperpru fuq il-bjut. Mill-bogħod kollox jidher normali, iżda malli tersaq lejn it-toroq twal u dritti tal-Kottonera bilkemm tilmaħ ruħ. Ħemda. Bankini vojta. Is-sunnetti mhux neżlin. Il-banda ma tinstemax. Lanqas tfal bil-bajd u l-figolli ma jidhru. Il-bieb prinċipali tal-Kolleġġjati tal-Kottonera baqa’ magħluq għax l-Irxoxt mhux ħiereġ, għat-tieni sena konsekuttiva. Iżda dan ma jbiddel xejn mill-fatt li llum huwa l-Għid il-Kbir, l-akbar solennità tal-Knisja.

Għalhekk, il-gazzetta ILLUM xorta waħda, kif tagħmel kull sena, għażlet li tiċċelebra l-Irxoxt u se tagħmel dan billi tħares lejn ix-xbihat ta’ Kristu Rxoxt li wieħed isib fi tlett ibliet tal-Kottonera, fejn il-kult tal-Ġimgħa Mqaddsa u tal-Irxoxt, imorru lura mijiet ta’ snin.

Fil-fatt, kieku ma hawnx pandemija, minkejja li l-ibliet tal-Kottonera jmissu ma’ xulxin, ikunu għaddejja tliet festi fl-istess ħin. Kważi kważi, jekk tkun Bormla, se tisma’ l-baned idoqqu kemm fl-Isla u anke fil-Birgu. Saħansitra meta l-Irxoxt ta’ Bormla jkun wasal fiż-żona magħrufa tax-Xgħajra u meta l-Irxoxt tal-Birgu jkun tela’ jiġri minn Triq il-Mina l-Kbira, iż-żewġ xbihat kważi kważi jiltaqgħu. 

Għall-Bormliżi, il-Ġirbin u s-Sengleani, il-festa tal-Irxoxt hija wisq għal qalbhom. Fil-fatt, tista’ tgħid li mill-mument li l-Irxoxt jixref fil-bieb tal-knisja, jingħata totalment f’idejn in-nies, li jiġru bih u jifirħu b’dawn ix-xbihat li wara kollox ifakkru fil-qofol tat-twemmin Nisrani.

L-Irxoxt ta’ Bormla, l-Irxoxt tal-Maltin

Bla dubju ta’ xejn, l-Irxoxt ta’ Bormla huwa wieħed mill-aktar popolari kemm minħabba s-sbuħija ta’ din ix-xbieha li hija wisq għal qalb il-Bormliżi u anke għall-festa kbira li tiġi ċċelebrata f’Bormla. Tant hu hekk li dan l-Irxoxt huwa mlaqqam ukoll bħala “l-Irxoxt tal-Maltin.” 

L-istatwa tal-Irxoxt ta’ Bormla ġiet imnaqqxa fl-injam fl-1741, jiġifieri 280 sena ilu. Din kienet irregalata lill-Arċikonfraternità tal-Kurċifiss imwaqqfa fil-Kolleġġjata ta’ Bormla u li kienet wara l-kult antik tal-Ġimgħa Mqaddsa f’din il-Belt.

Fil-fatt, l-istatwa kien ġabha minn Napli l-Kaptan Andrea Scarinù għall-ħabib tiegħu, li kien kaptan ukoll, Celestino Sacco. Kien Sacco li ppreżenta din il-vara lill-Fratellanza.

Minkejja dan, l-iskultur ta’ din l-istatwa mhuwiex magħruf. Madanakollu, minn studji li saru fuq din l-istatwa, meta ġie rrestawrat sentejn ilu, irriżulta li jista’ jagħti l-każ li din l-istatwa hija xogħol Spanjol. Fil-fatt, l-istatwa, anke t-teknika u l-istil tagħha, hija simili għal statwi u skulturi oħra li ħadem l-iskultur Francisco Salzilli, li għex bejn l-1701 u l-1783. Dwar dan għad irid isir aktar studji.

Bla dubju, din hija waħda mill-isbaħ xbihat tal-Irxoxt li nsibu f’Malta. Kristu Rxoxt jidher imtajjar ‘il fuq, b’idejh miftuħa u f’id minnhom qed iżomm palma tal-fidda, simbolu tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt.

L-Irxoxt jistrieħ fuq qabar tal-injam irħamat. Ħdejn saqajh, tidher il-blata tal-qabar miftuħa. Din kienet inħadmet fil-fidda fuq disinn tal-artist Bormliż Abram Gatt.

Meta wieħed iħares lejn dan l-Irxoxt, jinnota li huwa mdawwar bi tnax-il fanal tal-fidda. Imma għaliex għandu bżonn il-fanali jekk jinħareġ filgħodu? Vera, imma ma jfissirx li minn dejjem kien hekk.

Fil-fatt, żmien ilu, din l-istatwa kienet tinħareġ għall-ħabta tal-4am jew il-5pm ta’ filgħodu, immedjatament wara li tintemm il-Quddiesa tal-Vġili tal-Għid.

Għall-ġirjiet bl-Irxoxt, lill-Bormliżi ma jirbħilhom qatt. Fil-fatt, il-ġirja bl-Irxoxt issir diversi drabi, anke fit-tlajja iebsa tal-Belt Cospicua. Għal dawn il-ġirjiet, l-Irxoxt, minn fuq l-ispalla, jitniżżel fuq l-idejn u fi tmiem il-ġirja, ir-reffiegħa jgħollu lill-Irxoxt fuq l-idejn.

Jingħad ukoll li kienu l-Bormliżi li reġgħu bdew it-tradizzjoni tal-ġirja bl-Irxoxt wara l-gwerra, wara li dawn kienu ġew ipprojbiti fis-snin ta’ qabel. Skont l-istoriku, JF. Porsella Flores, meta wara l-gwerra, il-ħajja bdiet ġejja lura għan-normal, il-purċissjonijiet reġgħu bdew isiru. L-ewwel waħda bl-Irxoxt saret f’Bormla fl-1945. 

Fil-fatt, jidher li f’dik il-purċissjoni kien inqala’ xi ftit diżgwid meta kien hemm saċerdoti li ma xtaqux il-ġirja, imma l-Bormliżi għamlu ta’ rashom. Il-kelma kienet ġriet daqs l-Irxoxt u la l-Bormliżi ġrew, il-Ġirbin ma baqgħux lura u anke huma reġgħu bdew din it-tradizzjoni.

Fl-aħħar snin, fuq din l-istatwa importanti, sar xogħol ta’ restawr u konservazzjoni, li tħalla f’idejn il-kumpanija Altelier del Restauro. Fost oħrajn, ix-xogħlijiet kienu jinkludu interventi fuq is-swaba’ tal-Irxoxt u anke tneħħew passati żejda ta’ żebgħa minn fuq is-sider u x-xagħar.

It-tindif li sar fuq l-istatwa, fost interventi oħra, ħareġ mill-ġdid is-sbuħija ta’ din l-istatwa u l-kuluri tagħha.

 

Ritratt ta' Rene’ Monseigneur

L-Irxoxt tal-Birgu ... kien joħroġ darbtejn

Bħal ma ġara fil-każ tal-Belt Valletta, l-imħabba għall-festa u l-purċissjoni tal-Irxoxt waslet fil-Birgu bis-saħħa tal-Griegi li kienu waslu Malta mal-Kavallieri minn Rodi u li kienu ngħataw tliet knejjes f’din il-belt. Meta dawn il-Griegi Kattoliċi telqu lejn il-Belt il-ġdida Valletta, il-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt baqgħet tiġi organizzata mill-Parroċċa ta’ San Lawrenz.

Bħal dak ta’ Bormla, anke l-Irxoxt tal-Birgu kien joħroġ fil-lejl ta’ bejn Sibt il-Għid u Ħadd il-Għid jew inkella kmieni mas-sebħ ta’ Ħadd il-Għid, wara li jindaqq il-Pater Noster fl-4am.

Interessanti dak li kien iseħħ fil-Birgu. Fil-fatt, matul is-sena, l-ewwel statwa tal-Irxoxt fil-Birgu kienet tinżamm fil-Knisja tal-Karmnu. F’Sibt il-Għid, din kienet tinħareġ f’purċissjoni akkumpanjata mill-banda Duke of Edinburgh sal-knisja parrokjali ta’ San Lawrenz. 

Madanakollu, fl-1936,  il-Konċilju reġjonali kien waqqaf il-purċissjoni tas-Sibt u l-Irxoxt beda jinħareġ biss f’Ħadd il-Għid.

L-istatwa tal-Irxoxt tal-Birgu li naraw illum tnaqqxet fl-injam mill-iskultur famuż Malti Salvu Psaila, li fost oħrajn ħadem l-istatwa ta’ Santa Elena ta’ Birkirkara. Dan sar fl-1833.

Bla dubju li dan ukoll huwa wieħed mill-isbaħ u fost l-aktar popolari mal-Maltin li jippakjaw it-toroq kollha tal-Belt Vittoriosa biex jassistu għall-ġirjiet tradizzjonali. 

Kristu Rxoxt jidher imtajjar ‘il fuq, b’idejh miftuħa, simili għal dak ta’ Bormla, iżda minflok il-palma f’idu l-leminja, qed iżomm il-bandiera tal-Ordni ta’ San Ġwann (marbut sew mal-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz u l-Birgu kollu kemm hu), f’idu x-xellugija.

Ftit tas-snin ilu, l-istatwa tal-Irxoxt fil-Birgu kienet ġarrbet xi ħsarat meta waqt waħda mill-ġirjiet tradizzjonali, il-bandiera f’id l-irxoxt qabdet ma’ wire li twaħħal fil-baxx minn kumpanija tat-telekomunikazzjoni, bil-konsegwenza li tqaċċtet id l-irxoxt.

Madanakollu, il-vara ma ġarrbitx ħsara rreparabbli u fil-fatt ix-xogħol ma damx ma beda u tlesta biex il-Ġirbin għadhom igawdu din l-istatwa fis-sbuħija kollha tagħha

Purċissjoni antika fl-Isla anke jekk twaqqfet għal xi snin

Il-purċissjoni tal-Irxoxt fl-Isla wkoll hija antika ħafna u x’aktarx li ilha ssir minn meta bdiet issir dik tal-Ġimgħa l-Kbira. Minn tal-inqas, din il-purċissjoni, ilha ssir mill-1714. Kienet il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni li kienet torganizza din il-purċissjoni u fil-fatt, l-istatwa tal-Irxoxt kienet proprjetà tagħha. 

Ħadd ma jaf meta saret jew min ħadem l-istatwa tal-Irxoxt tal-Isla. Interessanti li l-figura ta’ Kristu hija injam mill-qadd ‘l isfel u kartapesta mill-qadd ‘il fuq. X’aktarx li dan seħħ biex filwaqt li l-istatwa tkun b’saħħitha, fl-istess ħin ma tkunx tqila żżejjed. Dan jista’ jkun indikazzjoni li l-ġirjiet bl-Irxoxt huma aktar antiki minn kemm wieħed jaħseb.

Fis-sena 1989 il-vara ġiet irrestawrata u saru xi alterazzjonijiet mir-restawratur John Pace. Ġiet ukoll indurata l-libsa tal-Irxoxt. 

Oriġinarjmant, il-libsa tal-irxoxt kienet ħamra. F’idu kien iżomm bandiera, li aktar tard inbidlet ma’ bandalora, iżda fl-aħħar snin saritlu palma.

L-arġentier Senglean Vanni Bartolo ħadem raġġiera tal-fidda.

Jidher li l-purċissjoni kienet twaqqfet għal madwar disgħin sena, minħabba xi inċident li kien ġara fi żmien l-Arċipriet Dun Francesco Colombo iżda reġgħet bdiet issir fi żmien l-Arċipriet Dun Ġwann Sladden, fl-1969.

Fl-2013, seħħ inċident li seta’ kellu konsegwenzi aktar koroh, meta waqt waħda mill-ġirjiet, wieħed mir-reffiegħa waqa’ u l-bradella tal-irxoxt spiċċat kważi ċatta mal-art. Iżda dan xejn ma qata’ qalb ir-reffiegħa, li reġgħu qabdu l-bsaten u komplew bil-ġirja tagħhom.

It-tradizzjonijiet marbuta mal-Għid fil-Kottonera

Meta għandek tliet festi tal-Irxoxt li jmorru lura mijiet ta’ snin, ma jistax ikun li ma jkunx hemm tradizzjonijiet marbuta ma’ din il-ġurnata. Jekk tibda ma tiqafx.

‘Berikhieli Kristu Rxoxt’

Fost l-aktar tradizzjoni popolari u magħrufa hija dik tal-figolla tal-Għid. Fil-fatt, fil-Kottonera kien hemm it-tradizzjoni li t-tfal, tista’ tgħid kollha, kienu joħorġu bil-figolla (li llum il-bajda taċ-ċikkulata bir-rigali qed todħilha postha). 

Malli l-Irxoxt kien ikun għaddej bil-ġirja, it-tfal kienu jgħollu l-figolla ‘l fuq u jgħajtu: “Berikhieli Kristu Rxoxt.” Dak iż-żmien, ħadd mit-tfal ma kien jitħalla jaqsam il-figolla qabel ma jgħaddi l-Irxoxt jiġri minn ħdejhom. Tgħid illum għad għandhom paċenzja jistennew? 

Ta’ min isemmi li t-tradizzjoni ma nqatgħetx għal kollox. F’Bormla, b’mod partikolari, għadek tara tfal iżommu l-bajd tal-Għid ‘il fuq malli l-Irxoxt ikun tiela’ jiġri minn Triq l-Oratorju. Meta l-Irxoxt jasal quddiem il-Monasteru ta’ Santa Margerita, l-Arċipriet ta’ Bormla jieqaf jitlob mal-poplu u jbierek il-figolli u l-bajd tal-Għid li jkunu ġabu magħhom it-tfal. L-istess isir ukoll fil-Birgu u fl-Isla malli l-irxoxt jasal ħdejn il-knisja ta’ San Filippu.

L-Irxoxt ibierek il-baħar

Fil-Birgu, waħda mill-ġirjiet bl-Irxoxt, issir propju fi Triq il-Miratur, fl-inħawi magħrufa wkoll bħala fuq is-Sur tat-Toqba. It-tradizzjoni kienet li malli l-Irxoxt jasal hawn, fi tmiem il-ġirja, ir-reffiegħa kienu jgħollu din l-istatwa u jdawruha lejn il-bokka tal-port, biex l-Irxoxt ibierek il-baħar u l-port. X’aktarx li din it-tradizzjoni wkoll tmur lura għall-Griegi tar-Rit Biżantin li ġew mal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn Rodi.

‘Mal-Glorja naqbżu l-baħar’

Drawwa oħra, marbuta mal-baħar u li tgħodd għall-ibliet kollha tal-Kottonera u li llum inqatgħet għal kollox kienet dik li mal-glorja tal-Għid il-Kbir, għadd ta’ żgħażagħ kienu jaqbżu l-baħar, kiesaħ kemm hu kiesaħ u għalihom din kienet tkun l-ewwel għawma tas-sena.

Il-ġirjiet bl-Irxoxt kif bdew?

Il-ġirjiet bl-Irxoxt isiru kullimkien, iżda imkien ma jsiru bħal dawk tal-Kottonera, minn fejn wara kollox oriġinaw. Hawn min jaħseb li dawn oriġinaw minħabba li l-ewwel Gvernatur Ingliż, Sir Thomas Maitland, kien introduċa klawżola li kienet tistipola kemm kellha ddum purċissjoni u jekk il-purċissjoni kienet iddum aktar, kien hemm ukoll multi għall-kumitat. Fil-fatt, x’aktarx li l-ġirjiet bl-Irxoxt bdew isiru biex ir-reffiegħa jħaffu iżda fl-istess ħin l-Irxoxt xorta waħda jgħaddi mit-toroq prinċipali. Illum dawn il-ġirjiet huma aktar ċelebrattivi u jfissru l-ferħ ta’ dan il-jum. Kif spjegat aktar qabel, anke jekk il-ġirjiet kienu nqatgħu għal xi żmien, wara l-Gwerra kienu n-nies tal-Kottonera li reġgħu qajmu din it-tradizzjoni (ara l-parti dwar l-Irxoxt ta’ Bormla).

‘Ħaduhielu l-Begigga ħaduhielu’

Tradizzjoni ħelwa fil-Birgu hija dik magħrufa bħala l-Begigga li tinżamm nhar Sibt il-Għid filgħaxija. Għal ħafna snin, wara li kienet tindaqq il-Glorja tal-Għid, it-tfal u ż-żgħażagħ kienu joħorġu, ma’ xi daqqaqa u jduru t-toroq tal-Birgu, ikantaw u jagħmlu l-briju, anke permezz ta’ strumenti bħat-tanbur, il-flute u ż-żaqq, biex iferrħu lin-nies, għax Kristu qam mill-mewt. Interessanti li din ħadet dan l-isem minħabba ġrajja li seħħet 90 sena ilu. Waqt li kienet għaddejja din it-tradizzjoni, xi ħadd li kienu jgħidulu “Il-Begigga,” kellu mogħża mingħajr sarima u l-Pulizija ħaduhielu għax dan kien kontra l-liġi. Għalhekk, it-tfal u ż-żgħażagħ bdew jgħajtu: “ħaduhielu l-Begigga ħaduhielu,” u kull sena din baqgħet titkanta. Anke s-sena li għaddiet u din is-sena, minkejja r-restrizzjonijiet tal-pandemija, in-nies tal-Birgu żammew din it-tradizzjoni, b’daqq fuq borom, platti u kull ħaġa oħra li tagħmel l-istorbju, mill-gallariji u l-bjut. 

 

More in Festi