‘Meta niġu biex niddiskutu l-festi qed insibu l-bibien magħluqa’
Il-gazzetta ILLUM tiżvela l-proposti li kienu qed isiru biex il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni tkun tista’ tiġi ċċelebrata b’mod estern anke jekk b’mod ridott u kkontrollat
Hekk kif ħafna mir-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19 issa tneħħew u bdew jirritornaw ukoll attivitajiet li jiġbru flimkien ammont konsiderevoli ta’ nies, anke jekk imlaqqma, id-dilettanti tal-festi kienu qed jittamaw li mill-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni jirritornaw ukoll xi festi esterni.
Fil-fatt, il-Bormliżi, iżda anke diversi dilettanti kienu qed jittamaw li fit-8 ta’ Diċembru, kien se jingħata l-permess biex issir il-purċissjoni bl-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla.
Madanakollu, fl-aħħar jiem, l-Arċipriet tal-Kolleġġjata Bormliża ħabbar li la l-awtoritajiet tas-saħħa u lanqas l-awtoritajiet ekkleżjastiċi ma taw il-permess li ssir il-purċissjoni jew inkella festi oħra esterni.
Dan minkejja li fi ħdan l-Għaqda Każini tal-Banda kien twaqqaf Grupp ta’ Ħidma li ppreżenta wkoll proposta ta’ kif il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla setgħet tiġi ċċelebrata b’mod ridott, anke biex isservi ta’ prova biex mis-sena d-dieħla, ftit ftit, il-festi jerġgħu jibdew jiġu ċċelebrati anke b’mod estern.
Dan il-Grupp ta’ Ħidma huwa ffurmat minn membri li huma attivi u jagħmlu parti minn Għaqdiet Mużikali, Kumitati tal-Festa u Kumitati tal-Armar mifruxa madwar Malta u kien hemm ukoll rappreżentanza mill-organizzaturi tal-festa ta’ Bormla.
Id-diżappunt kien ċar mhux biss fost ħafna Bormliżi imma anke fost diversi dilettanti tal-festa li kienu qed jittamaw li ġaladarba s-sitwazzjoni tal-pandemija f’Malta baqgħet waħda taħt kontroll, anke bis-saħħa tat-tilqim, il-festa tal-Kunċizzjoni setgħet isservi ta’ ftit tama għall-festi, li issa ilhom kważi sentejn ma jiġu organizzati.
Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, mas-Segretarju taċ-Ċentru 19 ta’ Novembru 1944 li jorganizza, mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata, il-festa esterna tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla u anke ma’ Mario Coleiro, li kien wieħed minn tal-ewwel li ppropona li l-festa ta’ Bormla sservi bħala esperiment.
Il-gazzetta ILLUM qed tiżvela wkoll il-proposti li saru mill-Grupp ta’ Ħidma fi ħdan l-Għaqda Każini tal-Banda bil-għan li l-festa ta’ Bormla tkun iċċelebrata wkoll b’mod estern.
‘Meta niġu biex nitkellmu fuq il-festi qed insibu l-bibien magħluqa’
Il-gazzetta ILLUM bdiet titkellem mal-President tal-Għaqda Każini tal-Banda Noel Camilleri li saħaq li r-reazzjoni mhux biss tiegħu jew tal-Bormliżi, imma ta’ bosta dilettanti u Maltin kienet waħda ta’ diżappunt.
“Il-festa ta’ Bormla hija waħda popolari u maħbuba. Id-diżappunt kien evidenti,” insista.
Saħaq li meta wieħed jara l-attivitajiet li qed jiġu organizzati, inkluż il-parties fil-postijiet ta’ divertiment, kien qed jistenna li anke l-festi jibdew jirritornaw ftit ftit.
“Aħna mhux qed ngħidu li l-festi jsiru bħalma kienu jsiru qabel il-pandemija. Nifhmu li hemm is-saħħa tal-poplu li tiġi l-ewwel u qabel kollox imma ma nistax nifhem għaliex meta niġu biex nitkellmu dwar il-festi, qed insibu l-bibien magħluqa,” saħaq Camilleri.
Fakkar li l-festi mhumiex biss importanti mill-aspett reliġjuż, iżda anke komunitarju għax jagħtu identità lill-ibliet u l-irħula li fihom jiġu ċċelebrati.
Saħaq li l-Grupp ta’ Ħidma, meta fassal il-proposta tiegħu għall-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni kien kawt ħafna u ma rax kbir.
“Konnha kawti għal żewġ raġunijiet prinċipali,” insista Camilleri. “L-ewwel u qabel kollox għax irridu nħarsu s-saħħa tal-poplu u t-tieni nett għax kemm aħna bħala għaqdiet mużikali u għaqdiet tal-festi u lanqas il-parroċċi ma jifilħu, mill-aspett finanzjarju, jorganizzaw festi kif kienu jsiru qabel il-pandemija.”
Mistoqsi jekk il-Grupp ta’ Ħidma ppreżentax il-proposti tiegħu lill-awtoritajiet, Camilleri saħaq li wara li ġie ffinalizzat id-dokument, hu talab laqgħa kemm mal-awtoritajiet tal-Knisja u anke mal-awtoritajiet tas-saħħa, inkluż mal-Professur Charmaine Gauci.
“Minnufih qalulna le. Il-bibien qed insibuhom magħluqa,” insista Camilleri.
Dwar il-ħidma tal-grupp, Camilleri saħaq li dan mhux se jieqaf hawn. It-tir huwa li issa jaħdmu id f’id mal-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta bil-għan li sal-festa ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt, l-affarijiet jiċċaqilqu.
“Aħna lesti npoġġu u niddiskutu. Minn xi mkien irridu nibdew. Irridu naraw kif jiżviluppaw l-affarijiet. Imbagħad jew inżidu, jew innaqqsu. Imma xi darba rridu nibdew,” temm jisħaq Camilleri.
‘Fi Spanja, Sqallija u l-Italja bdew jiġu ċċelebrati xi festi u anke purċissjonijiet’
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Mario Coleiro, storiku, xandar iżda fuq kollox dilettant kbir tal-festi li saħaq li kien iddiżappuntat bi kbir meta ħarġet l-aħbar uffiċjali li anke l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla kienet se tibqa’ ġewwa.
Coleiro saħaq li fil-bidu tas-sena kienet tagħmel sens id-deċiżjoni li għal din is-sena ma jsirux festi esterni, kemm għax is-sitwazzjoni ma kienet tajba xejn u anke għax ma kinux qed isiru attivitajiet oħra.
Madanakollu insista li kien jistenna li ġaladarba issa l-affarijiet bdew jinbidlu, is-sitwazzjoni hija taħt kontroll u tneħħew ħafna restrizzjonijiet, anke din id-deċiżjoni kienet se tkun aġġornata.
“Iżda fuq il-festi l-affarijiet baqgħu kif kienu,” saħaq Coleiro.
F’kummenti mal-gazzetta ILLUM ix-xahar li għadda, Coleiro kien ippropona li l-festa ta’ Bormla, anke jekk ridotta, kellha sservi ta’ esperiment biex ftit ftit, anke l-festi jerġgħu jibdew ikunu ċċelebrati.
“Jiena ċert li l-maġġoranza tan-nies u d-dilettanti, mhux biss Bormliżi, kienu qed jittamaw li l-festa ta’ Bormla kienet se tkun l-ewwel xaqq ta’ dawl għall-festi. Issa rridu nistennew sa Frar biex forsi jitbexxaq xi ftit il-bieb,” insista Coleiro.
Saħaq li wisq jibża’ li d-deċiżjoni li ma toħroġx il-purċissjoni ta’ Bormla ttieħdet biex ikunu kkuntentati dawk il-ftit, li fi kliemu, “għad għandhom moħħhom magħluq,” u anke f’dan il-mument ħallew il-pika tirkibhom.
“Il-proposta biex toħroġ il-Kunċizzjoni ta’ Bormla saret biex inreġġgħu lura l-affarijiet għal dak li kienu u mhux biex ikun iffavorit xi ħadd,” saħaq.
Fakkar ukoll li f’pajjiżi oħra Ewropej, partikolarment fi Spanja, Sqallija u l-Italja, anke l-festi u l-purċissjonijiet qed isiru u dan meta mhux talli għadhom ma bdewx jagħtu l-booster tal-vaċċin, talli anke fir-rata tat-tilqim bl-ewwel żewġ dożi għadhom lura.
Fil-fatt, kemm fl-Italja u anke fi Spanja, diġà saru xi purċissjonijiet u se jsiru purċissjonijiet oħrajn, inkluż fit-8 ta’ Diċembru.
Għall-mistoqsijiet tal-ILLUM, Coleiro insista li issa qed jibża’ bis-serjetà li din il-waqfa fit-tul se tibda tħalli ħsara rreparabbli fuq il-festi.
“Dilettant li qabel kien jinżel il-maħżen jaħdem għall-festa, abbli qabad sistema ġdida ta kif jgħaddi l-ħin liberu tiegħu milli jmur jaħdem, b’mod volontarju għall-festa,” insista Coleiro waqt li fakkar li festa tirrikjedi xogħol kbir matul is-sena kollha.
Insista li qed jinkwetah ukoll il-fatt li, fi kliemu, “hawn min donnu hu kuntent bis-sitwazzjoni” u mhux jitkellem biżżejjed dwar dan.
Appella lill-awtoritajiet tas-saħħa biex bħalma għamlu regolamenti u protokolli biex ikunu jistgħu jsiru diversi attivitajiet, anke dawk tal-massa, issa jagħmlu wkoll l-istess għall-festi, biex sakemm il-pandemija tibqa’ magħna, ikunu jistgħu jsiru, anke jekk b’mod ikkontrollat.
“F’affarijiet oħra ġa wasalna u l-ħajja rritornat għan-normal. Imma l-festi, għal xi raġuni, tħallew l-art,” insista waqt li saħaq li l-akbar tħassib tiegħu huwa l-kult u l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
Appella wkoll lill-awtoritajiet tal-Knisja biex ma jiqfux jirsistu biex jerġgħu jibdew jiġu organizzati anke l-festi esterni. Fakkar li l-Knisja ħadmet u insistiet biex din is-sena jkunu ċċelebrati l-festi interni u issa għandha tagħmel l-istess għall-festi esterni, biex il-festi jibdew jiġu ċċelebrati anke fuq barra, ftit ftit.
‘Kellna tama kbira li se naraw lill-Immakulata fit-toroq’
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Matthew Tonna Gilford, Segretarju taċ-Ċentru 19 ta’ Novembru 1944, l-organizzatur tal-festa esterna tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla.
“Bħal ħafna oħrajn, jiena u sħabi kellna tama kbira li din is-sena se naraw lill-Immakulata fit-toroq u forsi ftit affarijiet li jirrigwardjaw il-festa esterna jseħħu,” beda jisħaq Tonna Gilford.
Insista li anke b’rispett lejn lokalitajiet oħra, ma kinux qed jippretendu li ssir il-festa sħiħa, anke jekk kienu lesti wkoll biex dan iseħħ.
Xi xhur ilu ddeċidejna dwar l-armar, u ġie deċiż li minkejja li ma konnix ċerti x'se jigri, se narmaw it-toroq għalkemm mhux kollox. Kellna pjan ieħor, li kellu jidħol fis-seħħ jekk ikollna l-konferma li l-Purċissjoni sessir,” saħaq.
Kien hawn li insista li meta raw li attivitajiet tal-massa oħra qed isiru u anke qed jiġu organizzati attivitajiet għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena, ittamaw f’rilaxx ta’ miżuri għall-festa.
“Vera li għal grazzja t’Alla se ngawdu l-festi interni, ħlief għall-ħruġ min-niċċa, imma aħna li naħdmu għall-festa ta' barra nkunu qed nistennew dawk il-jiem b'ħerqa biex naraw il-ħidma tagħna tissarraf,” insista.
Minkejja li issa huwa kkonfermat li l-purċissjoni mhux se ssir, Tonna Gilford saħaq li xorta waħda baqgħu jarmaw skont il-pjan li kellhom u xorta waħda se jsir spettaklu ta’ logħob tan-nar, kemm lejlet u anke nar il-festi. Se jiġi wkoll imżanżan xi armar.
“Wieħed jittama li ma ndumux ma nerġgħu lura għan-normalità fejn jidħlu festi esterni. Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-Arċipriet u l-Kapitlu li ħadu ħsieb it-tfassil tal-Programm tal-festi interni u lil dawk kollha involuti biex il-festa kull sena tkun organizzata bl-aqwa mod,” temm jgħid.
X’kienu l-proposti tal-Għaqda Każini tal-Banda għall-festa ta’ Bormla?
Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela l-proposti li l-Grupp ta’ Ħidma fi ħdan l-Għaqda Każini tal-Banda kien qed jagħmel lill-awtoritajiet bil-għan li l-festa ta’ Bormla tkun tista’ tiġi ċċelebrata b’ċertu protokolli, anke b’mod estern.
28 ta’ Novembru: Din il-ġurnata hija għal qalb ħafna Bormliżi għax fiha, kull sena, isir il-ħruġ tal-istatwa min-niċċa. Il-proposta tal-Grupp ta’ Ħidma kienet li għal din iċ-ċelebrazzjoni, id-dħul fil-knisja jkun bil-biljetti u kulħadd ipoġġi bid-distanza soċjali. L-istatwa tinħareġ min-niċċa u tiddawwar mal-knisja iżda kulħadd jibqa’ f’postu
5 u 6 ta’ Diċembru: Normalment, f’dawn il-ġranet isiru żewġ marċijiet fejn jittellgħu fuq il-kolonni xbiehat tal-Immakulata Kunċizzjoni u tal-Beatu Papa Piju IX, li kien ipproklama d-domma tal-Immakulata. Il-Grupp ta’ Ħidma kien qabel li f’dawn il-jumejn ma jsirux attivitajiet esterni.
7 ta’ Diċembru: Normalment, Lejlet il-Festa, wara t-tranżlazzjoni, isir spetakklu ta’ logħob tan-nar, marċ, programm mużikali mill-Banda San Ġorġ ta’ Bormla u wara jsir il-logħob tan-nar tal-art. Il-Grupp ta’ Ħidma kien qed jipproponi li din is-sena jingħata permess biex isir marċ qasir, tlugħ tal-istatwa tal-Immakulata Inkurunata u programm mużikali mill-Banda San Ġorġ quddiem il-każin. Id-dħul għal dan il-kunċert isir skont il-protokolli għal attivitajiet simili.
8 ta’ Diċembru: - Apparti l-purċissjoni, f’jum is-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Bormliżi jiċċelebraw il-marċ magħruf bħala tas-Siegħa. Il-Grupp ta’ Ħidma kien qed jipproponi li dan ma jiġix organizzat. Il-proposta kienet li ssir il-purċissjoni b’dawn il-protokolli:
- Dħul fil-knisja għall-waqt il-ħruġ u d-dħul ikun limitat biss għal numru ta’ nies li jkunu rriservaw post minn qabel.
- Waqt il-ħruġ u d-dħul tal-purċissjoni l-aċċess għal fuq iz-zuntier tal-knisja jkun limitat biss għal dawk li rriservaw post biex jidħlu fil-knisja.
- Ir-reffiegħa u l-fratelli jkunu lebsin il-maskla u jżommu d-distanza soċjali tul il-purċissjoni.
- Il-Banda San Ġorġ ta’ Bormla takkumpanja l-purċissjoni. Ma jkunx hemm baned mistiedna.
- Matul ir-rotta tal-purċissjoni jkun hemm numru ta’ stewards biex jikontrollaw il-miġemgħa. Kien propost ukoll li l-awtoritajiet tas-saħħa jew ċivili jibagħtu persuni biex jiġbru informazzjoni tan-nies preżenti ħalli wara l-festa jkun jista jiġi analizzat l-impatt.
Kif se tkun iċċelebrata l-festa ta’ Bormla?
Anke jekk b’mod estern mhu se jsir xejn, il-festa interna tal-Immakulata Kunċizzjoni se tkun iċċelebrata bħas-soltu.
Dan ifisser li fit-28 ta’ Novembru, anke jekk il-ħruġ min-niċċa se jsir b’mod privat, filgħaxija se ssir il-funzjoni, magħrufa bħala l-Ewwel Salve.
L-għada, 29 ta’ Novembru, tibda n-Novena. Il-Bormliżi huma magħrufa għan-Novena kmieni filgħodu, fil-5:45am. Filgħaxija mbagħad ikun hemm il-funzjoni tas-Salve.
Nhar il-Ħadd 5 ta’ Diċembru, filgħaxija, issir it-Tifkira Solenni tal-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari ta’ Marija Immakulata.
Nhar is-7 ta’ Diċembru, filgħodu ssir il-quddiesa tal-aħħar tan-Novena u filgħaxija, kif isir dejjem, ikun hemm it-Tranżlazzjoni Solenni tar-Relikwa u l-kant tal-Ewwel Għasar tas-Solennità.
L-Għada, f’Jum il-Festa, filgħodu jkun hemm il-Quddiesa l-Kbira bil-Paniġierku, magħrufa bħala l-Quddiesa ta’ Diacono. Filgħaxija, minflok il-purċissjoni, se tkun iċċelebrata quddiesa u wara ssir ir-Repożizzjoni tar-Relikwa u l-Barka Sagramentali.