San Filippu Neri u l-Oratorjani f’Malta

Fil-Festa ta’ San Filippu Neri u fir-Raba’ Ċentinarju mill-Kanonizazzjoni tiegħu

Il-pittura ta’ San Filippu Neri, fil-knisja tal-Portu Salvu tal-Isla, ispirata minn dik bl-istess suġġett, ta’ Guido Reni, fis-Santwarju ta’ Vallicella f’Ruma. L-awtur ta’ din il-kwadru kien Don Pedro Nunez de Villavicencio, pittur-kavallier minn Sevilja, u deskritta fl-atti taż-Żjara Pastorali tal-Isqof Michael Molina tal-1680.
Il-pittura ta’ San Filippu Neri, fil-knisja tal-Portu Salvu tal-Isla, ispirata minn dik bl-istess suġġett, ta’ Guido Reni, fis-Santwarju ta’ Vallicella f’Ruma. L-awtur ta’ din il-kwadru kien Don Pedro Nunez de Villavicencio, pittur-kavallier minn Sevilja, u deskritta fl-atti taż-Żjara Pastorali tal-Isqof Michael Molina tal-1680.

Il-qaddisin huma persuni umani li għexu ħajja straordinarja. Ilkoll wieġbu għall-istedina ta’ Alla biex iħaddmu t-talenti uniċi tagħhom. Jekk xi ħadd kellu jindika qaddis wieħed li wera l-lat umoristiku tal-qdusija, dan għandu jkun Filippu Neri. Min-naħa l-oħra, Filippu kien kapaċi jgħaqqad il-popolarità mal-qima fl-isfond ta’ Ruma korrotta u kleru diżinteressat, konsegwenza tat-telqa ta’ wara r-Rinaxximent. B’hekk huwa kien ukoll sinjal ta’ kontradizzjoni. 

It-tfulija 

Iben Francesco u Lucrezia da Mosciano, Filippu twieled f’Firenze, l-Italja, fit-22 ta’ Lulju 1515.  

Għadu tfajjel wera l-impulsività u l-ispontanjetà tal-karattru tiegħu. Darba, kien hemm fis-suq, ħmar mgħobbi bil-frott. Bla ħsieb ta’ xejn, qabeż għal fuq dahar il-ħmar li, maħsud, sfratta u t-tfajjel spiċċa f’kantina fil-qrib. B’miraklu ma ġralu xejn.  

Ta’ tmintax ġie mibgħut f’San Germano, taħt Monte Cassino, biex jgħin liz-ziju ta’ missieru, Bartolomeo Romolo, li kien negozjant.  

Ta’ Sikwit kien jinġabar fit-talb f’kappella ċkejkna tal-Benedittini ħdejn Gaeta. Hawn beda jħoss l-ewwel sinjali ta’ vokazzjoni. 

It-triq lejn is-saċerdozju 

Fl-1534 telaq għal Ruma u stabbilixxa ħbiberija ma’ Galeotto Caccia, Fjorentin bħalu u kap tad-Dwana, li tah kamra fqajra u x’jiekol kuljum bil-patt li jieħu ħsieb l-edukazzjoni taż-żewġ uliedu. 

Bejn l-1535 u l-1538, studja l-filosofija mad-Dumnikani u t-teoloġija mal-Agostinjani.  

Beda wkoll jiġbor xi żgħażagħ miegħu biex flimkien jitolbu, jistudjaw ir-reliġjon u jagħmlu atti oħra ta’ karità, l-iktar fl-isptar San Giacomo degli Incurabili. Hawn huwa sar ħabib kbir ta’ San Kamillu de Lellis.  

Fit-talb tiegħu beda jkun mistiku u kontemplattiv. Il-lejl kien għalih il-ħin speċjali għat-talb. Wara li jaqa’ d-dlam, huwa kien idur barra fit-toroq, xi kultant fi knejjes, iżda ħafna drabi fil-katakombi ta’ San Sebastiano biex jitlob.  

F’dan il-katakombi, f’Għid il-Ħamsin tal-1544, seħħ il-miraklu magħruf tal-qalb tiegħu li, bl-imħabba ta’ Alla, ntefħet u kissritlu żewġ kustilji, bla ma qatt tagħtu weġgħa.  

Wara din l-esperjenza, mar jgħix ta’ eremita fit-toroq ta’ Ruma. Huwa u jimxi f’Campo dei Fiori u fl-inħawi ta’ Trastevere kien jiltaqa’ ma’ żgħażagħ li jiżżufjettaw bih. Hu kien ikompli jiżżufjetta magħhom u jirbaħhom bis-simpatija tiegħu. Wara li jiċċajta, kien jinbidel fi predikatur u jgħidilhom: “Fratelli, state allegri, ridete pure, ti scherzate finché volete, ma non fate peccato!” (L-aħwa, kunu ferħana, idħku, iċċajtaw kemm tridu, imma tagħmlux dnub!) 

Fil-1548 waqqaf il-Konfraternità tat-Trinità għall-Pellegrini u l-Konvalexxenti fil-knisja ta’ San Salvatore in Campo.  

Isir qassis 

Fit-23 ta’ Mejju 1551 ġie ordnat saċerdot fil-knisja ta’ San Tommaso in Parione f’Ruma.  

Wara l-ordinazzjoni, mar joqgħod f’San Girolamo della Carità flimkien ma’ Dun Persiano Rosa u xi qassisin oħra li kienu jgħixu bil-karità. Għalih il-qrar kien sors ta’ djalogu mal-penitenti, u dan kien jagħmlu kuljum sa nofsinhar. Filgħaxija kien ilaqqa’ n-nies biex jitolbu, ikantaw u jitkellmu fuq il-ħwejjeġ tar-ruħ.  

Ritratt ta’ qabel il-gwerra li juri l-knisja ddedikata lil San Filippu Neri fil-Birgu. (Ħajr lis-Sur Lorenzo Zahra)
Ritratt ta’ qabel il-gwerra li juri l-knisja ddedikata lil San Filippu Neri fil-Birgu. (Ħajr lis-Sur Lorenzo Zahra)

Minħabba l-ħbiberija tiegħu ma’ Sant’Injazju minn Loyola u minħabba l-vjaġġ ta’ San Franġisk Saverju fil-Lvant Imbiegħed, ħassu mħeġġeġ li jmur missjunarju f’dawk l-artijiet. Iżda l-konfessur urieh biċ-ċar li l-missjoni tiegħu kienet tinsab f’Ruma u mhux fl-Indja. Hawn li l-vokazzjoni tiegħu saret definittiva: hu kien imsejjaħ biex ikun l-‘Appostlu ta’ Ruma’. 

Hu li ntebaħ li ż-żgħażagħ kellhom bżonn ta’ gwida fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, stedinhom biex jiltaqgħu u jiddiskutu flimkien qari spiritwali u wara jibqgħu flimkien għat-talb ta’ filgħaxija. In-numru ta’ dawk li attendew tant kiber li kellha tinħoloq struttura aktar formali. B’hekk tnissel l-ewwel nukleu tal-Oratorio

Titwaqqaf Kongregazzjoni ġdida 

Fl-1558 beda l-ewwel Oratorju fil-knisja ta’ San Girolamo della Carità. Xi ekkleżjastiċi għolja bdew jgħiru għalih. Iżda jekk ħabbat wiċċu ma’ għedewwa, daqstant ieħor sab min jgħinu, fosthom il-Kardinal Arċisqof ta’ Milan San Karlu Borromeo.   

Fl-1575 irnexxielu jdaħħal it-talb u l-qari tal-Bibbja fost in-nies komuni u beda skola għat-tfal. Fi żmien meta l-pedagoġija kienet awtoritarja, kien jitratta mat-tfal tat-triq b’paċenzja u ħlewwa: tibqa’ magħrufa l-eżortazzjoni tiegħu bid-djalett Romanesk: “State buoni ...se potete!” (Oqogħdu bilgħaqal... jekk tistgħu).  

Fil-15 ta’ Lulju 1575, il-Papa Girgor XIII approva l-Kongregazzjoni tal-Oratorju, magħmula minn saċerdoti sekulari u kjeriċi, u tahom il-knisja ta’ Santa Maria in Vallicella, li saret is-sede tagħhom.  

Lejn tmiem ħajtu  

Il-Papa Klement VIII ried jagħmlu kardinal imma m’aċċettax u, filwaqt li qabad u għolla l-kappell kardinalizju li kien bagħatlu l-Papa, għajjat: “Preferisco, Paradiso”, jiġifieri li kien jippreferi wisq iktar il-Ġenna minflok.  

Lejn l-aħħar snin ta’ ħajtu, kien milqut sew mill-mard u sikwit ibati minn deni. Fit-23 ta’ Mejju, festa ta’ Corpus Domini, qam f’tiegħu u ċċelebra l-quddiesa ta’ dik is-solennità. Tlett ijiem wara, 26 ta’ Mejju 1595, miet b’emoreġija gravi fl-età ta’ 80 sena.  

Maskra tax-xemgħa meħuda minn fuq il-wiċċ ta’ San Filippu Neri, appena miet, u li tinsab meqjuma fil-knisja tal-Portu Salvu tal-Isla
Maskra tax-xemgħa meħuda minn fuq il-wiċċ ta’ San Filippu Neri, appena miet, u li tinsab meqjuma fil-knisja tal-Portu Salvu tal-Isla

Il-fama ta’ qdusija li kien igawdi f’ħajtu, fis inbidlet f’kult. Il-proċess kanoniku għall-kanonizazzjoni tiegħu ġie mniedi xahrejn wara mewtu. Filippu Neri ġie beatifikat mill-Papa Pawlu V fil-25 ta’ Mejju 1615, u kanonizzat mill-Papa Gregorju XV fit-12 ta’ Marzu 1622. 

Il-Kongregazzjoni tal-Oratorju ta’ San Filippu Neri, b’regola approvata mill-Papa Pawlu V fl-1612, illum hija soċjetà Pontifiċja ta’ ħajja appostolika magħmula minn saċerdoti Kattoliċi u aħwa lajċi li jgħixu flimkien f’komunità. Il-ħidmiet tagħhom huma ffukati fuq it-talb, il-predikazzjoni u s-sagramenti.  

L-ewwel Oratorjan Malti 

L-ewwel Malti li ngħaqad mal-Oratorjani kien Dun Ġwanni Dumink Magri, mill-Belt Valletta, li ssieħeb fil-komunità tal-Oratorjani f’Messina. Fl-5 ta’ Ġunju 1648, ġie lura Malta, u l-Isqof Miguel Balaguer Camarasa ħatru kappillan tal-Birgu u fl-1649 assenjah għall-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta. 

Malta kienet ixxurtjata li fl-1652 esperjenzat, fil-Birgu, il-preżenza tal-ewwel komunità ta’ saċerdoti li segwew il-metodu u l-ispirtu ta’ San Filippu Neri. Aktar tard, fl-1662, twaqqfet komunità oħra tal-Oratorjani fl-Isla. 

L-Oratorjani fil-Birgu 

L-Oratorju ta’ San Filippu fil-Birgu kien jikkonsisti minn komunità żgħira. Mir-relazzjonijiet tad-diversi Viżti Pastorali, insiru nafu dwar il-knisja, l-Oratorju u l-kunvent, iżda ma jingħad xejn dwar l-attivitajiet tagħhom. Minkejja dan, il-Filippini kienu mfittxija għall-qrar u għall-appostolat fil-Birgu u fil-madwar. 

Fl-1652, l-Isqof Balaguer ħalla l-kura tal-knisja ddedikata lil Santa Marija tal-Anġli (mibnija fl-1624) f’idejn din il-komunità ġdida. L-ewwel Prepostu kien Dun Ġwann Vella u inħatar fl-1653 mill-Isqof Balaguer innifsu. 

Fis-17 ta’ Ġunju 1653, l-istess komunità ġiet fdata bil-kura tal-knisja tal-Madonna tal-Karmnu (mibnija fl-1611) fix-xatt tal-Birgu. 

L-isem tal-knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli fil-pront ġie mibdul għal dak ta’ San Filippu. Fl-1654 il-qassisin Oratorjani saru proprjetarji ta’ ġnien li kien hemm ħdejn il-knisja. Hemm huma stabbilixxew l-Oratorju u telqu mir-residenza żgħira u skomda li kellhom qabel.  

Din il-knisja, għad li ma kinitx żgħira, ma kelhiex ħlief artal wieħed. Għalhekk, ġiet mogħtija struttura ġdida biex tilħaq il-ħtiġijiet tal-Oratorjani. Huma żiedu żewġ artali, wieħed fuq kull ġenb.  

Mill-Viżta Pastorali tal-Isqof Balaguer imwettqa fl-1656, insiru nafu li fuq l-artal maġġur, li kien tal-ġebel, kien għadu kif sar tabernaklu ġdid tal-injam. Statwa tal-injam ta’ San Filipu, b’relikwija tal-qaddis ingastata fiha, tqiegħdet fuq it-tabernaklu. Fl-1714, l-kwadru titulari, ġie mibdul ma’ ieħor impitter mill-artist Ruman Andrea Sacchi. Kien jirrappreżenta lil San Filippu Neri flimkien ma’ San Ġwann Battista.  

Bejn l-1737 u l-1739, żewġ kappelluni – wieħed iddedikat lit-Twelid ta’ Ġesù u l-ieħor lil San Filippu Neri - kor u koppla ġew miżjuda mal-knisja, filwaqt li ħallew il-knisja oriġinali bħala l-korsija.  

Fl-20 ta’ Settembru 1771, il-Prepostu Dun Lazzru Camilleri ġie mogħti l-permess mill-Isqof Giovanni Pellerano biex in-nava prinċipali tinbena mill-ġdid. Dan il-bini iżda ma bediex qabel 1779. Fil-korsija mibnija mill-ġdid saru żewġ artali fuq kull naħa.  

Din il-knisja, waħda mill-isbaħ li hawn f’Malta għal dik li hija arkitettura, ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Vinċenz Labini fit-28 ta’ Settembru 1788. 

L-aħħar Prepostu kien il-Kanonku Dun Anton Pace li fl-1 ta’ Frar 1926 offra r-riżenja tiegħu għall-raġunijiet ta’ saħħa.  

Din il-knisja intlaqtet matul it-Tieni Gwerra Dinjija iżda, fortunatament, ġiet restawrata. Ma jistax jingħad l-istess għall-kunvent li ġġarraf kompletament.  

L-Oratorjani fl-Isla 

Komunità oħra tal-Oratorjani, simili għal dik fil-Birgu, kienet fl-Isla. Din wkoll segwiet ir-regola ta’ San Filippu Neri mingħajr ma kienet parti integrali mill-Kongregazzjoni tal-Filippini. 

Fil-15 ta’ Lulju, 1661, sitt qassisin Sengleani, talbu lill-Isqof Balaguer li jistabbilixxu, f’belt twelidhom, Oratorju taħt ir-regoli stabbiliti minn San Filippu Neri. Talbu lill-Isqof iħallihom jieħdu ħsieb il-knisja tal-Madonna ta’ Portu Salvu, flimkien mad-dar ċkejkna maġenbha.  

Wara li kkonsulta ma’ Dun Franġisk Azzopardi, kappillan tal-Isla, l-isqof approva t-talba tagħhom. It-28 ta’ Marzu 1662 jimmarka l-bidu tal-Oratorju fl-Isla. L-ewwel Prepostu kien Dun Xmun Schembri. 

Huma wiegħdu li jespandu l-knisja u li jagħtu lid-dar karattru ta’ kunvent. Fl-1669 inbena kunvent taħt id-direzzjoni tal-perit Petruzzo Debono. Dan huwa l-istess kunvent li nistgħu naraw illum. L-Oratorjani ddeċidew li jinkludu statwa sabiħa tal-patrun tagħhom fil-faċċata. 

Fl-1670, twaqqgħet il-knisja l-qadima (mibnija fl-1596), u nbniet mill-ġdid taħt is-superviżjoni tal-perit Carlo Vella. Il-bini ta’ din il-knisja, dam għaddej sal-1690 kawża tal-pesta tal-1675-76. Tul din l-imxija, l-Oratorjani, b’ħeġġa u karità, ħadu ħsieb tal-vittmi fl-Isla. Il-kunvent tagħhom kien ukoll maħsub biex kif jinżammu dawk milquta.  

Bejn l-1795 u l-1798, il-kunvent ta’ San Filep serva bħala post ta’ detenzjoni għal għaxar qassisin jew kjeriċi li ġew arrestati minn Mons. Giulio Carpegna (1793-1798), l-aħħar Inkwiżitur ta’ Malta. Barra minn hekk, waqt l-epidemija tal-kolera, f’Ġunju 1837, il-kunvent u l-knisja servew bħala sptar. Minħabba din is-sitwazzjoni, Sir Henry Frederick Bouverie, Gvernatur ta’ Malta, ordna lill-Oratorjani biex iħallu l-kunvent għal żmien qasir. 

Il-pittura ta’ San Filippu Neri, fil-knisja tal-Portu Salvu tal-Isla, ispirata minn dik bl-istess suġġett, ta’ Guido Reni, fis-Santwarju ta’ Vallicella f’Ruma. L-awtur ta’ din il-kwadru kien Don Pedro Nunez de Villavicencio, pittur-kavallier minn Sevilja, u deskritta fl-atti taż-Żjara Pastorali tal-Isqof Michael Molina tal-1680
Il-pittura ta’ San Filippu Neri, fil-knisja tal-Portu Salvu tal-Isla, ispirata minn dik bl-istess suġġett, ta’ Guido Reni, fis-Santwarju ta’ Vallicella f’Ruma. L-awtur ta’ din il-kwadru kien Don Pedro Nunez de Villavicencio, pittur-kavallier minn Sevilja, u deskritta fl-atti taż-Żjara Pastorali tal-Isqof Michael Molina tal-1680

Totalment għad-dispożizzjoni tal-Isqof djoċesan, ħafna mill-Oratorjani tal-Isla servew lid-djoċesi bħala arċiprieti u kappillani. Magħrufa għall-irtiri u d-direzzjoni spiritwali, il-qrar u l-predikazzjoni, l-Oratorjani mietu mewta naturali minħabba nuqqas ta’ vokazzjonijiet. L-aħħar Prepostu, Mons. Angelo Raggio, qatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu waħdu fl-Oratorju sakemm miet b’fama ta’ qdusija fl-1928. 

Bejn l-1943 u l-1957, waqt li l-knisja parrokkjali tal-Isla kienet qed tinbena mill-ġdid wara it-tiġrif tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-knisja tal-Madonna ta’ Portu Salvu temporanjament aġixxiet bħala knisja parrokkjali. 

Fl-1958, il-knisja u l-kunvent ta’ San Filippu ġew fdati f’idejn komunità tal-Ġiżwiti u fl-2008, ġew imħollija f’idejn is-Salesjani. 

Illum, filwaqt li nfakkru l-festa ta’ dan il-‘Qaddis tal-ferħ’ u fl-400 sena mill-kanonizazzjoni tiegħu, tajjeb ninnutaw li għalkemm għaddew kważi mitt sena mit-tmiem tal-preżenza tal-Oratorjani fil-Birgu u fl-Isla, ir-rabta tal-abitanti ta’ dawn l-ibliet mal-Oratorjani għadha ħajja. Il-knejjes li huma amministraw, għadhom jissejħu ‘ta’ San Filippu’ u anke l-inħawi tagħhom huma magħrufa bħala ‘fuq San Filippu’.  

More in Festi