Enċiklopedija tal-Festa Maltija: L-armar fil-knejjes (1)
Il-gazzetta ILLUM tibda b’sensiela ta’ artikli li matulhom se tkun qed tispjega kliem li huwa assoċjat mal-festi Maltin u Għawdxin, mill-armar tal-knisja u l-funzjonijiet sal-armar ta’ barra u n-nar
Hekk kif illum Ħal Tarxien qed jiċċelebra l-festa ta’ Marija Annunzjata, tista’ tgħid li beda l-istaġun tal-festi hekk kif issa, kull nhar ta’ Ħadd tkun qed tiġi ċċelebrata xi festa jew saħansitra aktar minn waħda.
Ma setax jasal staġun tal-festi u l-gazzetta ILLUM ma tagħmel xejn. Kull sajf, din il-gazzetta tagħti spazju biex tirrapporta u titkellem dwar il-festi Maltin u Għawdxin u ma setax jonqos li tagħmel l-istess din is-sena, hekk kif il-festi reġgħu rritornaw wara nuqqas ta’ sentejn.
Din is-sena, l-ILLUM se tagħmel xi ħaġa differenti. F’dawn is-sensiela ta’ artikli, l-ILLUM se tkun qed tħares lejn terminoloġija użata fil-festi u tispjega t-tifsira tagħha. Illum se nibdew inħarsu lejn l-armar fil-knejjes, b’mod partikolari l-armar li naraw fuq l-artali u fil-ġimgħat li ġejjin se nħarsu wkoll lejn aktar terminoloġija marbuta mal-armar fil-knejjes, mal-liturġija, l-armar ta’ barra u anke n-nar.
It-tużell
It-tużell huwa dak il-baldakkin (speċi ta’ kamp) li jiddendel fuq l-artal maġġur. Hawn knejjes li jarmawh is-sena kollha u jbiddluh għal wieħed aktar elaborat fil-ġranet tal-festa iżda oħrajn jarmawh biss għall-jiem tal-festa. Li hu żgur huwa li jagħti dehra differenti lill-knejjes u x’aktarx li malli tirfes l-għatba tal-bieb maġġur ta’ kull knisja, għajnejk se tmur mill-ewwel fuqu.
It-tużell ikun tal-injam indurat u jissaqqaf b’loppa jew kuruna, anke jekk fil-każ tal-Furjana, fuq nett issib tliet anġli jżommu mitra, wieħed mill-insinji ewlenin tal-Isqof. Il-pendendi, jiġifieri dak id-drapp li jiddendel minnu, ikollhom kulur differenti skont il-festa li tkun qed tiġi ċċelebrata. Pereżempju jekk il-festa tkun ta’ xi martri, id-drapp se jkun aħmar u jekk tkun qed tiġi ċċelebrata festa Marjana dan se jkun abjad.
Hemm knejjes li għandhom it-tużell tagħhom magħruf forsi aktar minn ta’ oħrajn minħabba x-xogħol elaborat li jkun fihom. Diġà semmejna tal-Furjana, iżda miegħu nistgħu nsemmu dak taż-Żejtun u taż-Żurrieq (Santa Katarina), tal-Bażilika ta’ San Pawl tar-Rabat u tal-Parroċċa tat-Tritina tal-Marsa. Oħrajn huma popolari minħabba xi karatteristika partikolari. Dak ta’ Ħal Tarxien huwa popolari minħabba d-drapp ċilesti u dak tal-knisja tal-Karmelitani tal-Imdina huwa uniku fl-għamla tiegħu għax flok rettangolari, huwa ovali.
L-artal huwa l-punt prinċipali tal-quddiesa. Huwa fuq l-artal li tiġi ċċelebrata l-akbar talba tal-Knisja, jiġifieri l-Quddiesa u x’aktarx li fuq l-artal maġġur stess, fit-tabernaklu, tinżamm l-għeżeż ħaġa għall-Insara, jiġifieri l-Ewkaristija. Jekk tifhem dan kollu, malajr tifhem x’inhu s-sinifikat simboliku tat-tużell. Bħalma r-rejiet kienu jimxu taħt il-baldakkin, anke biex ikunu protetti mill-elementi, daqshekk ieħor huwa t-tużell. It-tużell joħloq sens ta’ venerazzjoni u fuq kollox qed jipproteġi l-aktar punt importanti ta’ kull knisja.
Il-kanipew
Simili għat-tużell huwa l-kanopew. Il-kanopew hija dik ‘it-tinda’ żgħira tad-drapp li tgħatti t-tabernaklu, kemm jekk dan jinsab fuq l-artal maġġur u anke jekk jinsab f’xi kappella oħra fi knisja.
Bħat-tużell, il-kulur tal-kanopew ukoll jinbidel skont il-kulur liturġiku. Matul is-sena jkun sempliċi, iżda fil-festa x’aktarx li jinbidel għal wieħed aktar elaborat b’disinji bir-rakkmu tad-deheb.
Is-sinifikat tiegħu huwa simili għal dak tat-tużell. Il-kanopew joħloq sens ta’ venerazzjoni għax jgħatti t-tabernaklu fejn tinżamm l-Ewkaristija. Huwa jirrappreżenta wkoll il-preżenza ta’ Alla.
Jekk inqalbu fit-Testment l-Antik, b’mod partikolari fil-ktieb tal-Eżodu, naraw b’liema għożża kienet tinżamm l-Arka tal-Patt li fiha, fost affarijiet oħra, kienu jinżammu l-Għaxar Kmandamenti. Naqraw kif l-Arka kienet tinżamm b’għożża u titgħatta b’tinda. Anke fit-Tempju, kienet tinżamm fil-Qaddis tal-Qaddisin li kien ikun mifrud mill-bqija tat-tempju b’purtiera.
Fi kliem sempliċi, dan il-Qaddis tal-Qaddisin illum huwa t-tabernaklu u t-tinda li kienet tgħatti l-Arka tal-Patt huwa dan l-istess kanopew.
Hawn knejjes li flok kanipew jagħmlu sempliċiment purtiera rrakmata u oħrajn li saħansitra jgħattu t-tabernaklu b’ieħor tal-fidda, bħalma nsibu fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt, fil-Kolleġġjata Bażilika ta’ San Pawl tar-Rabat, fil-Kolleġġjata Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl tan-Nadur u fil-Kolleġġjata Bażilika ta’ Birkirkara.
Il-ventartal
Nibqgħu fuq l-artal. Fost l-apparat l-aktar importanti ta’ kull artal u li wkoll jagħtih dehra aktar sabiħa u solenni huwa l-ventartal. Il-ventartal huwa dak il-gwarniċ jew inkella dak it-tilar li jintrama mal-faċċata tal-artal jew aħjar mal-faċċata tal-mensla tal-artal.
Illum il-ventartal huwa sempliċiment dekorazzjoni li tagħti dehra mill-isbaħ lil kwalunkwe artal iżda fl-antik kien importanti wkoll. Qabel il-Konċilju Vatikan II, is-saċerdot ma kienx iqaddes fuq l-artal mejda li naraw illum, imma kien iqaddes fuq l-artal maġġur b’dahru lejn in-nies.
Għalhekk, il-mensola ta’ kull artal kien l-aktar ħaġa importanti fil-knisja u l-ventertal, bħat-tużell u anke l-kanipew joħloq dan is-sens ta’ venerazzjoni.
Insibu żewġ tipi ta’ ventartali. Hemm dawk li huwa kollha kemm huma tal-fidda. Ma nistgħux ma nsemmux il-Kolleġġjata ta’ Bormla, tal-Isla u dik ta’ San Pawl tal-Belt li huma magħrufa għall-ġmiel ta’ ventartali tal-fidda mhux biss għall-artal maġġur imma anke għall-artali laterali (jiġifieri l-artali l-oħra li wieħed isib fil-knisja.)
Hemm imbagħad dawk il-ventartali li jkollhom gwarniċa tal-fidda jew inkella tal-injam bi skultura elaborata u fin-nofs jitpoġġa tilar (jew hawn min isejjaħlu tanbur) tad-drapp bir-rakkmu.
Il-kulur ta’ dan id-drapp jiddependi mill-kulur liturġiku u mill-festa li tkun qed tiġi ċċelebrata. Fin-nofs x’aktarx li jkun hemm irrakmata l-arma jew inkella xi simboli marbuta mal-qaddis li għalih l-artal ikun iddedikat. Dawn it-tip ta’ ventartali rrakmati huma popolari ħafna, b’mod partikolari fil-Furjana.
It-trieħi u s-sopradvalja
Fost l-isbaħ apparat li jżejjen kull artal hemm it-trieħi u anke dik magħrufa bħala s-sopradvalja. It-trieħi huma dawk l-ispeċi ta’ dvalji bojod, bil-bizilla fit-tarf li jgħattu l-wiċċ tal-mensla tal-artal. Il-bizzilla, tkun taqleb għal fuq il-ventartal.
Is-sopradvalja hija dik it-terħa li titpoġġa fuq nett tat-trieħi. Din tkun magħmula minn bellus aħmar u l-ġnub tagħha, li jibqgħu neżlin sat-tarġa tal-artal, ikunu rrakmati bid-deheb. Bħall-ventartal, ir-rakmu ġeneralment ikun jinkludi mhux biss disinn elaborat imma anke l-arma jew is-simbolu tal-qaddis li l-knisja jew inkella l-artal ikun iddedikat għalih.
Kemm it-trieħi u anke s-sopradvalja jipproteġu l-mensla tal-artal, il-post li fuqu tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Għad hawn knejjes, li fil-ġranet tal-festa jneħħu l-artal mejda u s-saċerdot iqaddes fuq l-artal maġġur.
Is-sopradvalja u t-trieħi wkoll joħolqu sens ta’ venerazzjoni għall-artal. Is-sopradvalja, aktar mit-trieħi, tipproteġi wkoll l-artal, l-aktar post qaddis ta’ kull knisja, mill-elementi. Fil-fatt, is-sopradvalja kienet u għadha titneħħa waqt li tkun qed tiġi ċċelebrata l-quddiesa fuq l-artal maġġur u jitħallew it-trieħi.
Il-karti tal-glorja
Fost l-aħħar affarijiet li jintramaw f’kull knisja fil-ġranet tal-festa, hemm il-karti tal-glorja. Il-karti tal-glorja huma dawk it-tliet ‘frames’ tal-fidda li jitpoġġew fuq il-mensla tal-artal.
Illum il-ġurnata, il-karti tal-glorja huma sempliċiment dekorazzjoni li jagħmlu l-artal aktar solenni u sabiħ fil-ġranet tal-festa, imma fl-antik ma kontx issibhom biss fil-festa imma matul is-sena kollha, għax kellhom funzjoni importanti.
Fil-fatt, fi kliem sempliċi, fi żmien meta kienet tiġi ċċelebrata l-quddiesa Tridentina, jiġifieri l-quddiesa bir-rit l-antik, is-saċerdot li kien ikun wiċċu lejn l-artal, kien jaqra minn fuqhom.
Fil-fatt, il-karti tal-glorja, li ġeneralment ikunu tlieta, jinkludu dawk it-talbiet fissi li s-saċerdot kien jgħid f’kull quddiesa. Waħda minnhom tkun tinkludi l-introduzzjoni tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, li kien jingħad fil-bidu tal-quddiesa, u fl-oħrajn ikun hemm il-bqija tat-talb, fosthom it-talb li jgħid is-saċerdot meta jaħselo idejh qabel jikkonsagra, il-kredu u anka t-talba Ewkaristika.
L-Ostensjorju
L-ostensorju, etimoloġikament, jirreferi għal oġġett li jintuża biex permezz tiegħu tkun tista’ tiġi esposta xi ħaġa għad-devozzjoni. L-ostensorji fil-fatt jintużaw biex fihom ikunu jistgħu jiġu esposti r-relikwi tal-qaddisin li tagħhom tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa.
Fi żmien, l-ostensorji kellhom post aktar ċentrali fil-festi. Anke jekk ir-relikwa tal-qaddis jew il-qaddisa partikolari għadha sal-lum tinħareġ fil-purċissjoni, illum il-vari ħadu post aktar ċentrali. Fl-imgħoddi, qabel bdew isiru l-vari u qabel ma nfirxet din it-tradizzjoni, il-purċissjoni kienet issir sempliċiment bl-ostensorju, jew aħjar bir-relikwa tal-qaddis/a.
X’aktarx li l-ostensjorju jkun l-aħħar ħaġa li tintrama fil-knisja fil-ġranet tal-festa, hekk kif ir-relikwa tinġarr fit-tranżlazzjoni li ssir Lejliet il-Festa, fejn ir-relikwa titmexxa minn xi artal laterali jew xi kappella oħra fil-lokalità u titpoġġa fuq l-artal maġġur. Dan il-mument jimmarka l-bidu tas-Solennità, jiġifieri l-bidu liturġiku tal-festa.
F’xi lokalitajiet, ġimgħa wara l-festa, jew inkella fl-ottava (kif inhi magħrufa) hemm it-tradizzjoni li ssir ir-repożizzjoni tar-relikwa, meta din ‘titneħħa’ minn fuq l-artal maġġur u għalhekk tkun immarkata t-tmiem tal-festa.
Hemm lokalitajiet li dan l-oġġett jirreferu għalih sempliċiment bħala relikwarju u jużaw ostensorju biex jirreferu għal dak l-apparat liturġiku li fih titpoġġa l-Ekwaristija għall-Adorazzjoni, biex tinġarr f’xi purċissjoni jew biex tingħata l-Barka Sagramentali. F’postijiet oħra, dan l-oġġett li fih titpoġġa l-Ewkaristija għall-adorazzjoni, tissejjaħ sfera.
Il-lampier u l-loppa / fjokk
Il-lampier tal-artal maġġur tal-Katidral ta’ Għawdex
Se nitbiegħdu ftit mill-artal imma se nibqgħu assoċjati miegħu. Faċċata tal-artal, kemm dak maġġur u anke dawk laterali, jiddendel il-lampier. Dan ikun bħal fanal tal-fidda li jiddendel mis-saqaf u fih titpoġġa xemgħa.
Fil-każ tal-artali laterali, din ix-xemgħa hija sinjal ta’ devozzjoni, imma fil-każ tal-artal maġġur jew inkella tas-Sagrament, ix-xemgħa tissimbolizza l-preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.
Fil-fatt, fil-każ tal-lampier ta’ quddiem it-tabernaklu, dan jinżamm dejjem mixgħul, anke meta l-knisja tkun magħluqa.
Ġeneralment, il-lampieri tal-artali laterali jkunu jinkludu xemgħa waħda, iżda hawn knejjes li l-lampier tal-artal maġġur, jew inkella tal-artal li fuqu jkun hemm it-tabernaklu, ikun jinkludi erba’ jew ħames xemgħat.
Bejn il-katina li żżomm il-lampier u l-lampier innifsu ikun hemm dik li tissejjaħ il-loppa jew fjokk (skont il-lokalità). Din tkun bħal gwarniċa tal-injam u magħha jkun hemm imdendel drapp aħmar.
Il-loppa jew il-fjokk tagħti dehra aktar sabiħa u solenni lill-lampier u tifirdu minn mal-katina.