Enċiklopedija tal-Festa Maltija: L-armar fil-knejjes (4)

Il-gazzetta ILLUM tkompli b’sensiela ta’ artikli li matulhom se tkun qed tispjega kliem li huwa assoċjat mal-festi Maltin u Għawdxin, mill-armar tal-knisja u l-funzjonijiet sal-armar ta’ barra u n-nar. Dak tal-lum huwa l-aħħar wieħed dwar l-armar fil-knejjes 

Il-Mazza u l-Kapitlu 

Kieku kellna nistaqsu liż-żgħażagħ xi tfisser il-mazza, żgur li mhux se jgħidulna li hija dik li tinġarr quddiem il-kanonċi. Jekk fil-lingwaġġ taż-żgħażagħ, il-mazza tfisser xi persuna sabiħa ħafna, fil-knejjes tagħna (u mhux biss) għandha tifsira kompletament differenti. 

Il-mazza mhux se ssibha armata jew tintuża fil-knejjes kollha. Se ssibha biss f’dawk il-knejjes li għandhom id-dinjità ta’ Kolleġġjata. Jekk wieħed iħares lejn l-etimoloġija tal-kelma Kolleġġjata, jinduna li din tfisser għaqda (kolleġġjalità). Fil-fatt, f’Kolleġġjata jkun hemm grupp ta’ qassisin. Dawn il-qassisin f’din l-għaqda jissejħu kanonċi u flimkien jifformaw il-kapitlu. 

Il-kanonċi jintagħrfu mill-ilbies tagħhom. Apparti s-suttana, dawn ikunu liebsa r-rukkett (bħal spelizza bil-bizzilla), il-muzzetta (bħal kappa żgħira roża bil-buttuni), ir-rużetta (ċurkett) is-salib (li jkun iddekorat differenti skont il-Kolleġġjata) u l-berettin (li dari kien jintlibes mill-qassisin kollha). Dan kollu jissejjaħ ilbies korali.  

Il-mazzier miexi bil-mazza fuq spalltu quddiem il-Kapitlu Senglean
Il-mazzier miexi bil-mazza fuq spalltu quddiem il-Kapitlu Senglean

Jintagħrfu wkoll għax jimxu wara l-mazzier. Il-mazzier jakkumpanja lill-Kapitlu kemm waqt il-funzjonijiet fil-knisja u anke waqt il-purċissjonijiet. Huwa jżomm fuq spallejh il-mazza, li hija dik l-insinji li tirrappreżenta l-kapitlu. Fil-Parlament Ingliż, pereżempju, għadna naraw il-mazza, bil-kuruna fuqha, li tirrappreżenta lir-Re jew ir-Reġina. L-istess tagħmel il-mazza fil-Kolleġġjata. 

Il-mazza tinżamm minn lasta ħoxna u fuq nett tkun iddekorata, x’aktarx bix-xbieha tal-patrun jew il-patruna li għaliha tkun iddedikata l-knisja. Il-mazza tkun tal-fidda. 

Fil-funerali, jew inkella fil-Ġimgħa l-Kbira, bħala sinjal ta’ luttu, il-mazza tinżamm fuq l-idejn u mhux fl-ispalla. 

Il-mazza ġeneralment titpoġġa maġenb l-artal maġġur, biswit is-sedili tal-kor (il-parti ta’ wara l-artal) fejn il-kanonċi jpoġġu waqt il-mumenti komuni ta’ talb. 

Il-mibki Kanonku John Ciarlò iżomm il-virga tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata Pawlina tal-Belt Valletta
Il-mibki Kanonku John Ciarlò iżomm il-virga tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata Pawlina tal-Belt Valletta

Il-Virga 

Anke jekk il-qassisin li jkunu membri tal-kapitlu kollha kemm huma jissejħu kanonċi, dawn kollha jkollhom dinjità u magħha jkun hemm marbuta uffiċċju (responsbabilità) partikolari. L-ogħla grad ivarja. F’xi kolleġġjati, l-ogħla grad huwa dak tal-Kanonku Arċipriet iżda f’Birkikara, il-Prepostu għandu l-ogħla dinjità. 

Fost oħrajn, ikun hemm ukoll il-kanonku Teżorier, il-kanonku Teologu, il-kanoku Penitenzier (jieħu ħsieb il-Qrar) u anke l-kanonku Kantur, jiġifieri dak li jmexxi l-kant. 

Jekk is-surmast tal-orkestra jżomm f’idu l-bakketta, il-kanonku Kantur jintagħraf għax iżomm fuq spallejh il-virga, bħal qasba żgħira. Fit-tarf tagħha jkun hemm jew boċċa, li permezz tagħha kien juri n-noti minn fuq libruni kbar tal-mużika li kienu jitpoġġew f’leġiju kbir fin-nofs tal-kor (wara l-artal), xbieha tal-patrun/a jew l-arma tal-Kolleġġjata. 

Il-kantur narawh iġorr il-virga waqt il-purċissjoniijet u anke waqt il-funzjonijiet fil-knisja, meta jmur quddiem iċ-Ċelebrant u jintonalu minn taħt l-ilsien xi vers partikolari, bħal pereżempju l-Glorja. Iċ-Ċelebrant imbagħad jirrepeti b’vuċi għolja l-vers li jkun intonalu l-Kantur. 

Bħal mazza, il-virga tintrama wkoll mas-sedili fil-Kor, viċin il-post fejn ipoġġi l-kanonku Kantur. 

F’xi knejjes tar-reliġjużi, jiġifieri fi knisja tal-patrijiet li jappertjenu għal xi ordni reliġjuż, ukoll issib il-virga u l-funzjoni tagħha hija l-istess. 

Messalli tal-fidda li wieħed isib fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl tal-Belt
Messalli tal-fidda li wieħed isib fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl tal-Belt

Il-Messall u l-Leġiju 

Fuq il-gradenzina, iżda mhux biss, ikun hemm ukoll il-messall. Il-messall huwa dak il-ktieb oħxon li juża s-saċerdot waqt il-quddiesa u li fih ikun hemm miġbur it-talb kollu tal-Quddiesa. 

Jekk matul is-sena, il-messall ikun sempliċi ktieb b’qoxra ħoxna, fil-festa dan jinbidel għal wieħed b’qoxra tal-fidda. X’aktarx li fuq din il-qoxra jkun hemm disinn u saħansitra anke armi jew inkella xbieha ta’ xi qaddis jew qaddisa li għalihom il-knisja jew inkella l-artal partikolari jkun iddedikat. 

Fil-fatt, x’aktarx li knisja se jkollha aktar minn messall wieħed tal-fidda. Ġaladarba, qabel il-Konċilju Vatikan II, kien isir ħafna quddies anke fuq l-artali laterli (għax ma kinux isiru konċelebrazzjonijiet), kull artal kien ikollu t-tagħmir u l-armar tiegħu, inkluż il-messall. 

Fil-ġranet tal-festa, diversi knejjes għadhom jarmaw dawn il-messalli jew fuq il-gradenzina jew fuq l-artali nfushom, fis-sagristija jew inkella fin-niċċa tal-vara biex ma tibqax vojta. Miġbura flimkien, dawn il-messalli, jkun fihom spetakklu. 

Il-leġiju mbagħad huwa dak l-apparat li fuqu jitpoġġa l-messall biex is-saċerdot ikun jista’ jaqra b’aktar kumdità. Hemm leġiji tal-injam iżda hemm oħrajn tal-fidda, ewlenin fosthom dawk li wieħed isib fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta. 

L-Arċisqof ibierek bl-asperġes filwaqt li seminarista jżomm f’idu s-Satla bl-ilma mbierek
L-Arċisqof ibierek bl-asperġes filwaqt li seminarista jżomm f’idu s-Satla bl-ilma mbierek

Is-Satla / Sasla u l-Asperġes 

Il-ġimgħa li għaddiet bdejna nagħtu ħarsa lejn xi affarijiet żgħar li anke jekk ma jiġbdux l-għajn, ikunu armati u huma importanti għax jintużaw fil-funzjonijiet. Ħafna minn dawn l-oġġetti żgħar, jintramaw, kif spjegajna, fuq il-gradenzina, biswit l-artal maġġur. 

Illum se nitkellmu fuq is-satla jew inkella s-sasla kif isejħulha f’xi lokalitajiet u marbuta magħha anke l-asperġes. 

Nibdew mis-satla. Din hija bħal bowl jew inkella kontenitur tal-fidda li fih jitpoġġa l-ilma mbierek.  

Fis-satla, jkun hemm l-asperġes, jiġifieri dik il-boċċa li s-saċerdot ibill fl-ilma bierek biex imbagħad iroxxu fuq il-ġemgħa. 

Is-satla u l-asperġes jintużaw fit-tberik tal-familji u anke f’xi funzjonijiet importanti tal-Knisja, bħall-Vġili tal-Għid. Jintużaw ukoll meta xi Isqof jintlaqa’ mill-kleru tal-parroċċa. Malli jasal fil-bieb tal-knisja, l-Isqof iroxx l-ilma mbierek fuq il-kleru u l-kongregazzjoni. Tintuża wkoll fil-funerali, meta s-saċerdot ibierek it-tebut. 

Fiż-żmien, kien hemm it-tradizzjoni li waqt it-tberik, il-familji jitfgħu donazzjoni (muniti) fis-satla stess.  

Illum hawn tipi ta’ asperġestijiet fejn lanqas ikun hemm bżonn is-satla għax l-ilma mbierek jimtela’ fl-asperġes stess. 

Il-verumeral li jintuża fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta
Il-verumeral li jintuża fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta

Il-Verumeral

Meta l-ġimgħa li għaddiet tkellimna fuq l-apparat tal-festa (ara l-artiklu) semmejna l-verumeral bħala parti minn dan l-ilbies liturġiku. 

Madanakollu ma tajnix spjega ta’ x’inhu dan il-verumeral. 

Il-verumeral huwa bħal kappa żgħira li titpoġġa fuq spallejn is-saċerdot fil-ħin tal-Barka Sagramentali. Fil-fatt, bħala sinjal ta’ venerazzjoni, is-saċerdot ma jaqbadx l-isfera (ara l-artikli li għaddew) b’idejh, iżda juża d-drapp tal-verumeral biex jaqbadha bih. Il-verumeral, għalhekk, jintuża wkoll waqt il-purċissjonijiet Ewkaristiċi. 

Apparti minn hekk, il-verumeral jintuża wkoll mis-saċerdot biex jitrasporta l-Ewkaristija magħluqa fil-pissidi minn fuq l-artal maġġur sal-Kappella tas-Sagrament fejn ikun hemm it-tabernaklu. Meta jagħmel hekk, is-saċerdot bħal jostor l-Ewkaristija fid-drapp tal-verumeral. 

Matul is-sena, l-verumeral li jintuża jkun wieħed sempliċi, iżda fil-ġranet tal-festa u anke f’festi kbar tal-Knisja, dan jinbidel għal wieħed aktar elaborat u rrakmat, x’aktarx b’simboli tal-Ewkaristija. 

Il-verumeral ikun dejjem ta’ kulur abjad jew inkella dehbieni iżda jista’ jkun aħmar ukoll meta jintuża biex is-saċerdot iġorr il-Verulinju, jiġifieri r-relikwa tas-Salib ta’ Kristu li dwarha tkellimna bħal-lum ġimgħa. 

Il-mant li jintrama fil-Parroċċa ta' Ħaż-Żabbar u li tħati fil-ġranet tal-festa titpoġġa l-vara devota tal-Madonna tal-Grazzja
Il-mant li jintrama fil-Parroċċa ta' Ħaż-Żabbar u li tħati fil-ġranet tal-festa titpoġġa l-vara devota tal-Madonna tal-Grazzja

Il-Mant / Il-Pavaljun 

Fost l-isbaħ u anke l-aktar armar prominenti fil-knisja nsibu wkoll il-mant jew inkella l-pavaljun kif jissejjaħ f’xi rħula. Dan ikun bħal tron tad-drapp, imsaqqaf b’kuruna, li taħtu titpoġġa l-vara fil-ġranet tal-festa.  

Żewġ anġli, kbar jew żgħar, jintramaw fil-ġnub tiegħu, daqslieku qed iżommu u jiftħu d-drapp. Dak tal-Bambina tan-Naxxar, jinkludi aktar minn żewġ anġli. 

Mhux kull knisja għandha mant, anke għax dan jintuża biss minn uħud minn dawk il-knejjes li jiċċelebraw festa tal-Madonna jew inkella ta’ San Ġużepp. 

Fil-każ tal-festi Marjani, x’aktarx li minn barra, il-mant ikun wieħed aħmar, blu jew ċilest u abjad, aħmar jew ċilesti minn ġewwa. Fil-każ ta’ San Ġużepp, il-mant ikun blu minn barra u abjad jew ċilest minn ġewwa. 

Hemm imbagħad knejjes li l-mant tagħhom huwa wieħed partikolari. Pereżempju fil-Parroċċa ta’ Porto Salvo u San Duminku, tal-Belt Valletta, jintrama mant mill-isbaħ, li jixbaħ iżjed lil tron, biex taħtu titpoġġa x-xbieha tal-Madonna tar-Rużarju.  

F’xi knejjes, jintrama mant iżgħar biex fih titpoġġa l-kapsola tas-Sepulkru fil-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa u hawn ukoll min għandu mant ċkejken ħafna li jintuża fil-Milied biex taħtu titpoġġa x-xbieha ta’ Ġesù Bambin. 

Segwi hawn l-ewwel artiklu ta' din l-enċiklopedija:

More in Festi