Enċiklopedija tal-Festa Maltija: Il-Funzjonijiet u l-Mużika (5)

Il-gazzetta ILLUM tkompli b’sensiela ta’ artikli li matulhom qed tispjega kliem li huwa assoċjat mal-festi Maltin u Għawdxin, mill-armar tal-knisja u l-funzjonijiet sal-armar ta’ barra u n-nar. Illum nibdew nitkellmu dwar il-funzjonijiet u l-mużika fil-festa 

It-Tridu 

Il-kelma Tridu ġejja mill-kelma bil-Latin “triduum” li tfisser perjodu ta’ tlett ijiem. Fil-festi, it-Tridu sar jirreferi għal dawk il-jiem ta’ tħejjija li jsiru qabel jum il-festa. 

Ġeneralment dawk il-festi li jiċċelebraw qaddis jew inkella qaddisa, jiċċelebraw it-Tridu u li permezz tiegħu l-festa tibda tilħaq il-qofol tagħha. 

Fil-każ ta’ festa titulari li tiġi ċċelebrata l-Ħadd, it-Tridu jibda mill-Erbgħa u jintemm il-Ġimgħa (anke jekk effettivament anke s-Sibt filgħodu jkun għadu ż-żmien tat-Tridu). Ta’ min ifakkar li s-solennitajiet tal-Knisja jibdew min-nofsinhar tal-ġurnata ta’ qabel. 

Għalhekk, biex nieħdu eżempju, jekk fil-15 ta’ Awwissu l-Knisja tiċċelebra s-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna, is-solennità tidħol mill-14 ta’ Awwissu f’nofsinhar. Dan ifisser li għall-Knisja, l-14 ta’ Awwissu filgħaxija huwa daqs il-15 ta’ Awwissu. 

Propju għalhekk li t-Tridu jibda mill-Erbgħa u jibqa’ sejjer sal-Ġimgħa u mhux sas-Sibt filgħaxija. 

Fil-każ tal-festi sekondarji, it-Tridu jibda mill-Ħamis u jibqa’ sejjer xorta waħda sas-Sibt filgħaxija jew inkella sa Lejlet il-Festa filgħaxija.  

It-Tridu jkun jikkonsisti minn quddiesa solenni u li matulha saċerdot ikun mistieden jagħmel tliet riflessjonijiet (waħda għal kuljum) fuq il-qaddis jew il-qaddisa partikolari. Fil-knejjes li għandhom il-pulptu (bħal ambone imma elevat), ir-riflessjonijiet ġeneralment isiru minn fuqu. 

Ġeneralment dawn ir-riflessjonijiet isiru waqt il-quddiesa stess, minflok l-omelija, imma hemm festi oħra fejn din ir-riflessjoni ssir wara l-quddiesa, qabel il-mutett (ara aktar ‘l isfel) kif isir fil-każ tal-festa ta’ San Pawl tal-Belt Valletta.  

Apparti l-festi, il-Knisja tiċċelebra wkoll dak magħruf ukoll bħala Tridu tal-Għid il-Kbir, li jibda minn Ħamis ix-Xirka filgħaxija meta l-Knisja tipprepara biex tiċċelebraw l-akbar Solennità u l-qofol tal-fidi Nisranija. 

In-Novena 

Il-quddiesa tan-Novena fil-festa ta’ Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien
Il-quddiesa tan-Novena fil-festa ta’ Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien

In-Novena hija simili għat-Tridu iżda hija mifruxa fuq disat ijiem. Fil-fatt, il-kelma ġejja mil-Latin “novem” u tfisser disa’.  

Għalhekk, jekk it-Tridu huwa tlett ijiem ta’ tħejjija, in-novena hija disat ijiem ta’ tħejjija qabel il-festa.  

In-Novena ġeneralament (imma mhux dejjem) tiġi ċċelebrata f’dawk il-knejjes li l-festa titulari tagħhom hija tal-Madonna.  

Madanakollu, hemm knejjes oħra, li l-festa titulari tagħhom hija ta’ qaddis, li wkoll jiċċelebraw Novena. Biex nagħtu eżempju wieħed, fil-każ tal-festa ta’ San Lawrenz tal-Birgu tiġi ċċelebrata Novena u mhux Tridu. 

Matul il-ġranet tan-Novena, iseħħ l-istess bħalma jsir fit-Tridu. Issir quddiesa solenni li matulha saċerdot ikun mistieden jagħmel disa’ riflessjonijiet. 

Ma nistgħux nitkellmu dwar in-Novena u ma nagħmlux referenza għal Bormla. Il-Bormliżi huma magħrufa għan-Novena li jiċċelebraw fis-sitta neqsin kwart ta’ filgħodu, minkejja l-kesħa ta’ Diċembru.  

Ġeneralment, in-Novena tibqa’ sejra sal-ġurnata ta’ qabel Lejliet il-Festa, dik magħrufa bħala l-Antivigilia. Dan ifisser li jekk il-festa tkun se ssir il-Ħadd, l-aħħar quddiesa tan-Novena ssir il-Ġimgħa. 

Fil-każ ta’ Bormla, l-aħħar quddiesa tan-Novena ssir lejliet il-festa filgħodu. Dan iseħħ kemm għax in-Novena dejjem issir filgħodu u anke għax, kif diġà rajna, is-solennità tal-festa tibda min-nofsinhar ta’ lejliet il-festa u għalhekk filgħodu jkun għad hemm lok għan-Novena. 

Interessanti nsemmu wkoll kif fil-Birgu hemm it-tradizzjoni kif fl-aħħar jum tan-Novena, apparti riflessjoni fuq San Lawrenz, is-saċerdot jagħmel diskors dwar l-Assedju l-Kbar, anke minħabba r-rabta li hemm bejn din il-Kolleġġjata u l-Ordni ta’ San Ġwann. 

Apparti fil-festi, il-Knisja tiċċelebra n-Novena bi tħejjija għal solennitajiet importanti tagħha. Fost dawn ma nistgħux ma nsemmux in-Novena tal-Milied u anke n-Novena ta’ Pentecoste meta l-Knisja tiċċelebra l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostlu u għalhekk it-twelid tagħha.  

Il-quddiesa fil-ftuħ tal-Kwindiċina tal-festa ta’ Santa Marija fil-Katidral ta’ Għawdex
Il-quddiesa fil-ftuħ tal-Kwindiċina tal-festa ta’ Santa Marija fil-Katidral ta’ Għawdex

Il-Kwindiċina u s-Settena 

La qed nitkellmu fuq il-ġranet ta’ tħejjija ta’ qabel il-festa, ma nistgħux ma nsemmux il-kwindiċina. Il-kwindiċina, mit-Taljan “quindici,” tiġi ċċelebrara f’dawk il-knejjes li jiċċelebraw il-festa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna, magħrufa magħna l-Maltin bħala Santa Marija. 

Għalhekk, il-kwindiċina tirreferi għal ħmistax-il jum ta’ preparazzjoni qabel din is-Solennità kbira Marjana, li ħafna jirreferu għaliha bħala l-Għid tas-Sajf.  

Mill-banda l-oħra, is-Settena, mit-Taljan “sette” huma sebat ijiem ta’ tħejjija qabel il-festa ta’ Marija Addolorata, kemm dik devozzjonali li ssir nhar il-Ġimgħa ta’ qabel Ħadd il-Palm, jew inkella qabel il-festa liturġika ta’ Marija Addolorata ċċelebrata fil-15 ta’ Settembru. 

Fi żmien, is-Settena kienet issir b’solennità u devozzjoni kbira b’mod partikolari f’Bormla u anke fil-Belt Valletta fejn id-devozzjoni lejn id-Duluri (kif nafuha l-Maltin) tmur lura ħafna snin. 

Il-forma hija dejjem bħal dik tat-Tridu u tan-Novena, jiġifieri quddiesa solenni b’riflessjoni fuq il-Madonna. 

Il-Mutett u s-Salve 

Il-mutett isir wara l-quddiesa tat-Tridu, in-Novena, il-Kwindiċina jew is-Settena. Malli tintemm il-quddiesa u ġeneralment tingħad il-kurunella, is-saċerdot li issa jkun neħħa l-pjaneta (li jilbes waqt il-quddies) u libes il-kappa (bħal mantell), jerġa’ joħroġ fuq l-artal u jibda l-mutett. 

Il-mutett x’aktarx li jibda bil-kant tal-innu li ġeneralment ikun bil-Latin u elaborat ħafna. Dan ikun innu ta’ tifħir lill-qaddis jew il-qaddisa li għalihom tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa. 

Wara dan l-innu, (li ġieli jkun pjuttost twil u jkun alternat, jiġifieri silta titkanta mill-kor akkumpanjat bl-orkestra, u silta mill-kongregazzjoni) titkanta l-antifona. 

Wara l-antifona jitkanta innu Ewkaristiku, sakemm l-Ewkaristija titpoġġa fl-isfera u wara l-kant tat-Tantum Ergo (Dal Misteru) tingħata l-Barka Sagramentali. Il-mutett x’aktarx li jintemm bil-kant tal-innu popolari lill-qaddis jew il-qaddisa. 

F’xi lokalitajiet li jiċċelebraw festa Marjana, jiġifieri festa tal-Madonna, il-mutett jirreferu għalih bħala s-Salve u dan għax minflok l-innu (li jindaqq fil-bidu tal-mutett) titkanta s-Salve Regina.  

Apparti s-Salve Regina, ma hemm l-ebda differenza oħra bejn il-Mutett u s-Salve. 

Partitura tat-Te Deum hekk kif kantat bil-Gregorjan
Partitura tat-Te Deum hekk kif kantat bil-Gregorjan

It-Te Deum  

Lejliet il-festa filgħodu ssir dik il-quddiesa magħrufa bħala tat-Te Deum. Tissejjaħ hekk għax fl-aħħar tal-quddiesa jitkanta t-Te Deum li huwa innu pjuttost twil ta’ radd il-ħajr lil Alla. Fil-fatt, l-ewwel vers bil-Latin huwa “Te Deum laudamus” li bil-Malti tiġi “Lilek o Alla nfaħħru.” 

Jitkanta lejliet il-festa filgħodu hekk kif ikun qed jiġi fi tmiemu l-perjodu ta’ tħejjija għall-festa u ftit sigħat wara, f’nofsinhar, tkun se tidħol is-Solennità u għalhekk il-festa tilħaq il-qofol tagħha. 

Ġeneralment, it-Te Deum jitkanta b’mod alternat, jiġifieri vers jitkanta mill-kor (u l-orkestra) u vers mill-kongregazzjoni. 

Fil-ħin li jitkanta t-Te Deum, tindaqq mota bil-qniepen kollha tal-knisja u anke tinħaraq kaxxa infernali. 

It-Te Deum ma jitkantax biss Lejliet il-Festa. Jitkanta wkoll f’jiem partikolari, pereżempju Lejliet l-Ewwel tas-Sena. 

F’dawk il-knejjes li għandhom il-kwadru titulari tagħhom inkurunat b’digriet mill-Vatikan, it-Te Deum jitkanta wkoll meta ssir it-tifkira tal-istess inkurunazzjoni.

Ir-relikwa mgħottija fl-Oratorju tal-Arċikonfraternità tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta qabel il-bidu tat-Tranżlazzjoni
Ir-relikwa mgħottija fl-Oratorju tal-Arċikonfraternità tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta qabel il-bidu tat-Tranżlazzjoni

It-Tranżlazzjoni 

Illum se nagħlqu b’dak li jiġri lejliet il-festa filgħaxija, jiġifieri t-Tranżlazzjoni li hija parti importanti mill-festa. 

It-Tranżlazzjoni timmarka l-bidu tas-Solennità jiġifieri l-mument meta l-festa tilħaq il-qofol tagħha. Issa l-knisja tkun lesta mżejna kollha u tkun mixgħula. Il-qniepen jindaqqu kollha u jinħaraq ukoll in-nar. 

It-Tranżlazzjoni tirreferi għall-purċissjoni li ssir bir-relikwa tal-qaddis jew il-qaddisa li tagħhom tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa. Ir-relikwa tkun fl-ostensorju jew ir-relikwarju li dwaru tkellimna fl-ewwel edizzjoni ta’ din l-enċiklopedija. 

It-Tranżlazzjoni tibda jew minn fuq xi artal laterali fil-knisja stess jew inkella minn xi kappella oħra fl-istess belt jew raħal.  

Din il-purċissjoni timxi sal-artal maġġur tal-knisja li tkun qed tiċċelebra l-festa u r-relikwa titpoġġa f’post ċentrali.    

Ġeneralment, qabel titlaq il-purċissjoni, ir-relikwa tkun mgħottija. Il-Prim Ċelebrant, jiġifieri dak is-saċerdot li jkun qed imexxi t-Tranżlazzjoni, jintona l-bidu tal-Għasar (li dwaru se nitkellmu l-ġimgħa li għaddiet), tinkixef ir-relikwa u tibda din il-purċissjoni solenni, li fiha jieħdu sehem ukoll il-fratellanzi. 

Waqt din il-purċissjoni jitkanta l-innu tal-għasar, jiġifieri innu ta’ tifħir lill-qaddis/a u malli tasal fuq l-artal maġġur titkanta l-antifona.  

Iċ-ċelebrazzjoni tkompli bl-Ewwel Għasar Solenni, iżda dwar dan se nitkellmu bħal-lum ġimgħa. 

Segwi hawn l-ewwel artiklu ta' din l-enċiklopedija:

More in Festi