Enċiklopedija tal-Festa Maltija: Il-Funzjonijiet u l-Mużika (6)

Il-gazzetta ILLUM tkompli b’sensiela ta’ artikli li matulhom qed tispjega kliem li huwa assoċjat mal-festi Maltin u Għawdxin, mill-armar tal-knisja u l-funzjonijiet sal-armar ta’ barra u n-nar. Illum nibdew nitkellmu dwar il-funzjonijiet u l-mużika fil-festa 

L-Għasar 

Il-ġimgħa li għaddiet spiċċajna dan l-artiklu billi tkellimna dwar it-Tranżlazzjoni, jiġifieri dik il-purċissjoni li ssir bir-relikwa minn fuq xi artal laterali jew xi kappella fil-lokalità sal-artal maġġur tal-knisja li tkun qed tiċċelebra l-festa. Din issir lejliet il-festa filgħaxija hekk kif tkun daħlet is-solennità. 

It-Tranżlazzjoni ssir fil-bidu ta’ dak li jissejjaħ l-Ewwel Għasar. Imma dan l-Għasar x’inhu? L-Għasar jagħmel parti mil-Liturġija tas-Sigħat, jiġifieri t-talb permezz tas-salmi li l-Knisja tagħmel f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. L-Għasar jew inkella l-Vespri, hija t-talba li tingħad waranofsinhar, ma’ nżul ix-xemx. 

L-Għasar jingħad kuljum u ma hemmx għalfejn tkun xi festa jew xi solennità. Is-saċerdoti huma obbligati li jitolbu l-liturġija tas-sigħat inkluż l-Għasar. Madanakollu, fil-festi, dan l-Għasar jieħu forma ħafna aktar solenni. Is-salmi jkunu kantati b’mod elaborat u jakkumpanjaw il-kor ikun hemm l-orkestra. 

Ġeneralment, fil-bidu tat-Tranżlazzjoni, is-saċerdot jintona l-bidu tal-Għasar bil-kliem ‘Deus in adiutorium meum Intende’ jiġifieri ‘O Alla ejja eħlisni’ u waqt il-purċissjoni bir-relikwa jitkanta l-innu tal-Għasar. Wara jkompli l-bqija tal-Għasar, jiġifieri l-kant tat-tliet salmi (is-Salmodija), il-Magnificat (Il-Kantiku ta’ Marija) u talb ieħor.  

Waqt li jkun għaddej dan il-kant sabiħ u elaborat, is-saċerdoti ġeneralment ikollhom f’idhom il-Brevjar u minn fuqu jkunu qed jitolbu l-Għasar, jiġifieri jaqraw f’qalbhom dak li jkun qed jiġi kantat b’mod elabort. 

Kif rajna l-ġimgħa li għaddiet, is-solennità tal-qaddis jew il-qaddisa partikolari, tibda minn lejliet il-festa. Għalhekk, dak ta’ Lejliet il-Festa jissejjaħ l-Ewwel Għasar, filwaqt li dak ta’ nhar il-festa filgħaxija, li ġeneralment isir ftit qabel il-purċissjoni, jissejjaħ it-Tieni Għasar. 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Għasar tintemm bil-Barka Sagramentali. 

 L-Arċisqof imexxi l-Pontifikal fil-festa ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt. Fin-nofs, wara l-kurċifiss tal-artal maġġur, tista’ tara s-settimo
L-Arċisqof imexxi l-Pontifikal fil-festa ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt. Fin-nofs, wara l-kurċifiss tal-artal maġġur, tista’ tara s-settimo

Il-Pontifikal / il-Quddiesa Solenni / is-Settimo 

Ħafna ma jagħmlux differenza bejn Pontifikal u Quddiesa Solenni tal-festa. Huma bosta dawk li jagħmlu l-iżball li l-Quddiesa Solenni li ssir nhar il-festa filgħodu, isejħulha Pontifikal.  

L-ewwel u qabel kollox irridu nifhmu li biex isir Pontifikal jew inkella Quddiesa Solenni ma hemmx għalfejn tkun il-festa titulari. Mela x’inhi din id-differenza? Sempliċi. 

Kwalunkwe Quddiesa Solenni li tkun iċċelebrata minn Isqof tissejjaħ Pontifikal. Ma hemmx għalfejn tkun xi festa titulari. L-Arċisqof tad-djoċesi se jiċċelebra Pontifikal fis-solennitajiet kollha, ġeneralment fil-Katidral. 

Għalhekk, il-quddiesa solenni tal-festa tissejjaħ Pontifikal jekk tkun se titmexxa minn Isqof. Tinduna li jkun se jiġi ċċelebrat Pontifikal għax fuq l-artal maġġur ikun hemm dak li jissejjaħ is-settimo.  

Is-settimo hija dik ix-xemgħa twila li tintrama wara l-kurċifiss fuq nett tal-artal maġġur, flimkien mas-sitt xemgħat l-oħra li jkunu fuq il-prima (l-iskaluna ta’ fuq tal-artal maġġur). 

Quddiesa Solenni hija quddiesa li tkun aktar elaborata. Anke jekk kollox ikun l-istess bħal quddiesa komuni (jew aħjar letta) li ssir matul is-sena, il-Quddiesa Solenni tkun tinkludi l-kant tal-Kyrie (Mulej Ħniena), il-Gloria, is-Sanctus (Qaddis) u l-Agnus Dei (Ħaruf t’Alla). Is-saċerdot x’aktarx li minflok jaqra, ikanta wkoll uħud mit-talbiet tal-quddiesa. 

Ġeneralment, il-Quddiesa Solenni tal-festa ssir nhar il-festa filgħodu u tissejjaħ ukoll, f’xi bliet u rħula, il-Quddiesa l-Kbira.

Saċerdot jinseġ il-paniġierku fil-festa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi
Saċerdot jinseġ il-paniġierku fil-festa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi

Il-Paniġierku 

Xi drabi, il-Quddiesa Solenni ta’ nhar il-festa tissejjaħ ukoll il-Quddiesa tal-Paniġierku u bir-raġun għax parti kbira minnha jkun propju l-paniġierku tal-festa. 

Il-paniġierku huwa dik l-omelija aktar twila u elaborata mimlija tifħir dwar il-qaddis jew il-qaddisa li tagħhom tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa. 

Ġeneralment il-paniġierku jkun twil mhux ħażin anke jekk il-ħin jiddeċidih dak is-saċerdot li jkun mistieden biex jagħmlu. Hemm min idum 20 minuta, hemm min idum tliet kwarti, siegħa u hemm min saħanistra dam jew idum aktar. 

X’aktarx li l-kongregazzjoni tkun qed tistenna dak il-mument tal-konklużjoni meta ġeneralment is-saċerdot jagħlaq b’xi poeżija jew bil-versi tal-innu popolari u ħafna tifħir fuq il-patrun jew il-patruna. 

F’dawk il-knejjes li għandhom pulptu, il-paniġierku jsir minn fuqu. Il-pulptu huwa bħal ambone imma elevat li jkun aktar viċin in-nies, fil-korsija tal-knisja.  

Fi żmien meta ma kinux jeżistu l-mikrofoni, l-fatt li l-pulptu kien fl-għoli u aktar viċin in-nies, kien jgħin biex kulħadd jisma’ dak li jkun qed jgħid is-saċerdot. 

Il-Gradwal u s-Sekwenza 

Jekk fil-quddies lett, jiġifieri l-quddies ta’ kuljum titkanta l-Hallelujah qabel u wara l-versett tal-Evanġelu, fil-quddiesa solenni tal-festa jitkanta l-gradwal. 

Il-gardwal jitkanta wara t-tieni qari u qabel l-Evanġelju. Il-gradwal ikun innu jew antifona ta’ tifrir lill-qaddis jew il-qaddisa li għalihom tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa. 

Sakemm il-festa ma tkunx iċċelebrara fir-Randan, il-gradwal jintemm bl-Hallelujah, kif jintemmu l-maġġoranza tal-antifoni. 

F’xi festi, minflok il-gradwal, tingħad jew titkanta s-sekwenza. Din tkun bħal poeżija dwar il-qaddis jew il-qaddisa li tagħha tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa u bħall-gradwal titkanta jew tingħad eżatt qabel l-Evanġelju. 

Il-Cappella Musicale Caeciliana waqt id-daqq tal-antifona Flos Carmeli fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta
Il-Cappella Musicale Caeciliana waqt id-daqq tal-antifona Flos Carmeli fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta

L-Antifona 

Kieku kellna nagħtu tifsira sempliċi, antifona tfisser silta mużikali, li tindaqq mill-orkestra bil-kliem bil-Latin dwar il-qaddis jew il-qaddisa li tagħhom tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa. L-antifona, fost oħrajn, tilqa’ l-vara malli tidħol lura fil-knisja wara l-purċissjoni. 

Iżda kieku kellna nagħtu definizzjoni aktar dettaljata u fonda ta’ antifona, irridu nħarsu lejn il-Liturġija tas-Sigħat, jiġifieri t-talb permezz tas-Salmi li l-Knisja tagħmel f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, bħalma huwa l-Għasar li diġà tkellimna dwaru. 

L-antifoni huma versi qosra li jintroduċu s-salmi waqt il-Liturġija tas-Sigħat. Kull antifona tingħad jew titkanta darbtejn, jiġifieri qabel is-salm li qed tintroduċi u anke warajh. Normalment, dawn jitkantaw bil-Gregorjan.  

L-antifona tal-festa x’aktarx li tittieħed mil-Liturġija tas-Sigħat u ġeneralment tkun dik ta’ qabel il-Magnificat (Il-Kantiku ta’ Marija) tal-Għasar, anke jekk inqatgħet għal kollox minnha. Magħha x’aktarx li jkun żdied xi kliem u ma titkantax bil-Gregorjan iżda b’orkestra u bi stil barokk. Fil-fatt, l-antifona kif jafuha l-Maltin ma ssibha mkien aktar. 

Ma ninsewx li fi żminijiet l-imgħoddija, meta t-teatri kienu biss tas-sinjuri, il-knejjes żviluppaw bħala t-teatru tal-poplu u għalhekk l-armar huwa rikk u l-mużika hija elaborata. Mhux ta’ b’xejn li l-antifona hija mlaqqma bħala “l-opra tal-fqar.” 

Kif spjegajna, għalhekk, l-antifona fil-festi, ma baqgħetx tintroduċi salm. Nistgħu ngħidu li l-antifona saret innu, xi ftit jew wisq aktar elaborat, għall-patrun jew il-patruna.  

Ġeneralment, kull knisja jkollha aktar minn antifona waħda. Antifona sekondarja, li x’aktarx tkun iqsar, titkanta waqt il-mutett tat-Tridu jew in-Novena, filwaqt li l-antifona l-propja titħalla għall-aktar jumejn importanti u solenni tal-festa, jiġifieri lejlet il-festa, waqt it-Tranżulazzjoni, u dakinhar tal-festa. 

Dakinhar tal-festa x’aktarx li tindaqq darbtejn, jiġifieri fi tmiem il-Pontifikal jew il-quddiesa solenni tal-festa u filgħaxija malli l-vara tidħol lura fil-knisja. 

Hemm lokalitajiet, fejn l-antifona tant hija għall-qalb il-poplu, li mad-dħul tal-vara tindaqq darbtejn u x’aktarx li lanqas biss ikun hemm bżonn kor għax kulħadd ikun jafha u jkanta magħha. Kważi kważi, f’ċertu lokalitajiet, l-antifona hija meqjusa bħala istituzzjoni. 

Ir-repożizzjoni tar-relikwa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara
Ir-repożizzjoni tar-relikwa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara

L-Ottava u r-Repożizzjoni 

Fil-festi kbar tal-Knisja, bħal pereżempju l-Milied, l-Epifanija u l-Għid il-Kbir, issir dik li tissejjaħ l-ottava. 

Pereżempju, l-għada tal-Għid jissejjaħ it-Tnejn fost l-Ottava tal-Għid u din tibqa’ sejra sal-Ħadd ta’ wara. Fil-fatt, l-ottava ġejja minn ‘otto,’ jiġifieri tmienja, daqs kemm fiha ġranet il-ġimgħa. Kull ġurnata fl-Ottava tal-Għid (biex inkomplu mal-eżempju) tkun daqslikieku l-ġurnata tal-Għid il-Kbir. 

Fi żmien, it-tradizzjoni tal-ottava kienet popolari ħafna anke fil-każ tal-festi titulari u hekk għadha pereżempju fi Sqallija. L-ottava kienet tintemm bir-repożizzjoni tar-relikwa. 

Fi kliem sempliċi, ir-repożizzjoni tar-relikwa hija bħal tranżlazzjoni imma bil-kontra. Biex timmarka t-tmiem uffiċjali tal-festa, ir-relikwa titneħħa minn fuq l-artal maġġur u tiddaħħal lura f’purċissjoni. 

Illum it-tradizzjoni tal-ottava, fil-festi titulari, nqatgħet iżda hemm diversi knejjes, b’mod partikolari fil-Kottonera, li żammew it-tradizzjoni tar-repożizzjoni tar-relikwa. Fejn ma ssirx ir-repożizzjoni tar-relikwa, ġimgħa eżatt wara l-festa, x’aktarx li l-istatwa tiddaħħal lura fin-niċċa tagħha.  

F’Birkirkara, peress li l-purċissjoni bil-vara ta’ Santa Elena ssir filgħodu, ir-repożizzjoni tar-relikwa ssir b’solennità kbira wara t-Tieni Għasar, jiġifieri dakinhar ta’ jum il-festa filgħaxija. 

More in Festi