Enċiklopedija tal-Festa Maltija: L-armar fit-toroq (7)

Il-gazzetta ILLUM tkompli b’sensiela ta’ artikli li matulhom qed tispjega kliem li huwa assoċjat mal-festi Maltin u Għawdxin

Il-gazzetta ILLUM tkompli b’sensiela ta’ artikli li matulhom qed tispjega kliem li huwa assoċjat mal-festi Maltin u Għawdxin, mill-armar tal-knisja u l-funzjonijiet sal-armar ta’ barra u n-nar. Illum nibdew nitkellmu dwar l-armar ta’ barra. 

Il-fustuni u l-liedna f’waħda mit-toroq fil-Belt Valletta għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu
Il-fustuni u l-liedna f’waħda mit-toroq fil-Belt Valletta għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu

Il-Fustuni u l-Liedna 

F’kull lokalità, l-ewwel sinjali fit-toroq li l-festa tkun wara l-bieb, jagħtuha l-fustuni, jiġifieri d-dawl li jibda jintrama fit-toroq. Minn ġimgħat qabel il-festa, il-kuntrattur li jkun tqabbad, jibda jidher għaddej bis-sellun jgħaddi l-mainijiet biex eventwalment jarma l-fustuni bil-bozoz. 

Ġeneralment, it-toroq kollha minn fejn tgħaddi l-purċissjoni, iżda mhux biss, ikunu armati b’dawn il-fustuni. Dawn jistgħu jintramaw b’diversi modi. L-aktar popolari huma dawk li jintramaw forma ta’ ‘M’ jew inkella xewka, jiġifieri tul it-triq kollha, bħal kuritur. 

Mal-fustuni, fit-toroq u l-pjazez prinċipali tal-festa, bħal dawk minn fejn tgħaddi l-purċissjoni, ġeneralment tintrama l-liedna. Il-liedna tgħatti l-wire tad-dawl u tħalli l-bozoz jidhru daqslikieku ħerġin minnha. 

Dari, il-liedna kienet tkun tal-ħaxix veru, ġeneralment tar-rand. Illum tkun tal-plastik u l-kulur ġeneralment ikun aħdar biex xorta tagħti idea tar-rand.  

Iżda llum daħlet ukoll it-tradizzjoni li l-liedna tkun ikkulurita. F’xi lokalitajiet fejn tkun iċċelebrata festa tal-Madonna, il-liedna qed issir blu. F’lokalitajiet oħra, il-liedna tintrama skont il-kulur tal-każin. Pereżempju jekk triq partikolari jieħu ħsieb jarmaha każin li jġib il-kulur aħmar, il-liedna tkun ħamra.  

 Labarda fuq antarjol li hija parti minn sett għall-festa ta’ Santa Marija tar-Rabat Għawdex
Labarda fuq antarjol li hija parti minn sett għall-festa ta’ Santa Marija tar-Rabat Għawdex

L-Antarjoli u l-Labarda 

Wara li jkunu tlestew il-fustuni, il-gruppi tal-armar jibdew itellgħu l-antarjoli. Jekk dawk li jittellgħu fuq il-bjut tal-każini, tal-knejjes u tad-djar jissejħu arbli, dawk l-arbli li jintramaw fit-toroq jissejħu antarjoli. 

Il-kelma ġejja minn tarjola għax ma’ dawn ikun hemm imwaħħla t-tarjola bil-ħbula biex mal-antarjoli, aktar tard, ikunu jistgħu jittellgħu l-bnadar jew inkella l-bandalori. 

Fuq nett tal-antarjol ikun hemm il-labarda. Din jew jkun forma ta’ pum jew inkella tkun xi arma jew xi simbolu relatat mal-festa li tkun qed tiġi ċċelebrata. Xi drabi wkoll, il-labarda tkun boċċa tixgħel bid-dawl 

L-antarjoli ġieli jintużaw ukoll biex magħhom jintramaw il-ventijiet (minn wieħed għall-ieħor) biex jew jiddendlu l-pavaljuni jew inkella l-fustuni u l-liedna. 

Illum daħlet it-tradizzjoni wkoll li malli jintramaw l-antarjoli, qabel joħroġ id-drapp fl-aħħar jiem tal-festa, magħhom jittellgħu jew kuruni (ċrieki) tal-liedna jew inkella l-palji (bħal bnadar imma jkunu dojoq għat-tul). Hekk l-antarjoli ma jitħallewx vojta u l-għaqda tal-armar tibda tagħti sinjal li l-festa hi fil-qrib. 

Ovvjament l-antarjoli jkun hemm bżonn li jkunu sodi. Għalhekk meta jiddaħħlu fit-tappieri li jkunu mħaffra apposta, ikollhom bżonn jiġu ssudati permezz tal-ifilsa u l-kunjardi li jiġi ssikkati permezz tad-daqqa tal-mazza. 

Il-Pedistalli / il-Kolonni / il-Kanolli 

Il-kolonna bl-istatwa ta’ San Ġorġ Martri fuqha li tintrama fil-festa tiegħu fir-Rabat Għawdex
Il-kolonna bl-istatwa ta’ San Ġorġ Martri fuqha li tintrama fil-festa tiegħu fir-Rabat Għawdex

Wara li jkun intramaw il-ventijiet, id-dawl, il-liedna u l-antarjoli, l-armar fit-toroq jidħol f’fażi oħra hekk kif jibda ħiereġ l-injam. Issa t-toroq jibdew verament jieħdu dehra festiva u l-arja tal-festa tibda tinħass aktar. 

Fost l-armar tal-injam wieħed isib il-kolonni, jiġifieri dawk li fuqhom jittellgħu l-istatwi tal-qaddisin jew l-anġli li jimlew il-pjazez jew it-toroq. F’xi lokalitajiet, b’mod partikolari fil-Kottonera, il-kolonni jsejħulhom kanolli u f’xi lokalitajiet oħra, bħall-Belt Valletta, dawn jissejħu pedistalli. Id-differenza hija biss fl-isem. 

Il-kolonna jkollha erba’ faċċati u fin-nofs ikollha dik li tissejjaħ l-anima. Fl-anima, jiddaħħal seratizz, li jkun ħiereġ mill-art (mit-tappiera) u jibqa’ dieħel sa nofs il-kolonna biex din iżżomm soda. 

Isfel nett tal-kolonna jkun hemm it-tarġa li tkun maħduma b’tali mod biex tpatti għad-diżlivelli fit-triq biex il-bqija tal-kolonna titla’ dritta. Fuq it-tarġa titpoġġa z-zukklatura, jiġifieri l-parti ta’ isfel tal-kolonna u mbagħad il-bqija tal-kolonna. 

Dawn il-kalonni jkunu rħamati u trid tmur ħdejhom u tmisshom biex tinduna li mhumiex tal-irħam ta’ vera. L-irħamar hija sengħa importanti ħafna għad-dilettanti tal-festa. 

Ġeneralment il-kolonna tkun iddekorata bil-panew u anke l-iskultura. Dari din kienet tkun tal-injam imma llum qed issir tal-fibre wkoll. Il-parti ta’ fuq tal-kolonna, tkun tixbaħ aktar il-pedistall u fuq din il-parti mbagħad (aktar tard) titpoġġa l-istatwa ta’ xi qaddis jew qaddisa jew inkella ta’ xi anġlu. 

Il-parti ta’ isfel tal-istatwa, simili għal zokklatura, tissejjaħ il-pedana. Fuq il-pedana tinbena l-istatwa u hija l-pedana li tintrabat mal-bqija tal-kolonna. 

Il-kolonni ġeneralment ikunu kwadri u ta’ tul medju, imma hawn lokalitajiet fejn għandhom kolonni twal ħafna u ġeneralment dawn jintużaw biex fuqhom tittella’ l-istatwa tal-marċ. Ma nistgħux ma nsemmux il-Kottonera li huma famużi għal dawn il-kolonni twal. 

Xi drabi, l-kolonna tista’ tkun tonda u anke wiesgħa ftit mhux ħażin, tant li tkun tixbaħ aktar lil xi pedistall ta’ xi monument. Dawn il-kolonni l-kbar mhux l-ewwel darba li jkollhom fihom bħal niċeċ li fihom jitpoġġew statwi jew xbiehat oħra. 

Il-Pilandri 

Pilandri li jintramaw fil-pjazza tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina taż-Żejtun
Pilandri li jintramaw fil-pjazza tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina taż-Żejtun

Fost l-armar tal-injam, issib ukoll il-pilandra. Il-pilandri ħafna drabi se ssibhom fil-pjazez, biswit iz-zuntier u anke f’xi toroq ftit wiesgħa minn fejn tgħaddi l-purċissjoni. 

Il-pilandri huma dawk il-brazzi tad-dawl, li ħafna drabi jkunu jixbħu pjanta jew xi linfa, ta’ kulur id-deheb jew il-fidda, li jkomplu jixgħelu l-pjazez u t-toroq fi żmien il-festa. 

Dawn il-pilandri ġeneralment jintramaw fuq kolonni, simili għal dawk li fuqhom jittellgħu l-istatwi, anke jekk fuq nett, flok pedistall, ikun hemm bħal gastri li minnhom imbagħad joħroġ il-brazz. 

Xi pilandri, jistgħu jintramaw ukoll fuq kolonna li tkun aktar tawwalija u dejqa, dejjem skont kemm ikun hemm wisgħa fit-triq. Madanakollu, dan it-tip ma tantx għadu komuni għax illum il-pilandri ma jkunux ċatti u dojoq imma jkunu elaborati. 

Illum il-ġurnata, il-pilandri jinxtegħlu bid-dawl, imma fl-antik, meta ma kienx hawn elettriku kienu jinxtegħlu, b’paċenzja kbira, bit-tazzi taż-żejt. 

Ta’ min isemmi l-lokalitajiet ta’ Ħal Lija u anke l-festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat li għad għandhom żewġ pilandri enormi li jintramaw eżatt quddiem il-knejjes rispettivi. Anke jekk illum dawn jinxtegħlu bl-elettriku, għad għandhom it-tazzi oriġinali taż-żejt.  

Ġeneralment, il-pilandri jintramaw bejn kolonna u oħra li fuqhom ikun hemm l-istatwi jew inkella bejn it-trofej. Mhux l-ewwel darba li l-pilandri, minflok ħerġin mill-kolonna, ssibhom jinżammu f’idejn xi anġlu. 

It-Trofej 

Fost l-isbaħ armar fil-festi tagħna, insibu t-trofej li jbiddlu l-pjazez tal-ibliet u l-irħula tagħna f’palazzi. Bl-ilwien u l-kobor tagħhom, it-trofej jagħtu dehra verament festiva lil-lokalitajiet tagħna. 

It-trofej li jintramaw fil-festa ta’ San Duminku tal-Birgu
It-trofej li jintramaw fil-festa ta’ San Duminku tal-Birgu

Interessanti li dawn it-trofej fl-armar tal-festa, mhumiex xi ħaġa riċenti, imma l-istorja tagħhom tmur lura mijiet ta’ snin. Aħna l-Maltin iwrietna u żviluppajna l-idea tat-trofew tal-festa, mill-Kavallieri ta’ San Ġwann u huma ħaduha minn ta’ qabilhom, saħansitra mir-Rumani. 

Jekk wieħed iħares lejn id-dizzjunarju ta’ Mario Serracino-Inglott u jfittex il-kelma trofew, id-definizzjoni li se jsib se tkun ta’ arblu mżejjen bil-kisbiet biex ifakkar xi rebħa li l-kavallieri jkunu kisbu. 

Ħjiel ta’ dan għandna narawh fl-Isla, belt bi storja u b’rabta mal-Kavallieri u r-rebħa tal-Assedju l-Kbir. Propju għalhekk li t-trofej tal-festa, f’din il-lokalità, għandhom sal-lum jintramaw bl-armi tal-gwerra u anke bl-armi tal-Gran Mastri biex jibqgħu jfakkru dan l-avveniment importanti fl-istorja tal-pajjiż. 

Madanakollu, il-Maltin għamlu tagħhom it-trofew u komplew jiżviluppawh.  

Il-bażi tat-trofew tkun tixbaħ lil dik ta’ kolonna komuni, iżda minflok din tintrabat jew aħjar iddawwar kważi nofs l-antarjol. Il-kolonna tat-trofej tkun aktar dejqa u fit-tul. 

Fuq nett ta’ din il-kolonna, mal-antarjol ħiereġ minnha, jitpoġġa dak li jissejjaħ l-iskudu li jkun speċi ta’ tarka (kif fil-fatt kienet oriġinarjament fi żmien il-Kavallieri). Fuq dan l-iskudu jkun hemm armi jew inkella simboli marbuta mal-festa li tkun qed tiġi ċċelebrata. 

Mal-antarjol tittella’ bandalora żgħira li tasal eżatt sal-iskudu. Mill-iskudu mbagħad joħoġru sitt ibnadar, tlieta fuq kull naħa li jkunu miġbuda b’tali mod li jkunu qishom nofs ċirku.  

Dawn jagħmlu t-trofew vera imponenti u kważi kważi jagħlqu l-pjazez u t-toroq. Ovvjament, kemm il-bandalora u anke l-bnadar jittellgħu wara li jintrama l-injam tat-trofej, hekk kif l-armar ta-drapp (kif isejħulu d-dilettanti) isir ħafna aktar viċin nhar il-festa. 

More in Festi