Enċiklopedija tal-Festa Maltija: It-tradizzjonijiet (8)

Il-gazzetta ILLUM tkompli b’sensiela ta’ artikli li matulhom qed tispjega kliem li huwa assoċjat mal-festi Maltin u Għawdxin, mill-armar tal-knisja u l-funzjonijiet sal-armar ta’ barra u n-nar. Illum nagħtu ħarsa lejn xi tradizzjonijiet jew kurżitajiet marbuta mal-festi  

L-istatwa ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-għomja titella’ fuq il-kolonna permezz tal-boma
L-istatwa ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-għomja titella’ fuq il-kolonna permezz tal-boma

Il-boma 

Jumejn qabel il-festa, fil-ġurnata li bosta jsejħulha l-antivigilia, ssir mat-toroq tal-belt jew ir-raħal li jkun qed jiċċelebra festa, dimostrazzjoni bi statwa tal-qaddis jew il-qaddisa akkumpanjata mill-banda u l-briju. 

Ġeneralment dan ikun wieħed mill-aktar marċi brijużi u mistenni anke għax il-festa issa tkun se tibda tilħaq il-qofol tagħha. Fi tmiem dan il-marċ, l-istatwa tal-qaddis jew il-qaddisa tittella’ fuq il-pedistall (kolonna jew kanolla) f’post prominenti, fil-pjazza, faċċata tal-knisja jew inkella f’xi triq prinċipali. 

Hemm diversi modi kif din l-istatwa tittella’ fuq il-kolonna jew il-pedistall tagħha. Hemm statwi li jittellgħu b’winċ jew inkella bi krejn u oħrajn li jittellgħu bit-tarjola u jkunu n-nies stess li jiġbdu l-ħabel. 

Ma nistgħux ma nsemmux dak li jsir f’Ħal Luqa meta jsir dak magħruf bħala l-marċ tal-anġlu, organizzat mis-Soċjetà Filarmonika L-Unjoni, Lejliet il-Festa. Quddiem il-pedestall jintrama taraġ tal-ħadid. Dan jimtela’ bil-partitarji u l-anġlu jittella’ billi jgħaddi minn id għall-oħra sakemm isib postu. 

Iżda interessanti mmens dak li jiġri fiż-żewġ festi tal-Birgu, jiġifieri dik ta’ San Lawrenz u dik ta’ San Duminku. Fiż-żewġ każi, l-istatwi tad-dimostrazzjoni, magħrufa bħala ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-għomja u dik ta’ San Duminku fil-Glorja, jittellgħu permezz tal-boma. 

Imma din il-boma x’inhi? Il-boma hija arblu li jintrama mas-sur u jkun jinkludi ħabel bit-tarjola. Fiż-żminijiet imbiegħda, din il-boma kienet tintuża biex titniżżel il-merkanzija minn fuq il-bastimenti u x-xwieni. 

Li jiġri huwa li l-ħabel prinċipali jintrabat mal-istatwa u mbagħad grupp ta’ rġiel jiġbdu ftit ftit il-ħabel li jkun dieħel fit-tarjola biex l-istatwa tibda’ tiela’ ftit ftit ‘il fuq. 

Żewġt irġiel oħra jkunu qed iżommu żewġt iħbula oħra mal-bażi tal-istatwa biex din ma ddurx waqt li tkun tiela’. 

Malli l-istatwa titla’ biżżejjed ‘il fuq, grupp ta’ rġiel oħra li jkunu fil-ġenb, jiġbdu ħabel ieħor biex il-boma ddur ftit ftit sakemm l-istatwa ssib postha fuq il-pedistall fost iċ-ċapċip u l-briju tal-partitarji u d-daqq tal-banda. 

Il-Ballun li jintrama f’nofs il-pjazza tal-Birgu fil-festa ta’ San Lawrenz
Il-Ballun li jintrama f’nofs il-pjazza tal-Birgu fil-festa ta’ San Lawrenz

Il-ballun 

Se nibqgħu l-Birgu. Din id-darba se ninżlu fil-pjazza ewlenija tal-Belt Vittoriosa. Fil-ġranet tal-festa ta’ San Lawrenz, f’nofs din il-pjazza, wieħed se jilmah kolonna żgħira ħafna u fuqha jkun hemm bħal ballun magħluq. 

X’jiġri b’dan il-ballun magħluq. Lejliet il-festa, dan il-ballun jimtela’ bil-ħelu u bl-għasafar jew ħamiem. Malli tispiċċa l-quddiesa tat-Te Deum, ftit qabel jibda l-marċ ta’ filgħodu, ħafna tfal jinġabru madwar dan il-ballun. 

Persuna inkarigata tkebbes in-niċċa qasira li twassal biex dan il-ballun jinfetaħ bħal fjura. Fin-nofs tiegħu tfeġġ statwa żgħira ta’ Santa Paċenzja, omm San Lawrenz. Il-ħelu jaqa’ u l-għasafar itiru. Ħalli għat-tfal biex jiġru wara l-ħelu u l-għasafar. 

Imma din it-tradizzjoni antika xi tfisser? Ħadd ma jaf eżatt imma t-tradizzjoni orali tagħti żewġ verżjonijiet. San Lawrenz, Levita u Martri huwa magħruf għal kemm kien iqassam ġid u ikel lill-foqra ta’ Ruma f’isem il-Papa. 

Il-ħelu li jinxtered minn dan il-ballun ifakkar f’dan il-ġest ta’ dan il-qaddis kbir tal-Knisja. 

Mill-banda l-oħra, l-għasafar itiru jfakkru fit-Torok li ħarbu minn Malta hekk kif tilfu l-Assedju l-Kbir tal-1565. 

Fil-fatt, dan il-ballun jintrama biswit il-Monument ta’ Malta Rebbieħa li waqqaf l-Ordni ta’ San Ġwann stess biex ifakkar din ir-rebħa fil-qalba ta’ din il-Belt li isimha huwa marbut mhux biss miegħu imma anke ma’ din il-ġrajja storika. 

Xi ħaġa simili ssir ukoll f’Ħal Għaxaq, fil-festa ta’ Santa Marija. Anke hawn f’nofs il-pjazza tintrama kolonna żgħira imma fuqha ma jkunx hemm ballun imma qabar. Malli titkebbes il-miċċa, dan il-qabar jinfetaħ u minnu toħroġ xbieha żgħira tal-Assunta, biex tfakkar it-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna. 

L-istatwa ta’ Malta Rebbieħa tal-Isla
L-istatwa ta’ Malta Rebbieħa tal-Isla

Malta Rebbieħa 

Il-marċ tal-Antivigilia, jew inkella kif inhu magħruf f’xi lokalitajiet bħala l-marċ tal-Aħħar Tridu jew tal-Aħħa Salva, ma jsirx dejjem bi statwa tal-qaddis jew il-qaddisa jew inkella xi anġlu. 

Hemm lokalitajiet li dan il-marċ isir bi statwa magħrufa bħala ta’ Malta. Din l-istatwa hija allegorija, jiġifieri statwa li tissimbolizza xi ħaġa. F’dan il-każ, din l-istatwa tissimbolizza r-rebħa ta’ Malta u tar-Reliġjon Nisranija fuq l-Ottomani fl-Assedju l-Kbir tal-1565. 

Malta tkun irraffigurata permezz ta’ mara liebsa bil-korazza, l-elmu u x-xabla ta’ suldat. Minn taħt ikollha libsa bajda u mantell aħmar, il-kuluri tal-bandiera Maltija. X’aktarx tkun qed tirfes xi kanun jew inkella xi bandiera li għandha x’taqsam mat-Toroq jew inkella l-Ottomani. 

F’idejha, din l-istatwa żżomm jew il-bandiera Maltija jew inkella l-bandiera tal-Ordni ta’ San Ġwann (magħrufa mad-dilettanti bħala tar-reliġjon), jiġifieri bandiera ħamra b’salib abjar kbira fuqha. 

Fejn isir marċ b’din l-istatwa, x’aktarx li jkun wieħed maħbub ħafna. Ma nistgħux ma nsemmux dak li jsir fl-Isla u dawk li jsiru mis-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Grazea ta’ Ħaż-Żabbar u tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp tal-Kalkara. 

Fl-Isla, din l-istatwa hija verament monument tal-Assedju l-Kbir. Din tittella’ fuq pedistall prominenti biswit il-knisja mibnija mill-Kavallieri bħala monument ta’ din ir-rebħa. Lejliet il-festa tal-Bambina (7 ta’ Settembru), jew kif inhi magħrufa mal-Maltin bħala l-Vitorja (għax fit-8 ta’ Settembru nfakkru wkoll din ir-rebħa) issir ċerimonja u quddiem din l-istatwa ta’ Malta jitpoġġew il-kuruni tar-rand. 

L-istatwa ta’ Santa Marija tal-Imġarr
L-istatwa ta’ Santa Marija tal-Imġarr

L-Offerta 

Mingħajr ir-reffiegħa il-vara tibqa’ fil-knisja u allura l-irfigħ huwa parti importanti mill-festa. F’xi lokalitajiet, l-irfigħ huwa meqjusa kważi kważi bħala sengħa u r-reffiegħa jiġu mħarrġa apposta biex jerfgħu fil-vari. 

Kull lokalità għandha t-tradizzjoni tagħha kif jintgħażlu r-reffiegħa imma żgur li l-aktar waħda popolari hija dik li ssir fl-Imġarr, magħrufa bħala l-Offerta. Jekk f’lokalitajiet oħra r-reffiegħa jkunu magħżula minn jiem qabel il-festa, fl-Imġarr ħadd ma jkun jaf min se jerfa’ l-vara ta’ Santa Marija sa dakinhar tal-festa f’nofsinhar. 

Mat-tokki ta’ nofsinhar, gruppi differenti ta’ reffiegħa jinġabru quddiem niċċa bi statwa tal-ġebel ta’ Santa Marija, fil-ġenb tal-knisja, flimkien mal-Kappillan u jagħmlu l-offerta tagħhom tal-flus. Rappreżentant minn kull grupp jibda jagħmel l-offerta tiegħu sakemm wieħed wieħed jibdew iċedu. Dak il-grupp li jagħmel l-akbar offerta jerfa’ l-istatwa filgħaxija. 

Parti minn din l-offerta tmur għal xi għan filantropiku filwaqt li parti oħra tmur għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni li jkun hemm bżonn fil-knisja. 

Għalkemm il-gruppi jikkompetu ma’ xulxin, ma hemmx xi pika ta’ barra minn hawn. Filgħaxija kulħadd jinżel għall-purċissjoni u mhux l-ewwel darba li membri minn gruppi differenti jerfgħu ma’ xulxin. 

F’lokalitajiet oħra il-vara tintrefa’ minn gruppi differenti, fosthom minn dawk li jkunu membri f’xi fratellanzi. Festi oħra jagħżlu r-reffiegħa minn fost il-grupp tal-armar, skont kemm dawn ikunu ħadmu biex ħareġ l-armar u f’lokalitajet oħra, bħal Ħaż-Żebbuġ, il-bastun jinxtara u jintiret mill-missier għall-iben, biex hekk ir-refgħa tibqa’ dejjem tal-familja. 

F’ħafna bliet u rħula l-irfigħ għandu wkoll il-partikolaritajiet tiegħu. Pereżempju fis-Siġġiewi, il-purċissjoni ssir biss fil-pjazza tar-raħal, fil-Belt Valletta l-forċini (il-waqfiet) isiru biss fil-kantunieri u f’Ħaż-Żebbuġ, waqt il-ħruġ min-niċċa, ir-reffiegħa jagħmlu ftit passi ’l quddiem u ftit lura. 

Sunetti 

Nagħlqu bis-sunetti li huma popolari f’ħafna lokalitajiet imma mhux se ssibhom kullimkien. Huma popolari ħafna fil-Kottonera, fil-Belt Valletta u f’lokalitajiet fin-nofsinhar tal-pajjiż bħaż-Żejtun, Ħal Għaxaq, il-Qrendi, l-Imqabba u ż-Żurrieq. 

Dawn is-sunetti huma taqbiliet sempliċi li d-devoti jagħtu quddiem l-istatwa waqt il-ħruġ u d-dħul tagħha mill-knisja. 

Ikunu poeżiji sempliċi ta’ strofa waħda b’erba’ versi. Ma jiktubuhomx poeti imma jkunu ħerġin verament mill-qalb tad-devoti li jivvintawhom. 

Hemm sunetti li se tismagħhom (forsi b’xi differenza minima) fil-lokalitajiet kollha imma oħrajn li jkunu ġew ivvintati għal festa partikolari. Dawn ikunu jfaħħu lill-qaddis jew il-qaddisa u l-virtuwijiet tagħhom u xi drabi wkoll anke jiġbdu sieq il-partitarji ta’ xi festa oħra. 

Xi wħud mis-sunetti ilhom jintirtu snin u huma antiki imma oħrajn jiġu vvintati minn sena għall-oħra. Hija tradizzjoni tan-nies, jew aħjar tradizzjoni popolari u mod kif in-nies tal-lokal jesprimu l-imħabba u d-devozzjoni tagħhom lejn il-qaddis jew il-qaddisa partikolari. 

More in Festi