Ir-relikwa tal-Beatu Carlo Acutis b’mod permanenti fil-Belt Valletta
Hekk kif id-devozzjoni lejn dan il-Beatu ta' żminna kompliet tikber, il-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Valletta xtaqu li fil-knisja tagħhom ikun hemm esposta b'mod permanenti r-relikwa tiegħu
Fil-knisja Santa Marija ta’ Ġesù, fil-Belt Valletta, magħrufa bħala ‘Ta’ Ġieżu’ se tkun esposta b’mod permanenti r-relikwa tal-Beatu żagħżugħ u ta’ żminna Carlo Acutis li d-devozzjoni tiegħu qiegħda kulma jmur dejjem tikber.
Din hija t-tieni relikwa tal-Beatu Carlo Acutis f’Malta hekk kif il-Provinċja Franġiskana li qed tmexxi din id-devozzjoni, kienet ġabet l-ewwel relikwa minn Assisi. Din hija relikwa pellegrina hekk kif minn meta nġabet f’Malta, ma waqfitx iddur diversi parroċċi u saħansitra skejjel.
Propju għalhekk li nħasset il-ħtieġa li jkun hemm relikwa oħra tal-istess Beatu li tkun tista’ tinżamm b’mod permanenti fi knisja anke għax din kienet ix-xewqa tad-devoti.
Kien dan li wassal lill-Patrijiet Franġiskani tal-Komunità Belt Valletta biex jiktbu lill-Isqof ta’ Assisi biex jagħtihom relikwa biex tinżamm fil-knisja Ta’ Ġieżu, fejn id-devozzjoni lejn dan il-Beatu żagħżugħ kibret fl-aħħar xhur, anke għax fuq wieħed mill-artali, tpoġġa sotto-kwadru tiegħu.
Ir-relikwa tinkludi ftit xagħar tal-Beatu Carlo Acutis li l-ġisem tiegħu jinsab għall-qima tal-pubbliku f’waħda mill-knejjes ewlenin ta’ Assisi, magħrufa bħala s-Santwarju tal-Ispoljazzjoni.
Il-Patrijiet Franġiskani ħassew ukoll li din ir-relikwa tinżamm fil-knisja tagħhom fil-Belt Valletta mhux biss għax din hija lokalità ċentrali, imma anke għax fl-istess knisja diġà hemm devozzjoni qawwija u antika lejn il-Kurċifiss Mirakoluż u l-Beatu Malti Nazju Falzon. Għaldaqstant inħasset ix-xewqa li jkun hemm devozzjoni lejn dan il-Beatu ta’ żminna.
Ir-relikwa se tkun esposta f’din il-knisja min-nhar l-Erbgħa 12 ta’ Ottubru, festa tal-istess Beatu Carlo Acutis.
Dakinhar, il-knisja Ta’ Ġieżu se tkun miftuħa mit-8:30am sal-11:30am u mill-5:30pm sas-6:30pm. Fil-11:00am u fis-6:15pm se tkun iċċelebrata l-Quddiesa.
Min hu Carlo Acutist?
Carlo Acutis ġie ddikjarat Beatu, fil-preżenza tal-ġenituri tiegħu, nhar l-10 ta’ Ottubru 2020. Huwa qatta’ ħajtu f’Assisi u għex viċin ħafna tal-Patrijiet Franġiskani.
Bħal kull żagħżugħ ieħor kellu passatempi bħall-futbol, l-għawm u anke l-vidjow games iżda kien dejjem isib ħin għat-talb u għall-adorazzjoni tal-Ewkaristija li hu kien isejħilha “l-autostrada għall-ġenna.”
Kellu interess kbir fil-computer programming u uża dan it-talent tiegħu biex ixerred id-devozzjoni lejn l-Ewkastija. Fil-fatt, fost oħrajn, ħoloq sit li fih iddokumenta l-mirakli Ewkaristiċi li seħħew madwar id-dinja.
Fl-2006 huwa marad bil-lukimja imma għex din il-marda tiegħu b’fidi kbira sakemm miet fit-12 ta’ Ottubru tal-istess sena fl-età ta’ 15-il sena