Owen Bonnici | Wegħdiet elettorali mwettqa

'Xogħol bla mistrieħ' ... il-Ministru Owen Bonnici jitkeb dwar dak li qed jaħdem fuqu bħalissa l-Ministru mmexxi minnu

Ir-restawr li għaddej fil-pajjiż ma jistrieħx fis-sajf! Fil-fatt din il-ġimgħa kelli diversi okkażjonijiet ta’ żjajjar f’postijiet li jgawdu, jew se jibdew igawdu restawr fuq diversi livelli.

Tliet spazji teatrali li se jibbenifikaw minn fondi għal xogħol strutturali maġġuri wara li saret evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet imressqa taħt it-tieni fergħa tal-Iskema ta’ Finanzjament ta’ Spazji Teatrali.

Fiż-Żejtun qed ikompli r-restawr fuq il-Katidral tal-Lvant, fil-Madliena restawr fuq l-entratura ta’ Forti Madliena. Fil-Mużew tal-Arkeoloġija ftaħt wirja interessanti ferm marbuta ma’ torrijiet mibnija fit-tond.

***

Tliet spazji teatrali se jibbenefikaw minn fondi għal xogħol strutturali maġġuri – inizjattiva importanti. Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici aċċenna għall-importanza li inizjattiva ta’ dan it-tip minħabba li tpoġġi fuq quddiem it-teatru fil-komunitajiet lokali u tkun qed twettaq wegħda elettorali oħra.

Permezz ta’ dan il-proġett, qegħdin niżguraw li dawn it-tliet spazji, li jinsabu fil-qalba tal-komunità, jingħataw lura lill-komunità b’mod li jintużaw għall-iskop oriġinali tagħhom, kif ukoll biex jintużaw b’mod aħjar għax-xena kulturali u artistika lokali. L-istrateġija tagħna bħala Gvern hija li niżguraw li s-settur ikun aċċessibbli għal kulħadd, u permezz ta’ dan il-programm, aħna qegħdin inrawmu mħabba lejn it-teatru minn ġol-komunità, billi nipprovdu spazju teatrali riġenerat biex il-pubbliku jesplora t-talent tiegħu u titkattar aktar l-imħabba lejn il-palk.

It-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, it-Teatru Pandora fiż-Żejtun, u t-Teatru Blue Arena f’Ħaż-Żabbar kollha se jibbenifikaw minn total ta’ €1,000,000 bejniethom, fuq sentejn, biex jindirizzaw xogħlijiet strutturali maġġuri f’dawn it-tliet spazji teatrali.

It-tliet proġetti magħżula huma postijiet ta’ spettaklu b’potenzjal, u l-fondi mogħtija huma investiment biex dawn it-teatri jkollhom użu aktar professjonali. Aħna se nkomplu naħdmu biex ikollna dawn il-fondi disponibbli fuq bażi annwali

L-iskema b’mod ġenerali timmira li tiżgura li jkun hemm legat għall-istudju Spazji Teatrali – A Catalogue of Theatres in Malta li identifika u ġabar informazzjoni importanti dwar l-ispazji teatrali differenti madwar Malta u Għawdex. L-iskema tipprovdi l-mezzi finanzjarji biex isir titjib sinifikanti fl-ispazji magħżula li jwassal sabiex dawn l-ispazji jkollhom aktar użu u jkunu aktar professjonali.

Fl-2018, l-ewwel fergħa tal-iskema, li kienet immirata għal proġetti iżgħar, investiet total ta’ €60,000 f’ħames proġetti differenti oħra. Fost il-benefiċjarji kien hemm Teatru Metanoia f’Ħal Luqa, it-Teatru Astra fir-Rabat Għawdex, u l-MADC Clubhouses.

B’rispons għall-bżonn ċar fis-settur, it-tieni fergħa tal-iskema għal din is-sena ġiet introdotta bl-għan li tinvesti f’xogħlijiet infrastrutturali fuq skala akbar, bl-intenzjoni li l-ispazji teatrali jiġu restawrati u jitjieb l-użu tagħhom filwaqt li joqorbu aktar lejn livelli professjonali.

Din fil-fatt kienet il-linja komuni li għaqqdet it-tliet spazji teatrali magħżula għal din l-iskema. Il-fondi speċifikament se jgħinu biex it-teatri jew jerġgħu jkollhom użu, jew ibiddlu l-użu tagħhom biex jakkomodaw firxa usa’ ta’ attività artistika. Dan kollu qiegħed isir sabiex ikun hemm kontribut attiv għal ekoloġija kreattiva b’mod li issa jkunu jistgħu joffru programm artistiku differenti jew ġdid fi ħdan il-komunitajiet differenti.

It-tliet proġetti magħżula huma postijiet ta’ spettaklu b’potenzjal, u l-fondi mogħtija huma investiment biex dawn it-teatri jkollhom użu aktar professjonali. Aħna se nkomplu naħdmu biex ikollna dawn il-fondi disponibbli fuq bażi annwali.

L-Iskema ta’ Finanzjament għal Spazji Teatrali hija amministrata b’mod konġunt mill-Kunsill Malti għall-Arti u Teatru Malta.

***

Id-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali beda proġett biex jirrestawra l-intrata ta’ Forti Madliena li soffriet minn danni estensivi minħabba xita qalila, u fil-fatt waqa’ xi ġebel minnha b’kaġun ta’ dan, f’April li għadda. 

B’dan l-intervent mid-Direttorat tar-Restawr, aħna qegħdin naħdmu  biex nippreservaw u nirrestawraw is-siti u l-monumenti storiċi li jiffurmaw aspett intrinsiku li jsawwar l-identità tagħna bħala Maltin. Mhux biss qegħdin nassiguraw li jkun hemm passaġġ sigur għall-Forti, li hija tifkira oħra miż-żmien Ingliż f’Malta, imma qegħdin nagħmlu l-entratura aktar aċċessibbli u aktar viċin tal-oriġinali

Id-Direttorat tar-Restawr beda billi neħħa l-materjal li waqa’ u kif ukoll affarijiet li jistgħu jkunu ta’ periklu fuq is-sit. Wara li dawn ix-xogħlijiet saru b’effett immedjat, fil-ġimgħat li ġejjin, id-Direttorat se jieħu ħsieb ir-restawr ta’ din id-daħla.

Forti Madliena tmur lura għall-1878-1880. Hija waħda mit-tliet fortijiet li nbnew mill-Ingliżi mal-Victoria Lines, u ħadet isimha mill-kappella ddedikata lil Maria Madalena li kienet f’dan is-sit fis-seklu 15.

Fiż-Żejtun ħabbart ir-restawr fuq il-faċċata tat-tramuntana tal-Knisja Parrokjali. Il-proġett issa daħal fit-tieni fażi tiegħu wara li s-sena li għaddiet ġew restawrati 890 metru kwadru tal-faċċata tan-nofsinhar.

Ix-xogħlijiet fuq il-faċċata tat-tramuntana huma mistennija li jitlestew sal-aħħar ta’ Diċembru, b’investiment ta’ €150,000.

Dan huwa maqdes importanti. Il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina hija l-Knisja omm ta’ diversi parroċċi li ħarġu minnha, fi żmien meta t-teritorju parrokkjali ż-Żejtun kien bil-wisq akbar. Il-Knisja tmur lura għas-seklu 17 fuq disinn ta’ Lorenzo Gafà bl-istil Barokk Malti.

***

Id-Direttorat tar-Restawr bħalissa għaddej b’għadd ta’ proġetti biex jirrestawra binjiet storiċi li jinsabu madwar Malta, speċjalment dawk li għandhom sinjifikat storiku kbir. Il-lokalitajiet tagħna huma mimlija b’binjiet u monumenti stratordinarji li huma xempju tal-istorja u l-kultura tagħna, u għandhom rwol intrinsiku fl-iffurmar tal-identità tagħna bħala Maltin. Permezz tar-restawr u konservazzjoni, mhux biss qegħdin nonoraw il-wirt tagħna, imma nistgħu niżguraw aktar aċċessibbilità, speċjalment għal ġenerazzjonijiet futuri.

Id-Direttorat tar-Restawr diġà ħadem f’70% tal-lokalitajiet tagħna, u rringrazzja lid-Direttorat u l-ħaddiema tal-isforzi tagħhom biex jirriġeneraw il-lokalitajiet tagħna u jpoġġu fuq quddiem l-importanza li jġorru magħhom dawn il-postijiet storiċi.

***

Esebizzjoni li ħadt gost ninawgura hija dik li bħalissa tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt, imnedija minn Heritage Malta. Esebizzjoni interessanti ferm u mhux ta’ min jitlifha – speċjalment dawk li jħobbu u jgħożżu l-istorja ta’ pajjiżna.

F’Malta, mill-inqas ħames torrijiet tondi antiki salvaw mal-medda taż-żmien, fi stat differenti ta’ preservazzjoni, u l-biċċa l-kbira minnhom jinsabu fl-inħawi taż-Żurrieq, l-Imqabba u Ħal Safi. Il-funzjoni ta’ dawn it-torrijiet għadha inċerta l-aktar minħabba li mhux ċar jekk dawn inbnewx bħala parti minn sistema difensiva.

L-esebizzjoni ‘Ta’ Ġawhar Tower – Gold, Bread and Fire’ tiffoka fuq wieħed minn dawn it-torrijiet magħruf bħala Ta’ Ġawhar, li jinsab fuq medda ta’ art bejn Ħal Safi u Ħal Far.

Id-Direttorat tar-Restawr diġà ħadem f’70% tal-lokalitajiet tagħna,

Fl-1960, it-Torri Ta’ Ġawhar ġie skavat mill-arkeologu magħruf David Trump. Fin-noti tiegħu huwa rrapporta li t-torri tond inbena bi blokok tal-ġebel kbar u kwadri, filwaqt li d-dijametru tiegħu kien ta’ madwar 16 il-metru. Bosta sinjali ta’ ħruq taw x’jifhem li t-torri nqered meta ħa n-nar f’xi żmien qrib is-sena 300 WK, imbagħad kien abbandunat.

Il-ftit oġġetti li nstabu fil-post waqt l-iskavi jagħtu l-impressjoni li min kien hemm fit-torri ħarab minnu ħabta u sabta. Dawn l-oġġetti jinkludu misluta żgħira tad-deheb, żewġ bramel ċkejkna tal-bronż imdaħħlin f’xulxin, mannara tal-ħadid, munita tal-bronż, għonq ta’ ġarra bil-marka ta’ min ħadimha, frammenti ta’ platt tat-tip Samjan, u oġġett karbonizzat li jidher li hu xi parti minn ħobża.

Din l-esebizzjoni tispjega kif saru dawn l-iskavi, xi nstab fil-post, u x’nafu s’issa dwar il-bidu u t-tmiem ta’ dan is-sit. Dawk li jżuruha se jkunu jistgħu jiskopru wkoll studji ġodda li qegħdin isiru bħalissa minn Heritage Malta biex jinkiseb aktar għarfien dwar dan is-sit u dwar il-potenzjal arkeoloġiku tal-post u tal-oġġetti li nstabu fih.

Din l-esebizzjoni tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt, u tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sat-28 ta’ Settembru 2019. Dħul bla ħlas.

Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali

More in Politika