Rosianne Cutajar | Id-dritt li nrabbu lil uliedna
‘Irrid nibda billi nippreċiża li m’għandi xejn kontra ċ-childcares... biss irridu nammettu li meta nħoloq iċ-childcare, inħoloq biex naqdu l-bżonnijiet ekonomici ta’ pajjiżna’
Ftit taż-żmien ilu għamilt intervent parlamentari fejn sħaqt li għandna nagħtu lill-ommijiet ġodda għajnuna finanzjarja jekk jagħżlu li jrabbu lit-tarbija tagħhom flok jibagħtuha ċ-childcare.
Ir-rispons li rċevejt kien massiv. Mijiet ta’ rakkonti u esperjenzi marbuta mat-trobbija li jixprunawk tkompli tqajjem din id-diskussjoni.
Irrid nibda billi nippreċiża li m’għandi xejn kontra ċ-childcares, ibda biex jien stess nibgħat lit-tifla tiegħi għal numru ta’ sigħat fil-ġimgħa. Jgħinni nlaħħaq mal-affarijiet kollha tiegħi u fl-istess ħin it-tifla titgħallem u vera tieħu pjaċir. Ix-xogħol u d-dedikazzjoni li nara huma kbar u minn qalbi nirringrazzjahom.
Biss irridu nammettu li meta nħoloq iċ-childcare, inħoloq biex naqdu l-bżonnijiet ekonomiċi ta’ pajjiżna. Ir-riżultati kienu bla preċedent hekk kif eluf ta’ nisa rritornaw fid-dinja tax-xogħol u dawk in-nisa li saru ommijiet għall-ewwel darba baqgħu jaħdmu wkoll.
Iżda qatt ma waqafna nistaqsu għal mument kemm hi kiefra għal dik l-omm li tħalli tarbija ġo childcare f’età tenera ta’ 4 xhur ma’ nies li ma tafx? Qatt ħsibna fuq l-impatt psikolġiku fuq dik il-mara li għadha kemm welldet tarbija li filwaqt li qed tirkupra fiżikament u mentalment trid taġġusta għal ħajja ġdida mimlija sfidi u responsabbiltajiet?
F’Malta, il-leave tal-maternità hu ta’ 18-il ġimgħa biss, perjodu qasir immens meta wieħed jagħmel paragun ma’ pajjiżi oħrajn li wħud minnhom jagħtu saħansitra sena maternity leave jew aktar. Riżultat ta’ dan, f’Malta ħafna nisa jagħżlu li jieħdu unpaid leave biex iqattgħu iżjed żmien ma’ wliedhom, deċiżjoni li ġġib magħha ħafna sagrifiċċji. Sfortunatament, nisa oħrajn m’għandhomx dan il-lussu għax il-piżijiet finanzjarji tal-familja tagħhom ikunu kbar wisq u allura jirritornaw għax-xogħol minnufih. Ommijiet oħrajn jippruvaw jieħdu unpaid leave imma l-employers tagħhom ma japprovawx it-talba tagħhom u jkunu kostretti jidħlu għax-xogħol, għax jew hekk jew jispiċċaw mingħajr impjieg! Xi ħaġa li tiftaħlek għajnejk dwar il-bżonn li min iħaddem ikun sensittiv għall-isfidi familjari tal-ħaddiema u l-benesseri tagħhom.
L-isfidi ma jiqfux hawn. Waħda mill-akbar ugigħ ta’ ras għal dawk il-ġenituri li jaħdmu hi meta l-ulied jkunu ma jifilħux. F’diversi pajjiżi jeżisti leave speċjali li jagħmel il-ħajja tal-ġenituri aktar faċli billi jgħinhom jilħqu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-bżonnijiet u l-impenji familjari. Il-vaganzi tas-sajf ipoġġu wkoll sfidi kbar fuq il-ġenituri hekk kif trid tara x’se tagħmel bit-tfal f’dawk is-sigħat ta’ wara li jispiċċaw minn Skola Sajf. Mhux kulħadd ixxurtjat li għandu s-sapport tan-nanniet, u ħafna min-nanniet tal-lum huma wkoll iżjed kbar fl-età ġaladarba n-nisa qed isiru ommijiet ta’ età akbar.
Dawn l-isfidi illi semmejt kollha jikkontribwixxu flimkien ma’ fatturi oħrajn biex ir-rata ta’ fertilità f’pajjżna tkun baxxa. Il-leave tal-maternità, paternità u l-parental leave mhux s-soluzzjoni ta’ kollox iżda huma ħoloq importanti minn katina. Ħolqa oħra importanti hi l-flessibbiltà tal-ġenituri fuq il-post tax-xogħol, xi ħaġa li rridu naħdmu ħafna fuqha. Minkejja li d-dinja miexja b’rata mgħaġġla lejn remote working u saħansitra f’ċertu pajjiżi jaħdmu b’sistema ta’ 4 day week, f’Malta din tal-ewwel għadha eċċezzjoni u mhux in-norma. Dan jgħodd mhux biss għall-kumpaniji u intrapriżi privati iżda wkoll għal ħaddiema tal-Gvern. Nifhem li għal dawk il-kumpaniji żgħar dan hu diffiċli, imma kumpaniji kbar fil-privat jaffordjaw jagħmluha u ma jagħmluhiex sakemm mhux inċentivati jew obbligati jagħmluha.
Id-diskussjoni trid tibda bis-serjetà u trid tiġi segwita b’azzjonijiet konkreti u fl-immedjat fil-baġit għas-sena d-dieħla. Diġà qegħdin tard iżda, kif jgħidu, aħjar tard milli qatt. Għal snin twal, bħala gvern, iffukajna fuq riformi importanti li jaffettwaw gruppi ta’ nies jew niċeċ partikolari tas-soċjetà, iżd’issa jeħtieġ li niddedikaw l-enerġija kollha tagħna fuq riformi li jolqtu lill-familji tagħna fil-laħam il-ħaj. Ejja nagħmlu mill-ġdid it-trobbija tat-tfal esperjenza sabiħa u ta’ sodisfazzjon u mhux ġirja kontra l-ħin u frustrazzjoni. Ejja nagħtu lura d-dritt u l-privileġġ li nrabbu lil uliedna.