Peter Agius | Attakk fuq id-demokrazija tal-poplu
‘Robert Abela jrid inaqqas id-drittijiet tiegħek biex politikanti korrotti jibqgħu jisirquna’
Xahar ilu fakkarna l-ħamsin sena tar-Repubblika tagħna meta fl-1974 il-Parlament Malti, b’maġġoranza kbira, bidel il-forma tal-Istat tagħna minn monarkija għal repubblika. ‘Re pubblika’ isimha magħha, mil-Latin res publica, ħaġa ta’ kulħadd. F’Repubblika, is-sovran mhux ir-Re imma l-poplu. F’Repubblika, min jikkmanda wkoll ikun taħt il-liġi; min jiggverna jkun qaddej, u jekk jikser il-liġijiet jaffaċċja l-konsegwenzi daqs u bħal kulħadd.
Liċenzja għall-korruzzjoni
Madankollu, minn xahar ilu ’l hawn, fir-Repubblika ta’ Malta qed nassistu għal att tal-mistħija li se jnaqqas id-drittijiet taċ-ċittadini biex politikanti korrotti jibqgħu jabbużaw u jirrenjaw bla ma jaffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ għemilhom.
Il-Prim Ministru Robert Abela, f’pożizzjoni evidentement dgħajfa ħafna fil-partit tiegħu, minflok inaddaf partit li iktar sar jixbah organizzazzjoni kriminali, qed jara kif jagħti liċenzja lil sħabu l-ministri u n-nies qrib tagħhom għall-korruzzjoni, is-serq, it-tixħim u kull forma ta’ abbuż.
L-inkjesti tal-maġistrati bħala parti minn sistema ta’ garanziji ta’ ġustizzja
F’Malta s’issa kellna sistema ta’ garanzija ta’ ġustizzja li kellha rimedju jekk organi tal-Istat bħall-Pulizija jonqsu milli jinvestigaw atti kriminali. Jekk dawn idawru wiċċhom mill-abbuż, s’issa kull wieħed minna kellu d-dritt jitlob Maġistrat jinvestiga. Din is-sistema għandha salvagwardji u ħadd ma jista’ jagħmel talbiet frivoli. Anzi, it-talba tkun evalwata sewwa u kull min ikun interessat jista’ jopponi t-talba għal inkjesta.
Dan id-dritt intuża anki minn nies fil-Partit Laburista fil-passat. F’dawn l-aħħar snin intuża minn nies, inkluż kap fil-Partit Nazzjonalista, kif ukoll minn ċittadini fis-soċjetà ċivili. U tant hu dritt utli li fil-fatt saru inkjesti li minnhom irriżulta li fil-Gvern ta’ Malta qed isiru reati kbar.
F’ammissjoni mill-Pulizija u mill-Avukat Ġenerali ta’ kemm naqsu minn dmirhom li jinvestigaw, dawn issa qed iressqu anki politikanti ewlenin Laburisti u jixluhom b’akkużi mill-iktar gravi, bis-saħħa ta’ inkjesti li ntalbu għax il-Pulizija naqset milli tinvestiga.
Kontra kull valur ta’ demokrazija, ta’ libertà u ta’ ġustizzja
Nhar l-Erbgħa li għadda wassalt dan il-messaġġ fi Brussell jien u nindirizza l-laqgħa tal-Grupp tal-Partit Popolari fil-Parlament Ewropew (PPE).
Indirizzajt lill-Mexxej tal-PPE Manfred Weber u lill-MEPs minn madwar l-Ewropa kollha li ltaqgħu għall-ewwel darba din is-sena fil-laqgħa tal-Grupp tal-PPE, l-ikbar grupp fil-Parlament Ewropew u li fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej żied il-Membri tiegħu fil-Parlament Ewropew, fosthom billi l-votanti Maltin u Għawdxin taw Membru iżjed lill-Partit Nazzjonalista.
Fl-indirizz tiegħi għamilt sejħa lill-Ewropa biex tgħaddi mill-kliem għall-fatti dwar id-dritt ta’ kull ċittadin Malti u Għawdxi li jitlob lill-Qrati Maltin jinvestigaw meta l-Gvern, permezz tal-Pulizija, jonqos li jinvestiga atti gravi, bħal dawk tat-tixħim u s-serq ta’ flus il-poplu minn nies fil-poter.
Għedtilhom kif f’Malta ninsabu quddiem mossa mill-iktar malizzjuża tal-Gvern Laburista biex jimblokka l-inkjesti tal-Maġistrat fuq politikanti korrotti Laburisti u l-kompliċi tagħhom. Dan qed jagħmlu permezz tal-abbozz ta’ liġi ppreżentat fil-Parlament din il-ġimgħa li jmur kontra kull valur ta’ demokrazija, ta’ libertà u ta’ ġustizzja.
Bis-saħħa ta’ inkjesti tal-maġistrati għandna l-fatti fuq il-Vitals u 17 Black
Fakkarthom li, grazzi għall-kuraġġ ta’ Simon Busuttil u ta’ David Casa, issa għandna investigazzjoni kriminali fuq dawk li kellhom il-kumpanija sigrieta 17 Black u l-monument tal-korruzzjoni Electrogas. Grazzi għall-kuraġġ u d-determinazzjoni ta’ Adrian Delia waqqajna l-kastell ta’ frodi tal-Vitals.
L-Ewropa trid tibgħat messaġġ ta’ tama lill-Maltin kollha ta’ rieda tajba, anki lil bosta Laburisti ġenwini, u messaġġ serju lil Robert Abela. Il-Gvern Laburista mmexxi minnu, flok jara li ssir ġustizzja, qiegħed ixekkel it-tfittxija għall-ġustizzja billi qed jipprova jimblokka l-inkjesti tal-Maġistrat; qed jipprova jneħħi l-unika għodda għan-nies biex jaraw li l-liġi tkun l-istess għal kulħadd u li min ikun fil-poter ma jixxaħħamx u ma jisraqx flus il-poplu.
Niddefendu lil pajjiżna mid-deċiżjonijiet ħżiena li jsiru bit-tixħim
Spjegajt lill-MEPs tal-PPE li l-Partit Nazzjonalista f’Malta qed jiġġieled bl-unuri kollha biex jiddefendi l-libertajiet Maltin u Ewropej, biex jiddefendi l-flus ta’ dawk li qegħdin iħallsu t-taxxa, biex jiddefendi lil pajjiżna mid-deċiżjonijiet ħżiena li jsiru bit-tixħim, u, fuq kollox, biex jiddefendi d-demokrazija tagħna.
Tkellimt dwar kif se nkunu qed nitolbu l-appoġġ kontinwu tan-nies biex niżguraw li Robert Abela u l-Gvern Laburista tiegħu ma jreġġgħux lura l-istandards l-iktar bażiċi Ewropej, jiġifieri li ċ-ċittadini huma s-sovrani u mhux il-politikanti li jixxaħħmu u li jisirqu. It tip ta’ politika li qed imexxi l-Partit Laburista f’Malta hi anti-Ewropea u kontra l-poplu.
Il-PPE se jerġa’ jżomm sod ma’ Malta u l-Maltin u l-Għawdxin għax nemmnu li l-ebda politiku korrott ma għandu jaħrab mingħajr konsegwenzi bil-flus tat-taxxi tagħna u bit-tixħim kif qed jagħmlu bil-kuntratti ta’ mijiet ta’ miljuni fl-iskandli enormi tal-Vitals u tal-Electrogas.