Bernard Cauchi | Edukazzjoni: f’liema salib it-toroq? (2)

Dak li hu mpinġi bħala importanti, donnu huwa biss dwar ħiliet marbuta mas-suq

Ikompli mill-ġimgħa li għaddiet

... lil hinn mill-edukaturi, l-akbar akkuża tiegħi tmur lejn is-sistema edukattiva nnifisha, li ovvjament mhix xi struttura astratta imma mibnija u mbuttata minn nies partikolari li fl-aħħar mill-aħħar iħarsu l-interessi tal-poter. Hi sistema kontradittorja għall-aħħar, qasba tixxejjer mal-irjiħat ta’ min jiflaħ jonfoħ l-iktar. F’iktar dettall, dawn huma xi punti li fuqhom l-akkuża tiegħi tistrieħ.

Suġġetti bħall-Istorja, il-Ġografija, u oħrajn li jisqu l-ħsieb u jrawmu kultura mhumiex mogħtija importanza, mhux tant mit-tfal, imma minn kif qed jiġu (jew mhumiex) imbuttati minn min għandu s-setgħa fuq dak li jiġi mgħallem.

Dak li hu mpinġi bħala importanti, donnu huwa biss dwar ħiliet marbuta mas-suq. Mela fl-għażla tal-options (li tixbah ħafna lil xi monti ta’ prodotti varji), dawk is-suġġetti li jwasslu (jew li mingħalina jwasslu) għal xogħlijiet b’pagi għolja jintgħażlu bil-gzuz.

Ir-riżultat hu li f’Malta post-kolonjali, fejn il-kriżi ta’ identità hi verament profonda, iltqajt ma’ studenti universitarji li m’għandhomx idea ta’ fatti ewlenin mill-istorja ta’ Malta għax l-aħħar li jkunu studjaw affarijiet sporadiċi jkun fl-ewwel snin tas-sekondarja. Nitkażaw għax f’ċerti dittatorjati dawn is-suġġetti huma pprojbiti. Hawnhekk, bħal f’ħafna sistemi neoliberali, is-sistema tagħmel ix-xogħol għal min hu fil-poter.

Punt ieħor huwa li wisq probabbli minħabba li rjus kbar qed jgħidu lill-Gvern li qed jintefqu wisq flus fl-edukazzjoni, jikkonċerna l-implikazzjonijiet tan-nuqqas ta’ riżorsi umani li semmejt qabel. La l-għalliema dejjem jonqsu, il-klassijiet dejjem qed jikbru. Dan ifisser ukoll li s-sistema li kellha għall-inqas toffri sostenn qed ikollha titraqqa’ bil-qara’ aħmar. Jekk titlaq counsellor iddum xhur ma tara oħra jew ieħor. Guidance teachers mhux jiġu sostituti.

Jekk titlaq counsellor iddum xhur ma tara oħra jew ieħor. Guidance teachers mhux jiġu sostituti Minħabba f’hekk studenti b’diffikultajiet emozzjonali, soċjali u psikoloġiċi jibqgħu jistennew

Minħabba f’hekk studenti b’diffikultajiet emozzjonali, soċjali u psikoloġiċi jibqgħu jistennew. U f’sitwazzjoni hekk, sistema li tpinġi lilha nfisha ‘for all’, ma hi ‘for all’ xejn. Kif tista’ twieġeb b’mod sinifikattiv u pożittiv għad-diversitajiet meta għandek dawn ir-restrizzjonijiet kollha? Sfortunatament, dan qed ikollu wkoll effett ħażin fuq kif l-għalliema jħarsu lejn l-istudenti.

Tisma’ ċertu diskors li jsir minn numru mhux żgħir ta’ edukaturi, kemm għax huma eżawriti u kemm għax wisq probabbli dejjem hekk ħasbuha, li jitfgħu t-tort għal tfal li waqgħu lura, li minħabba numru ta’ sitwazzjonijiet għandhom problema ta’ mġiba, li għandhom bżonnijiet differenti, jew li ġejjin minn ambjenti li mhumiex benvisti mill-gosti borgeżizzati ta’ bosta, fuq it-tfal infushom. Dan kollu hu sintomatiku ta’ sistema b’nifisha maqtugħ u li tispiċċa tiekol lilha nfisha.

U dan iwassalni għall-punt li lili jiddiżappuntani l-aktar, dak li għamel u li m’għamilx il-Ministru tal-Edukazzjoni f’dawn l-aħħar snin (mingħajr ma nimplika li hu biss responsabbli ta’ dan kollu). Storikament gvernijiet Laburisti ħadmu ħafna fuq sistemi edukattivi, anke jekk b’modi li setgħu kienu goffi u neqsin mill-istrateġija, li wasslu għal riformi kbar li l-għan aħħari tagħhom kien li jagħtu iktar vuċi lil min ma kellux.

Ta’ idealist li jien, kont ittamajt li dan il-Gvern (speċjalment issa b’din il-maġġoranza massiva) seta’ jimbotta affarijiet bħall-ħsieb kritiku u tisħiħ b’involviment ma’ identitajiet differenti permezz tat-tisħiħ tas-suġġetti umanistiċi, u sistemi li jiżguraw ekwità li wisq probabbli kienu jqajmu r-reazzjoni kuntrarja tal-forzi konservattivi. Sfortunatament, apparti xi eċċezzjonijiet bħalma hu ċ-childcare b’xejn (li l-għan ewlieni tagħha nissuspetta li ma kienx l-ugwaljanza imma li iktar nies joħorġu fis-suq tax-xogħol), dan il-Gvern spiċċa jimbotta l-aġenda neoliberali li kienu jimbuttaw gvernijiet Nazzjonalisti. Kemm kellu raġun min fl-2013 ippreveda li Gvern Laburista kien se jbiddel il-kok imma r-riċetta kien se jħalliha kif inhi! Sintomatiku ta’ dan kollu hu l-Ministru.

Jien qatt ma nista’ nifhem kif xi ħadd li studja l-ħsibijiet ta’ edukaturi bħal Freire u Milani, hu mkisser fil-letteratura akkademika, u ħadem ma’ edukaturi kbar bħal Danilo Dolci, seta’ jasal biex iħalli dan il-legat.

Dan il-Gvern spiċċa jimbotta l-aġenda neoliberali li kienu jimbuttaw gvernijiet Nazzjonalisti. Kemm kellu raġun min fl-2013 ippreveda li Gvern Laburista kien se jbiddel il-kok imma r-riċetta kien se jħalliha kif inhi!

Din id-dikotomija profonda bejn x’jingħad u xi jsir wasslet għal kontradizzjonijiet kbar, ngħidu aħna nnaqqsu l-enfasi minn fuq l-eżamijiet u fl-istess waqt nippromovu l-banding u s-setting li jiddependu mill-eżamijiet, nitkellmu favur ħsieb kritiku u mbagħad nippromovu ħafna iktar suġġetti li jimbuttaw il-forzi ekonomiċi, li nitkellmu fuq politika ta’ inklużjoni (sa nagħmluha parti minn slowgan elettorali) u mbagħad indgħajfu x-xibka li b’xi mod kienet qed tagħmel ċertu livell ta’ inklużjoni possibbli, li nitkellmu favur edukazzjoni ogħla iktar sinifikattiva u mbagħad nimxu b’politika ta’ ifred u saltan bejn il-Fakultà tal-Edukazzjoni u l-Institute for Education.

It-tama

Nagħlaq b’dak li mbuttani nikteb dan kollu: it-tama. Bħala għalliem fil-kulleġġ ta’ San Albert, il-Belt, dan kollu qed ngħidu mill-kumdità ta’ komunità edukattiva li bid-difetti kollha, hi spazju fejn bħala edukatur nista’ nieħu l-ossiġnu li għandi bżonn biex naħseb u niffunzjona. Jista’ jkun li m’għandniex l-aqwa faċilitajiet sportivi. Jista’ jkun li fl-għażla tal-iskejjel nintgħażlu lejn l-aħħar minħabba ġerarkija inviżibbli li poġġiet lill-iskejjel tal-Knisja f’league table informali.

Però fl-aħħar mill-aħħar inħoss li għandna ħaġa mill-aqwa, li bħala komunità naħdmu fid-dawl ta’ ethos b’saħħtu li ħareġ minn dak li nagħmlu, minn dak li nissieltu kontrih, mid-diskussjonijiet kontinwi li jkollna minkejja l-qtugħ ta’ nifs. Nawgura lill-edukaturi sħabi biex ifittxu komunitajiet, żgħar kemm huma żgħar li minnhom jistgħu jieħdu l-ossiġnu biex jibqgħu għaddejjin, biex jibqgħu jagħmlu dak li qed jagħmlu b’fidi li qed jagħmluh għall-ġid komuni, li jibqgħu jħarsu lejn l-uċuh tan-nies li qed jaħdmu magħhom u  jibqgħu jarawhom bħala nies. U s-sistema tmur titnejjek. 

More in Politika