Miriam Dalli | Fiċ-ċentru tal-politika tagħna: in-nies
Irid ikollok moħħok mistrieħ li għandek minn fejn tħallas biex tibqa’ ssostni s-sussidji u l-akbar problema tal-esponenti Nazzjonalisti hi li mhux moħħhom mistrieħ li kapaċi joħolqu biżżejjed ġid biex ikollhom minn fejn jagħmlu tajjeb għal dawn is-sussidji.

Id-dibattitu Parlamentari li kellna din il-ġimgħa wera biċ-ċar kemm l-Oppożizzjoni tparla ħafna imma meta tiġi biex tippreżenta argumenti ekonomiċi u inizjattivi konkreti tbati bil-kbir.
Bla pjan, bla ideat, b’Oppożizzjoni li trid taparsi ttik minn naħa, imma fir-realtà toħodlok minn oħra.
L-aktar eżempju reali li jeżisti huwa l-għajnuna li jagħti Gvern Laburista fuq il-prezzijiet tal-enerġija: id-dawl, l-ilma, il-fuel u ċ-ċilindri tal-gass. Fl-aħħar tliet snin u nofs tajna €850 miljun. €850 miljun f’sussidju illi għal aktar minn darba, tnejn, tlieta, sew il-Kap tal-Oppożizzjoni, u anke esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista wrew bl-aktar mod ċar li ma jżommuhx.
Il-Partit Nazzjonalista m’għandux il-kapaċità li joħroġ b’ideat b’saħħithom biex iżomm l-ekonomija ta’ pajjiżna b’saħħitha. Għalhekk li kull meta mistoqsija, esponenti tal-Partit Nazzjonalista mhux kapaċi jagħtu impenn li jżommu l-prezz tal-enerġija stabbli. Irid ikollok moħħok mistrieħ li għandek minn fejn tħallas biex tibqa’ ssostni s-sussidji u l-akbar problema tal-esponenti Nazzjonalisti hi li mhux moħħhom mistrieħ li kapaċi joħolqu biżżejjed ġid biex ikollhom minn fejn jagħmlu tajjeb għal dawn is-sussidji.
Fl-aħħar snin kien hemm diversi mumenti fejn il-prezzijiet internazzjonali tal-fuels splodew ’il fuq. Id-deċiżjoni li emminna fiha b’konvinzjoni sħiħa kienet li ngħinu lin-nies f’waħda mill-iktar affarijiet essenzjali: l-enerġija. Dan, minflok ħallejna s-suq isuq kif qalu li jagħmlu tal-Partit Nazzjonalista. Li kieku ż-żieda fil-prezz tfajnieha fuq in-nies u n-negozji, konna nkissru l-ħaddiema, lill-familji, il-pensjonanti u l-middle class.
Nafu x’ġara meta Gvern Nazzjonalista ħa t-triq li jgħolli l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-prezz tal-fuel. Niftakruhom il-laqgħat tal-imsieħba soċjali fix-xhur ta’ qabel il-budget ta’ Gvern Nazzjonalista mimlija tensjoni u l-pajjiż mimli inċertezza minħabba deċiżjoni kardinali: dik li għal darba wara oħra amministrazzjoni Nazzjonalista kienet tgħolli l-kontijiet tal-enerġija.
Għandna Kap tal-Oppożizzjoni li sal-lum il-ġurnata jemmen l-istess ħaġa. Nhar il-11 ta’ Ottubru 2021, eżatt wara l-preżentazzjoni tal-Baġit, Bernard Grech qal ċar u tond li meta l-prezzijiet jogħlew internazzjonalment, jogħlew għal kulħadd. Jiġifieri jogħlew għalina wkoll. Ifisser jiġifieri l-istess kif ġara bejn l-2008 u l-2012. Dakinhar kellna tmexxija Nazzjonalista li għolliet il-prezzijiet tal-elettriku u l-fuel, ferm iktar minn kemm kien għola l-prezz internazzjonali – tant li kellna fost l-ogħla prezzijiet fl-Unjoni Ewropea.
Illum għandna tmexxija Laburista li wara li raħħset il-prezzijiet 11-il sena ilu, żammithom stabbli fl-iktar mumenti diffiċli u saħansitra raħħset il-prezz tal-fuel matul il-pandemija.
Tant ma jemminx li għandu jgħin lin-nies li fis-27 ta’ Jannar 2023, il-Kap tal-Oppożizzjoni, meta kien f’attivita tal-Kamra tal-Kummerċ, qal li s-sussidji mhumiex għażla sostenibbli. Dan l-istatement għadhom jirrepetuh diversi esponenti tal-Partit Nazzjonalista sal-lum. U hawnhekk toħroġ id-differenza: Mhijiex kwistjoni ta’ roħs fil-kont biss. Hija kwistjoni ta’ aktar flus fil-but għall-familji. Aktar stabbilta għan-negozji u l-industrija f’pajjiżna. Aktar serħan il-moħħ għall-familji tagħna. Li kieku ma żammejniex din l-istabbiltà u li kieku smajna mill-Oppożizzjoni, konna nipperikolaw l-impjiegi tal-familji u kull għajnuna oħra li qed nagħtu. Għax biex tgħin irid ikollok minn fejn, jiġifieri l-ġid li joħloq il-pajjiż. Li kieku ma żammejniex il-prezzijiet stabbli, dak il-ġid kien ikun inqas. Din ġiet ikkonfermata wkoll mill-Bank Ċentrali.
Li kieku dik l-għajnuna ma ngħatatx, fl-industrija pereżempju, kien ikollna kumpaniji stabbiliti li kienu jispiċċaw jridu jħallsu ferm iktar fis-sena, fuq enerġija biss, b’riskju li jnaqqsu l-ħaddiema. Eżatt kif ġara fi żmien Gvern Nazzjonalista meta ħafna postijiet tax-xogħol qalbu fuq four-day week jew bdew imorru jinvestu f’pajjiżi oħra.
Il-familji jistgħu jaraw b’mod ċar kemm qed jiffrankaw fil-kontijiet tagħhom. Pereżempju, familja ta’ erba’ persuni li s-sena li għaddiet kellha kont ta’ madwar €735 kien ikollha tħallas €523 iktar, kieku ma intervjenejniex bl-għajnuna. Kien hemm snin fejn dak kien jiġi iktar. Fuq tliet snin mill-kont tad-dawl biss din il-familja ħallejnielha iktar minn €1,600 f’idha.
Minkejja l-prezz internazzjonali, anke l-prezz tal-fuel żammejna stabbli. F’Malta nħallsu €1.21 il-litru għad-diesel u fl-Italja jħallsu medja ta’ €1.73, għax issib anke ogħla minn hekk. Mijiet ta’ ewro iktar fis-sena.
U għalhekk li nistaqsi, kif l-Oppożizzjoni tista’ titkellem u qatt titwemmen dwar l-għoli tal-ħajja meta l-politika tagħha ġġib fix-xejn kull għajnuna li jista’ jagħti gvern? L-akbar xhieda tal-faqar tal-Oppożizzjoni hi li ġiet tippreżenta mozzjoni parlamentari fuq l-għoli tal-ħajja mingħajr mhi kapaċi tagħti kelma li se żżomm il-prezzijiet stabbli!
Bħala Gvern Laburista se nibqgħu nemmnu u ngħinu lin-nies b’dawk il-miżuri li l-iktar jagħmlulhom differenza. Lill-familji tajniehom kelma ċara. Kontijiet stabbli u għajnuniet u żidiet li jagħmlulhom differenza pożittiva.
Kuntrarjament għall-Partit Nazzjonalista, aħna l-kelma li tajna u qed nagħtu, qed inżommuha u se nibqgħu.