
Editorjal | Il-politika ta’ Malta quddiem il-ġenn ta’ Trump
'Il-Gvern Malti ma jista’ jiġġieled ma’ ħadd. La maċ-Ċiniżi u lanqas mal-Amerikani. Imma jista’ jkun punt ta’ referenza biex l-Ewropa tifhem kemm hu importanti li jkun hawn l-għaqda u politika ċara'

Kienet stramba, mhux hekk li fost il-mexxejja politiċi li marru Washington għall-inawgurazzjoni ta’ Donald Trump kien hemm ftit mexxejja mill-Ewropa. Iżda fuq quddiem nett rajna lil Ian Borg, Ministru għall-Affarijiet Barranin fl-inawgurazzjoni ta’ Donald Trump. Mhux sigriet li Ian Borg huwa viċin l-Amerikani. U hekk għandu jkun. Imma fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi Borg jidher li qed ikun meqjus fi kliemu. (F’parti oħra ta’ din il-gazzetta ta’ min jgħid li Ian Borg joħroġ bħala fost l-iktar ministri popolari f’pajjiżna.)
Rajna wkoll li l-Prim Ministru Robert Abela, dan l-aħħar beda jitkellem fuq il-bżonn li Malta tonfoq aktar fuq il-forzi armati. Diskors li qisu jirrepeti n-narrattiva Amerikana.
Imbagħad kien hemm ukoll referenza għan-newtralità. Narrattiva oħra li tinfilsa ruħha wkoll man-narrattiva Amerikana.
Post Malta fl-Ewropa, u post il-Gvern u l-Partit Laburista hu favur politika li tħaddan politika għall-paċi, kif ukoll għall-popli oppressi.
Il-politika ta’ Donald Trump hija waħda mibnija fuq kunċetti medjokri u perikolużi. Trid tisma’ biss id-diskors tal-Viċi President Amerikan Vance meta tkellem fuq il-lemin estrem.
Wisq aktar inkwetanti hu d-diskors dwar Gaża u l-proposta dwar id-deportazzjoni tal-Palestinjani.
Jew inkella l-kummenti bla sens fuq id-diversità jew ix-xenati biżarri ta’ Elon Musk. Tibda tinkwieta li l-Gvern Amerikan qed isir Gvern faxxist.
Il-Gvern Malti ma jista’ jiġġieled ma’ ħadd. La maċ-Ċiniżi u lanqas mal-Amerikani. Imma jista’ jkun punt ta’ referenza biex l-Ewropa tifhem kemm hu importanti li jkun hawn l-għaqda u politika ċara.
Ma rridux inkunu psataż mal-Amerikani imma lanqas għandna nibżgħu nitkellmu ċar. U importanti li l-Gvern Malti, ispirat minn prinċipji Laburisti, jibqa’ jitkellem b’mod ċar dwar Gaża, dwar l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, kif ukoll dwar id-diversità b’leħen sod u wieħed.
Fuq kollox biex ma nispiċċawx pupazz ta’ gvern immexxi minn miġnun u narċisista bl-isem ta’ Donald Trump.