Editorjal | Soluzzjonijiet, mhux kompassjoni biss

Inkella dak li rajna din il-ġimgħa se nibqgħu narawh, darba , darbtejn, tlieta, għaxra ... 

U kemm se ndumu għaddejin biha! Dat-teatrin! Għal darb’oħra l-Pulzija marru f’post fejn kien hemm numru ta’ immigranti jgħixu, uħud minnhom ingħad li kienu mal-ħames persuni f’kamra.

U kellna d-djar tal-midja kollha hemmhekk, kulħadd kien qed jitkellem dwar dan il-każ u dwar l-immigranti li “nqabdu” u nħarġu b’mod xejn ċerimonjuż minn din il-binja li mhux wisq żmien ilu kienet skola għall-istudenti Russi.

Sfortunatament ftit biss wara l-immigranti reġgħu lura fl-istess binja fuq ordni tal-Qorti sad-9 ta’ Settembru meta tittieħdet deċiżjoni finali dwar din il-binja.

Ħa nibdew minn dak li hu bażiku; din hija problema mill-aktar serja. Tkun xi tkun id-deċiżjoni tal-Qorti dawn l-immigranti, xi mkien iridu jgħixu ladarba għandhom permess ikunu Malta. Mela allura d-deċiżjoni tal-Qorti, jekk tkun biex din il-binja tingħalaq, se tkun biss qed titfa’ l-problema f’postijiet oħrajn.

Il-problema hija li llum f’pajjiżna nħolqot klassi ġdida, il-klassi l-baxxa ta’ taħt il-klassi l-baxxa. Dan huma nies li qatt mhuma se jifilħu jħallsu l-kirjiet kummerċjali li hawn bħalissa, sakemm ma jkunux sitta jew sebgħa, f’appartament ta’ tlieta jew erbgħa. Allura huwa prattikament ovvju li dawn se jduru għal alternattivi irħas u inqas komdi. Dan naturalment ma jfissirx li huwa ġġustifikat li persuna titħalla qisha annimal, imma issa ejja nħarsu lejn il-prattika u nsibu soluzzjonijiet prattiċi.

Il-problema hija li llum f’pajjiżna nħolqot klassi ġdida, il-klassi l-baxxa ta’ taħt il-klassi l-baxxa. Dan huma nies li qatt mhuma se jifilħu jħallsu l-kirjiet kummerċjali li hawn bħalissa, sakemm ma jkunux sitta jew sebgħa, f’appartament ta’ tlieta jew erbgħa

Din il-gazzetta f’bosta editorjali mhux biss uriet solidarjetà iżda ċanfret lil dawk li jittrattaw lil persuna b’mod ħażin jekk mhux viljakk sempliċiment minħabba l-kulur tal-ġilda. Imma issa jeħtieġ immorru lil hinn minn hekk. Hawnwhekk għandna problema li jekk mhux se nsolvuha se jkollna, mil-lejl għan-nhar, mijiet ta’ persuni fit-triq jittallbu u bla saqaf fuq rashom.

X’għandu jsir? L-ewwel nett għandu jkun aċċertat li l-istokk kollu ta’ proprjetà li hawn fis-suq tal-kiri huwa legali u skont l-istandards mistennijin fil-liġi. Qed nirreferu għal kull aspett; jekk hux ventilazzjoni, sigurtà, saħħa tal-ġebla, għamara bażika, numru ta’ twieqi, dawl, ilma sħun u aktar. Proprjetajiet li ma jgħaddux minn dan it-test tar-rekwiżiti ma jistgħux jinkrew.

Ħadd mhu qed jgħid li m’għandekx tikri jew li għandek tikri bit-tali prezz, però l-istat għandu kull dritt jara li qed tikri, li jieħu t-taxxa minn fuq dik il-kirja u li jara illi dik il-kirja hija skont l-istandards u l-liġi

It-tieni; hemm bżonn li ssir eżaminazzjoni ċara u stretta ta’ kemm hemm nies jgħixu f’kull appartament u jekk hemm bżonn liġi li tirrestrinġi kemm nies jistgħu jgħixu f’kemm spazju. Dan mhux pajjiż tat-tielet dinja u huwa fl-interess ta’ kulħadd (ħlief ta’ min hu ħanżir) li jkun hemm din ir-restrizzjoni. Ma jistax ikun li f’appartament ta’ żewġ kmamar tas-sodda (li allura jraqqad erbgħa) jorqdu tmienja jew 10 minn nies. Inkunu qed noħolqu gallinari mhux postijiet fejn persuna tgħix. Dan apparti li qed nitfgħu fi żvantaġġ enormi lill-koppji jew persuni li jixtiequ jikru.

It-tielet; kull appartament, dar, garaxx ... kull toqba li qed tinkera trid tkun irreġistrata. Jekk qed tikri appartament trid tirreġistra dak il-post bħala wieħed li qed jinkera bħala post tal-għixien. Ma jistax ikun li nibqgħu għaddejjin b’din il-ġungla assoluta fejn kulħadd jagħmel li jrid.

Ħadd mhu qed jgħid li m’għandekx tikri jew li għandek tikri bit-tali prezz, però l-istat għandu kull dritt jara li qed tikri, li jieħu t-taxxa minn fuq dik il-kirja u li jara illi dik il-kirja hija skont l-istandards u l-liġi.

Nemmnu li l-bidla fil-liġi tal-kera trid tmur lura fuq il-mejda u tikkunsidra li llum mhumiex biss familji Maltin li qed jikru, imma mijiet jekk mhux eluf ta’ barranin li għandhom dritt ikunu f’pajjiżna u li huma l-ifqar fost il-fqar

Ikun hemm min, forsi għax hekk jaqbillu, jgħid li din hija politika tal-big brother. Skuża patetika, jekk qatt kien hemm waħda! Il-Gvern għandu kull dritt jara li l-liġi tkun osservata, mingħajr il-bżonn li jbagħbas fis-suq.

Meta toqgħod taħsibha, il-vera bidu tas-soluzzjoni għal dak li hawn madwarna mhix biss il-kompassjoni. Irridu mmorru oltrè minn hekk.

Għalhekk nemmnu li l-bidla fil-liġi tal-kera trid tmur lura fuq il-mejda u tikkunsidra li llum mhumiex biss familji Maltin li qed jikru, imma mijiet jekk mhux eluf ta’ barranin li għandhom dritt ikunu f’pajjiżna u li huma l-ifqar fost il-fqar.

Inkella dak li rajna din il-ġimgħa se nibqgħu narawh, darba , darbtejn, tlieta, għaxra ... 

More in Politika