Kailyze Attard | Il-kaġun tal-kriżi preżenti fil-Mediterran
Pajjiż żgħir bħal Malta, flimkien mal-pajjiżi l-oħra tal-fruntiera m’għandhomx jibqgħu jiġu mċaħħda mill-għajnuna waqt din il-kriżi
Il-pożizzjoni ta’ Malta f’nofs il-Mediterran toffri numru ta' sfidi lill-pajjiż, fosthom l-immigrazzjoni llegali. Fl-aħħar 15-il sena, in-numru ta’ nies li daħlu ġo pajjiżna illegalment kiber minħabba diversi instabbilitajiet madwar ir-reġjun.
Dawn l-isfidi ma jaffettwawx biss it-tmexxija fil-pajjiż, iżda wkoll ir-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ pajjiżi ġirien fil-Mediterran, fosthom mal-Italja. L-abbandun minn Brussell spiċċa biex wassal għal battibekki bejn pajjiżi li suppost għandhom jaħdmu id f’id biex il-problema tal-immigranti illegali tiġi mitigata. Issa, iktar minn qabel hekk kif in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil żdied b’10% fl-ewwel nofs tal-2019 meta kkumparat mal-2018.
Is-saga tal-Mediterran tkompli
Nies li ġenwinament qed ifittxu l-ażil fl-Ewropa ġew traduti kemm mill-UE kif ukoll mill-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran, hekk kif il-pajjiżi membri dawru wiċċhom għat-tbatija ta’ dawn in-nies filwaqt li xeħtu r-responsabbilità fuq il-ftit pajjiżi fil-fruntiera Ewropea.
Nies li ġenwinament qed ifittxu l-ażil fl-Ewropa ġew traduti kemm mill-UE kif ukoll mill-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran
Dan wassal sabiex fil-preżent inqalgħu diversi problemi fir-relazzjonijiet ta’ dawn il-pajjiżi li issa mhuma la jafdaw u lanqas jikkoperaw ma’ xulxin. Prova ċara ta’ dan hija s-sitwazzjoni tal-bastiment ‘Open Arms’ li mhux jitħalla jidħol ġewwa l-ebda port fil- Mediterran. Dan l-atteġjament wasal minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni u għajnuna bejn il-membri stati u li għal snin twal l-istati fil-Mediterran tħallew jikkumbattu ma’ din is-sitwazzjoni mingħajr ebda viżjoni għall-futur.
Il-passi futuri fir-rigward tal-immigrazzjoni illegali
Bħala membri fl-Unjoni Ewropea, hemm bżonn li nevalwaw mill-ġdid ’l hekk imsejħa ‘Dublin Regulation’. Din id-direttiva timplika li l-pajjiż bl-ewwel port sigur għandu jagħti refuġju lil dgħajjes b’immigranti llegali filwaqt li jipproċessa l-applikazzjonijiet tagħhom.
Din id-direttiva qed tagħti daharha lill-pajjiżi tal-fruntiera u tfarfar il-problema minn idejn membri stati kbar li jinsabu fiċ-ċentru tal-Ewropa. Il-fatt li ma jeżisti l-ebda makkinarju li jistipola mezz ta’ ‘burden sharing’ tkompli tipperikola s-sitwazzjoni politika u finanzjarja ta’ dawn il-pajjiżi. Il-problema tal-immigrazzjoni m’għandhiex tkun biss waħda nazzjonali, iżda għandha tkun globali. Għalhekk hemm bżonn li l-Ewropa tieqaf titfa’ l-piż kollu fuq il-fruntiera u noħolqu soluzzjonijiet globali.
Jekk ma sseħħx il-bidla fil-mentalità politika kif ukoll fil-liġijiet rigward l-ażil u t-tqassim ta’ responsabbiltà, il-baħar Mediterran ser ikompli jara traġedja wara oħra u r-responsabbiltà tkun biss fuq grupp ta’ nies li ma jridux jaċċettaw li ssir bidla fil-liġijiet u li ma jridux jipparteċipaw fil-‘burden sharing’
Dan ifisser li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, iridu jmiddu jdejhom u jaħdmu flimkien għal soluzzjoni. Huwa inutli li nagħmlu s-summits u minuti ta’ silenzju jekk mhux ser nimxu lil hinn minn soluzzjonijiet hekk imsejħa ad hoc għal każijiet individwali ta’ immigranti salvati minn bastimenti ta’ NGOs. Il-problema tal-immigrazzjoni illegali ma tistax tibqa’ tiġi ristretta fuq il-pajjiżi tal-fruntiera Ewopea biss.
Dan ser iwassal biss għal iktar tensjonijiet bejn il-gvernijiet tal-Mediterran u l-popolarità tal-partiti fil-lemin estrem. Hemm bżonn li tiddaħħal kwota msaħħa minn sanzjonijiet finanzjarji, fejn kull pajjiż membru tal-UE għandu jonoraha meta tidħol dgħajsa b’nies ifittxu l-ażil, filwaqt li l-pajjiżi tal-Afrika jkunu inċentivati biex jaħdmu sabiex ir-rotot tal-immigrazzjoni illegali jingħalqu.
Iż-żmien li nnaqqsu d-dewmien fil-proċess tal-applikazzjonijiet wasal
Barra minn hekk, wasal ukoll iż-żmien li nfasslu pjanijiet effettivi biex innaqqsu d-dewmien fil-proċessi tal-applikazzjoni għall-ażil u biex ikun hemm programm ta’ integrazzjoni effettiva fi ħdan il-komunità, filwaqt li immigranti ekonomiċi li ġew f’pajjiżna illegalment għandhom ikunu deportati fil-pront. Ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar proġett li ser jestendi l-Open Centre f’Ħal Far, madanakollu fl-opinjoni tiegħi, pajjiż bħal Malta, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu, l-investimenti għandhom isiru fil-qasam tal-edukazzjoni u l-integrazzjoni.
Billi ser inkomplu nżidu d-distanza bejn il-popolazzjoni immigranta u dik Maltija m’aħna ser insolvu l-ebda problema. Minflok għandna bżonn niffukaw ir-riżorsi tagħna sabiex ikun hemm integrazzjoni sħiħa ta’ refuġjati. B’hekk apparti li l-pajjiż jiggwadanja ekonomikament innaqqsu l-kunflitti bejn iż-żewġ komunitajiet. Hemm bżonn li ż-żewg naħat jifhmu li għandhom bżonn lil xulxin għal futur sostenibbli.
Pajjiż żgħir bħal Malta, flimkien mal-pajjiżi l-oħra tal-fruntiera m’għandhomx jibqgħu jiġu mċaħħda mill-għajnuna waqt din il-kriżi
Fl-aħħar mil-aħħar, bħala komunità, irridu nżommu f’moħħna li ħadd ma jitlaq minn daru, jipperikola ħajtu fuq lanċa bejn sema u ilma, jekk mhux għax ikun iddisprat ġewwa pajjiżu. Madankollu r-responsabbiltà fil-konfront tal-immigrazzjoni illegali trid tiġi merfugħa mit-28 pajjiż membru tal-Ewropa u mill-pajjiżi ġirien fil-Mediterran u mhux mill-ftit.
Pajjiż żgħir bħal Malta, flimkien mal-pajjiżi l-oħra tal-fruntiera m’għandhomx jibqgħu jiġu mċaħħda mill-għajnuna waqt din il-kriżi.
Jekk ma sseħħx il-bidla fil-mentalità politika kif ukoll fil-liġijiet rigward l-ażil u t-tqassim ta’ responsabbiltà, il-baħar Mediterran ser ikompli jara traġedja wara oħra u r-responsabbiltà tkun biss fuq grupp ta’ nies li ma jridux jaċċettaw li ssir bidla fil-liġijiet u li ma jridux jipparteċipaw fil-‘burden sharing’.
Kailyze Attard hija parteċipanta tal-inizjattiva LEAD