Editorjal | Il-farsa ta’ Godfrey u Marlene
Dak li ġara kien doċċa kiesħa għal dawk li tant emmnu li l-PD kien ser joffri alternattiva għall-partiti politiċi
Lanqas hemm dubju li n-nies li nġabru biex mingħalihom jappoġġjaw partit ġdid u tama ġdida fil-politika ħassewhom ittraduti mid-deċiżjoni xi ftit ġranet ilu meta Marlene u Godfrey Farrugia rriżenjaw mill-Partit Demokratiku iżda baqgħu membri fil-Parlament.
Dak li ġara kien doċċa kiesħa għal dawk li tant emmnu li l-PD kien ser joffri alternattiva għall-partiti politiċi.
Min bħalna jaf xi jsarrfu Marlene u Godfrey Farrugia ma kinux sorpriżi b’dak li ġara. Marlene iktar minn Godfrey ippreżentat lilha nnifsiha bħala xi gladjatur tas-sewwa. Persuna li ħasset li tista’ tipprietka x’jagħmel wieħed u x’ma jagħmilx l-ieħor. Meta hi stess kienet parti minn partit jew partiti li flimkien għamlu t-tajjeb u għamlu l-ħażin.
Il-koppja Farrugia kienu responsabbli minn grupp imdaqqas ta’ nies li jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom għal dan il-partit u joħolmu li jistgħu jbiddlu. Kienet ċara iżda li l-politika tal-partit kienet imgerfxa.
Fuq livell liberali, Marlene u Godfrey esprimew opinjonijiet xejn differenti minn dak li tisma’ f’partiti tradizzjonali. Tant hu hekk li meta konna niġu għall-kaċċa, l-IVF, ċertu kontraċettivi u n-nar fil-festi, il-PD ma kienx tant differenti. Anzi kienu aktar konservattivi.
Fuq l-ambjent u l-indafa fil-politika, kienu voċiferi imma ma kienx hemm dik l-argumentazzjoni li setgħet tiddistingwihom mill-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil. Meta fl-aħħar elezzjoni dehru spalla ma’ spalla mal-PN tilfu kull krettu mal-Laburisti li ġenwinament kienu rrabjati mal-Labour. Apparti l-fatt li l-PD litteralment seraq voti u żewġ siġġijiet mill-PN.
Mill-bidu nett, minkejja wċuħ ġodda, il-Partit Demokratiku naqas mill-jattira nies ta’ ċertu statura, kapaċità u kif ukoll intellett. Ma kienx hemm dawk il-persuni li setgħu kienu f’għajnejn in-nies alternattiva għall-politiċi fil-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista
Mill-bidu nett, minkejja wċuħ ġodda, il-Partit Demokratiku naqas mill-jattira nies ta’ ċertu statura, kapaċità u kif ukoll intellett. Ma kienx hemm dawk il-persuni li setgħu kienu f’għajnejn in-nies alternattiva għall-politiċi fil-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.
Fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew deher ċar li l-apprezzament u l-popolarità ta’ Godfrey Farrugia kienu ċkienu mhux ħażin. Tant hu hekk li l-voti li kiseb kienu ta’ disfatta.
Il-koppja Farrugia tkellmu fuq il-korruzzjoni, l-ambjent u t-trasparenza. Ma kellhomx raġun? Hu żgur li kellhom raġun, imma ma kellhomx il-kredibillità li jittieħdu bis-serjetà.
Fuq kollox l-għażla tagħhom li jaħarbu mix-xena, iħallu l-loqom għal min emmen fihom u huma jżommu l-glorja jew il-prestiġju tal-Parlament, hija konferma tal-medjokrità politika tagħhom.
Għall-midja kienu żewġ karattri kkuluriti, imma għall-iżvilupp politiku kienu diżappunt kbir u ferm akbar għal min emmen fihom u fil-ħolm tagħhom.
Il-Patri Agostinjan u r-riflessjoni li trid tagħmel il-Knisja...
Il-każ tal-Patri Agostinjan, li jinsab taħt police bail u qed jistenna li jittella’ l-Qorti, hija prova ta’ kemm il-Knisja għandha bżonn tħares sew lejn dak li qed jiġri.
Ma hemmx prova ċara, iżda minn dak li qed ikun irrapportat, anke minn din il-gazzetta, jidher li l-eks Kappillan Agostinjan, ġo komunità żgħira fil-Belt Valletta, nefaq ħafna flus fuq festa esaġerata. Festa li ma kinitx tradizzjoni kbira f’din il-komunità.
In-nies fi triq huma tassew imħawdin, u għandhom raġun jistaqsu kif ħadd ma nduna, ibda mill-Provinċjal u l-Arċisqof, sa dawk li kienu viċin tiegħu
Il-mistoqsija tagħna hija kif jistgħu l-awtoritajiet ekkleżjastiċi ma ndunawx b’dak li qed jiġri.
In-nies fi triq huma tassew imħawdin, u għandhom raġun jistaqsu kif ħadd ma nduna, ibda mill-Provinċjal u l-Arċisqof, sa dawk li kienu viċin tiegħu.
Mhux sorpriża għalhekk li tisma’ nies li jgħidu imma din il-knisja kif tista’ tipprietka u tiġġudika lil ħaddieħor meta hi tant għandha problemi?
Dawn u oħrajn huma ftit mill-mistoqsijiet li jistaqsu n-nies.