Owen Bonnici | Tissokta l-ħidma fl-Edukazzjoni u x-Xogħol
Tassew kburi bix-xogħol li dejjem taw l-edukaturi tagħna għall-ġid tal-istudenti imma ninsab tassew grat lejn id-dedikazzjoni li baqgħet tintwera minn kulħadd wara l-għeluq temporanju tal-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi
Il-ħidma fil-Ministeru tibqa’ għaddejja bla waqfien, ħidma li għaddejja mhux biss fil-ministeru u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni, imma wkoll fl-entitajiet u stituti edukattivi kollha li jaqgħu taħt dan il-ministeru.
Ħidma li hija mifruxa u minnha qed igawdu dirett kemm l-istudenti, l-edukaturi u l-ġenituri tal-istudenti, u wkoll il-ħaddiema kollha. Rajna u qrajna dwar il-miżuri li dan il-gvern ħa u qed jieħu biex jipproteġi l-impjiegi u l-impjegati. Aħna bħala ministeru daħħalna ammont sabiħ ta’ miżuri li għenu bil-kbir fl-oqsma li jaqgħu taħtna.
Il-ħidma għaddejja wkoll f’dak li huwa sostenn u appoġġ. Kif kienet it-tnedija mill-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-programm ta’ outreach tagħha.
Din saret flimkien ma’ rappreżentanza ta’ akkademiċi tal-Fakultà, fl-Università ta’ Malta, mmexxija mid-Dekan Dr Colin Calleja bit-tnedija ta’ programm ta’ outreach bil-għan li jagħti appoġġ b’mod iktar wiesgħa u mifrux lill-istudenti, edukaturi u ġenituri. Il-Fakultà tal-Edukazzjoni llum il-ġurnata hija kkunsidrata bħala waħda mill-aqwa 400 fakultà tal-edukazzjoni fid-dinja.
Il-programm ta’ outreach jinvolvi wkoll website: lovetoteach.info. Sit virtwali li huwa aġġornat ta’ spiss, u huwa magħmul minn erba’ sezzjonijiet differenti: waħda għal studenti li jaqgħu taħt il-kategoriji junior u senior, oħra għall-ġenituri, sezzjoni għall-edukaturi u mexxejja edukattivi, u r-raba’ sezzjoni hija għal studenti f’edukazzjoni ogħla, adulti u l-edukaturi tagħhom.
Tassew kburi bix-xogħol li dejjem taw l-edukaturi tagħna għall-ġid tal-istudenti imma ninsab tassew grat lejn id-dedikazzjoni li baqgħet tintwera minn kulħadd wara l-għeluq temporanju tal-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi.
Is-sezzjoni għall-juniors u s-seniors tipprovdi riżorsi interattivi kif ukoll attivitajiet edukattivi awtentiċi għall-istudenti żgħar, filwaqt li dik għall-ġenituri, apparti li toffri riżorsi, toffri wkoll webinars u podcasts għal dawk il-ġenituri li għal dawn l-aħħar ġimgħat għandhom ir-rwol ta’ edukaturi għal uliedhom.
Is-sezzjoni għall-edukaturi toffrilhom ukoll riżorsi u webinars. Parti minn din is-sezzjoni wieħed jista’ jsib serje ta’ webinars bl-isem ‘Connect to Learning’ li tipprovdi żvilupp kontinwu u professjonali lill-edukaturi sabiex iżidu l-ħiliet u l-ideat tagħhom ħalli jtejbu l-prattiċi.
Dan is-serje diġà attira bosta professjonisti edukattivi u qed isir spazju popolari mal-edukaturi Maltin. Dawk li jattendu u joffru l-ideat tagħhom f’dawn il-webinars se jingħatalhom ċertifikat ta’ parteċipazzjoni li jkun maħruġ mill-Fakultà fi tmiem is-serje.
L-aħħar sezzjoni toffri riżorsi aġġornati żviluppati minn awturi lokali kif ukoll barranin u anki appoġġ f’forom ta’ webinars u korsijiet qosra lil studenti, adulti u l-edukaturi tagħhom, speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mat-tagħlim online.
La qed insemmi l-Università, insemmi wkoll il-ħatra tal-eks Kummissarju Ewropew, il-Perit Karmenu Vella, bħala Pro-Kanċillier tal-Università ta’ Malta għal perjodu ta’ tliet snin.
Il-profil għoli tal-eks Kummissarju Vella se jgħin biex l-Università tkompli timxi ’l quddiem u ssaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha f’Malta u barra minn xtutna. Apparti dan, il-Perit Vella se jġib miegħu snin ta’ esperjenza fl-iktar strutturi importanti kemm f’Malta kif ukoll fuq livell Ewropew li żgur li se jkunu ta’ ġid għall-Università.
Nirringrazzja lill-Pro-Kanċillier uxxenti, l-Avukat Michael Sciriha, li serva b’mod impekkabbli għal seba’ snin f’din il-kariga u m’għandix dubju li l-Avukat Sciriha se jkompli jikkontribwixxi għall-avvanz tal-Università ta’ Malta.
+++
Kif għidt, l-entitajiet kollha għaddejjin b’ħidma kbira, u mhux biss f’dan il-perjodu li ninsabu fih, jiġifieri l-isfidi li ġabet magħha l-COVID-19.
Nieħu eżempju tal-Jobsplus. Sabiex jipproteġi lill-ħaddiema u l-familji tagħhom mill-COVID-19, il-Gvern ħareġ diversi ċirkularitajiet lill-impjegati tiegħu fis-settur pubbliku kollu b’direzzjoni biex il-kapijiet japprovaw telework lil kull min jitlob u jista’ jagħmel xogħlu b’dan il-mod. Dan kollu seta’ jsir grazzi għall-investiment kbir li għamel dan il-Gvern fit-teknololoġija tal-informatika biex ikunu jistgħu jibqgħu jingħataw servizzi li huma kruċjali għall-benesseri tan-nies.
Il-maniġment u kważi l-ħaddiema kollha tal-Jobsplus qed jagħmlu xogħolhom permezz tat-telework.
Kull sfida tippreżentalek ukoll opportunitajiet ġodda. Allavolja din kienet esperjenza ġdida għal ħafna mill-maniġment u l-ħaddiema tal-Jobsplus, dawn laqgħu l-isfida bi ħġarhom u urewna biċ-ċar li f’dan il-mument tant kruċjali, komplew jagħtu is-servizz liċ-ċittadini tagħna b’mod sħiħ u effettiv permess ta’ mezzi elettroniċi u proċessi ġodda u simplifikati.
Biex stajna nipprovdu din il-faċilità lil ħaddiema tal-Jobsplus, rajna ukoll li l-ħaddiema jkollhom il-mezzi kollha biex jaħdmu mid-dar.
Apparti dan, ġew kreati wkoll sensiela ta’ video guides, li juru pass pass kif wieħed jista’ japplika għal ċertu servizzi, pereżempju kif wieħed iniżżel id-dokument tal-Employment History, u kif wieħed jista’ jirregistra għax-xogħol b’mod faċli u sigur mill-kumdità ta’ daru. Dawn il-video guides komplew jiffaċilitaw l-ħajja ta’ dawk li jsibuha daqsxejn iktar difficli sabiex juzaw mezzi elettroniċi.
Dan il-pass ‘il quddiem min naħa tal-Jobsplus, qiegħed jintlaqa’ wkoll tajjeb miċ-ċittaddini li f’dawn l-aħħar ftit ġimgħat urew interess qawwi, w’saħansitra l-użu tal-mezzi virtwali żdied b’aktar minn 40% meta mqabbel max-xhur preċedenti.
Jobsplus nediet ukoll l-faċilità li t-taħriġ li toffri, tkompli toffrih b’mod virtwali permezz ta’ live webinars. S’issa hemm kważi 600 persuna li qed tibbenifika minn dan it taħriġ b’xejn li jvarja minn korsijiet vokazzjonali ta’ care work mat-tfal u l-anzjani, food handling, korsijiet ta’ taħriġ bażiku fil-lingwi, business accounting u oħrajn. Fiż-żmien li ġej se jkomplu jiżdiedu numru ta’ korsijiet oħra f’aktar oqsma.
Ċertament li dan kien possibbli biss grazzi għall-impenn u kooperazzjoni sħiħa tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku li kienu kapaċi jaddattaw ruħhom għal din ir-realtà ġdida u li laqgħu din l-isfida sabiex dan il-għan intlaħaq fi ftit ġranet.
F’dawn il-jiem diffiċli Jobsplus b’ħidma konsistenzi u mingħajr ħafna daqq ta’ trombi kompliet ukoll toffri sapport lill-klijenti speċjali dawk li l-aktar li ntlaqtu b’mod negattiv mill-impatt tal-COVID-19. Nirrangrazzja lil ħaddiema kollha kemm dawk ibbażati f’Malta, ukoll dawk li jagħtu s-sehem tagħhom mill-gzira għawdxija li komplew jaqdu dmirijiethom b’mod effiċjenti għal benefiċċju tal-klijenti kollha.