Carmel Cacopardo | Il-qerda tal-futur
Jekk l-umanità tibqa’ għaddejja bil-pass tal-lum hemm il-periklu li neqirdu l-futur, anke qabel ma jirnexxielna nifhmu biżżejjed ir-riskji li qed noħolqu
Il-bniedem għaddej bi gwerra kontra n-natura. Ikun għaqli li jibda jfittex mod kif jagħmel paċi, malajr kemm jista’ jkun!
Dan kien il-messaġġ ta’ António Guterres, Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, f’diskors li għamel f’Columbia University iktar kmieni din il-ġimgħa.
António Guterres qal: “L-umanità għaddejja bi gwerra kontra n-natura. Dan hu suwiċidali. In-natura dejjem tirritalja – kif diġà qed tagħmel b’qawwa u rabja kbira. Il-biodiversità qed tikkollassa. Miljun speċi huma f’riskju li jkunu estinti. Ekosistemi qed jisparixxu quddiem għajnejna.”
Jekk l-umanità tibqa’ għaddejja bil-pass tal-lum hemm il-periklu li neqirdu l-futur, anke qabel ma jirnexxielna nifhmu biżżejjed ir-riskji li qed noħolqu kontinwament.
Dawn l-aħħar għaxar snin kienu fost l-iktar snin li għamlet sħana fl-istorja umana.
Uħud qed iħarsu lejn dak li jistgħu jiggwadanjaw fl-immedjat, imma fl-istess ħin qed jinjoraw it-telf li ser insofru fuq tul ta’ żmien. Anke kieku l-wegħdiet kollha li saru fis-Summit Klimatiku ta’ Parigi fl-2015 ikunu onorati, xorta jkun għad baqa’ xi jsir biex nilħqu l-oġġettivi minimi: jiġifieri li ż-żieda fit-temperatura medja globali tkun inqas minn 2 gradi Celsius, u preferibilment tkun l-iktar viċin possibli ta’ 1.5 gradi Celsius għola mit-temperaturi ta’ qabel ma bdiet l-era industrijali. Żieda għola minn 2 gradi Celsius tkun tfisser kastrofi klimatiku irriversibbli.
Il-bidla fil-klima hi r-reżistenza tan-natura, resistenza b’qawwa għat-tibdil li qed nimponu fuqha. Din ir-resistenza tad-dinja qed isseħħ f’kull parti tad-dinja. F’partijiet hemm nixfa kbira, f’oħrajn għargħar. Qed tiżviluppa ħerba kullimkien. L-intensità u l-frekwenza tal-maltemp qiegħed jiżdied u dan minħabba li l-impatti kumulattivi tal-azzjonijiet tagħna dejjem jiżdiedu.
Man-natura ma tistax tinnegozja. Dak li tesiġi mingħandna hu ċar u sempliċi: li nċedu l-armi u nibdlu l-imġieba tagħna kompletament. In-natura tista’ tkun sieħba leali imma jekk tittrasforma ruħha f’għadu tagħna kapaċi tkun qalila ħafna u dan kif turina kontinwament bil-bidla fil-klima.
Għaddew 48 sena ta’ ħafna ħidma minn meta nħatru l-ewwel Ministri għall-Ambjent bħala riżultat tal-ħidma tal-komunità internazzjonali fil-Konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar l-Ambjent Uman li kienet saret fi Stokkolma f’Ġunju 1972. Tul is-snin sar il-progress imma għadna ħafna lura biex jitwettaq dak li hu meħtieġ.
Bosta qed jirrejalizzaw li, wara kollox, dinja waħda għandna, u jeħtieġ li nieħdu ħsiebha sewwa! Għaddew 34 sena minn meta r-rapport Brundtland dwar l-iżvilupp u l-ambjent poġġa l-iżvilupp sostenibbli fuq l-agenda internazzjonali. Għalkemm l-iżvilupp sostenibbli hu uffiċjalment aċċettat bħala oġġettiv importanti tal-politika xorta hu soġġett għal ħafna ginnastika mentali meta jkun ikkunsidrati d-deċiżjonijiet ta’ kuljum, tant meħtieġa biex jonqsu l-impatti ta’ theddida għall-futur tagħna lkoll.
L-ispirtu tas-Summit ta’ Pariġi tal-2015 iħeġġiġna għal azzjoni urġenti, imma wara ħames snin, ħlief tkaxkir tas-saqajn m’hawnx. Ilkoll konxji li b’miżuri nofs leħja m’aħna ser insolvu xejn.
Ma nistgħux nibqgħu nipposponu d-deċiżjoni dwar meta ser tieqaf l-importazzjoni u eventwalment il-bejgħ ta’ karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-dijżil għall-użu fit-toroq Maltin. Id-deċiżjoni mħabbra f’Settembru 2017 qed iddum wisq biex tkun implimentata. Dan iwassal biex naħsbu illi dawk li qed jirreżistu l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni qegħdin minn fuq.
L-elettrifikazzjoni tat-toroq tagħna hu pass importanti li jeħtieġ li jkun implimentat illum qabel għada jekk irridu nibdew it-triq tal-newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju bis-serjetà. Imma miżura bħal din trid tkun akkumpanjata minn tnaqqis fin-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna wkoll, pass li jista’ jitwettaq bla diffikulta minħabba d-distanzi qosra li nivvjaġġaw f’dan il-pajjiż.
Niftakru li l-Pjan Nazzjonali għat-Trasport għall-Gżejjer Maltin jispjega kif nofs il-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi privati tagħna huma għal distanzi qosra li dwarhom ma għandu jkun hemm l-ebda diffikulta li nuzaw mezzi alternattivi ta’ transport. Dan ifisser li bit-tibdil meħtieġ, fil-kaz tagħna, jistgħu jweġġgħu inqas nies, anke fl-immedjat.
Imma biex dan ikun jista’ jseħħ għandna nindirizzaw il-kontradizzjonijiet. It-tnaqqis fil-karozzi jkun iktar diffiċli biex jintlaħaq kemm-il darba ma nibqgħux għaddejjin bi programmi massiċċi ta’ iktar proġetti ta’ toroq ġodda: dawn huma kalamita għal iżjed karozzi fit-toroq. Anke l-mina proposta bejn Malta u Għawdex hi problematika f’dan is-sens. Il-vijabilità ekonomika tagħha hi dipendenti fuq numru kbir ta’ karozzi li jagħmlu użu minnha: dan imur kontra l-konklużjonijiet tas-Summit ta’ Pariġi!
Ir-riskju li neqirdu l-futur qiegħed magħna. Lin-natura mhux ser jirnexxielna ngħadduha biż-żmien. S’issa ma tidhirx li ġiet impressjonata b’dak li għamilna għax baqgħet għaddejja teqred kull ma issib. Ma tantx baqa’ żmien biex nibdlu t-triq.