Carmel Cacopardo | Top-up Kostituzzjonali: defiċit demokratiku

Qed jiżdiedu l-ostakli żejda u artifiċjali li jikkumplikaw u jxekklu l-ħidma politika tal-partiti ż-żgħar.  Dan kollu, imma, jkompli jikxef xi kwalità ta’ “kredenzjali demokratiċi” għandu l-Gvern

Iktar kmieni din il-ġimgħa, l-Parlament beda jiddiskuti l-abbozz ta’ Liġi numru 119 bi proposti għal emendi kostituzzjonali intenzjonati  “sabiex jiżgura ugwaljanza de facto bejn in-nisa u l-irgiel fil-politika”.  Għan li bla dubju jaqbel miegħu kull politiku progressiv. Imma sfortunatament, biex jindirizza l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politika l-abbozz ta’ Liġi 119 joħloq problema oħra: jimxi b’mod diskriminatorju. Jiddiskrimina kontra l-partiti ż-żgħar billi jeskludihom kompletament.

L-abbozz ta’ Liġi numru 119 għandu l-iskop li jżid in-numru ta’ membri tal-Parlament b’mhux iktar minn  tnax-il membru addizzjonali. Dan hu propost li jsir billi jkunu identifikati l-kandidati mhux eletti mill-ġeneru minoritarju meta jkun wasal fi tmiemu l-proċess tal-elezzjoni ġenerali.  Il-ġeneru minoritarju hu dak li jkun rappreżentat b’inqas minn 40 fil-mija tal-membri parlamentari eletti.

Il-klawsola numru 3 tal-abbozz numru 119 mill-ewwel jibda fuq sieq ħażina. Jipprovdi li dawn l-emendi għandhom jkunu applikati  f’dawk l-elezzjonijiet ġenerali fejn ikunu eletti kandidati minn żewġ partiti biss

Il-kliem użat jixbaħ ħafna dak li kien użat fl-emendi Kostituzzjonali tal-1987 dwar il-maġġoranza u l-proporzjonalità li ġew irfinati fis-snin ta’ wara. Anke dakinhar is-soluzzjoni kostituzzjonali magħżula kienet  ibbażata fuq id-diskriminazzjoni, favur iż-żewġ partiti l-kbar u bl-esklużjoni tal-bqija. 

L-abbozz 119 jipprovdi li ż-żewġ partiti jaqsmu bejniethom is-siġġijiet parlamentari miżjuda:  bejn il-partit b’maġġoranza assoluta jew il-partit b’maġġoranza relattiva u l-partit b’minoranza fil-Parlament.

Kif ġie spjegat diversi drabi, l-emenda kostituzzjonali dwar il-proporzjonalità, filwaqt li assigurat tmexxija mill-maġġoranza, fl-istess ħin ħolqot deficit demokratiku fil-Kostituzzjoni tagħna u dan billi ma tistax titħaddem jekk fil-Parlament ikunu eletti iktar minn żewġ partiti politiċi.  L-emendi dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri hi prattikament identika.  Id-deficit demokratiku, minflok ma qiegħed jkun indirizzat, ser imur għall-agħar.

Il-jum li fih it-tielet partit jasal il-Parliament bil-ħila tiegħu mhux qiegħed il-bogħod. Meta jasal, imbagħad, f’dawn iċ-ċirkustanzi jkun inevitabbli li tfaqqa’ kriżi kostituzzjonali ħtija ta’ emendi kostituzzjonali difettużi.  Dan l-iżball bażiku qed jiġi repetut fl-emendi kostituzzjonali li l-Parlament qed jikkunsidra bħalissa.

Kont sorpriż li waqt id-dibattitu Parlamentari ta’ din il-ġimgħa il-membru parlamentari tal-Oppożizzjoni Herman Schiavone ta’ avviż li ser jippreżenta emendi għal dan l-abbozz dwar il-bilanċ tal-ġeneru biex ikun indirizzat il-punt li japplikaw biss għal żewġ partiti.  L-emendi li tkellem dwarhom huma pass tajjeb il-quddiem, imma fil-fehma tiegħi mhux biżżejjed billi ma jindirizzawx dak li faċilment jinqala’ meta l-emendi kostituzzjonali jkunu applikati.  Ovvjament tul id-dibattitu nittama li jesploraw aħjar dak li ntqal u ġie propost u forsi jiġu identifikati xi soluzzjonijiet. 

Anke l-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament tkellem u emfasizza li hu ħażin li l-emendi proposti ma jieħdux konsiderazzjoni tal-partiti ż-żgħar. Dan possibilment jindika bidla fl-istrateġija politika tal-PN dwar il-kannibalizzazzjoni ta’ partiti li jindikaw il-potenzjal ta’ futur fil-Parlament. Pożizzjoni li kienet reżistita minn bosta tul is-snin.

Meta l-proposta għall-emendi kostituzzjonali biex tkun indirizzata l-problema ta’ żbilanċ fir-rapprżentanza tal-ġeneri differenti fil-politika kienet ippubblikata għall-konsultazzjoni pubblika, sena ilu, l-Alternattiva Demokratika kienet ipparteċipat u ippubblikat l-ideat tagħha dwar il-materja b’suggerimenti dwar x’għandu jsir.  Is-sistema elettorali tagħna ma jistax ikun li tibqa’ tiġi mraqqa’. Hu meħtieġ li nħarsu lejha fit-totalità tagħha u jkunu indirizzati sewwa u b’mod ekwu kemm il-proporzjonalità kif ukoll ir-rappresentanza tal-ġeneru. Soluzzjoni li għandha tkun ikkunsidrata bis-serjetà hi l-użu tal-listi tal-partiti fl-elezzjonijiet, liema listi jkunu ibbilanċjati a bażi tal-ġeneru. Dan il-metodu hu diġa użat b’suċċess f’diversi pajjiżi. 

Ma rċevejniex reazzjoni għall-proposti tagħna. Il-Kummissjoni inkarigata biex teżamina soluzzjonijiet għan-nuqqas ta’ rappreżentanza tal-ġeneru ma ltaqgħetx magħna biex tesplora soluzzjonijiet differenti minn dawk proposti minnha.  Sfortunatament il-Kummissjoni ikkundizzjonat ruħha minn sistema ta’ żewġ partiti dominanti u kkonkludiet xogħolha b’soluzzjoni li ssaħħaħ, flok ma tindirizza, d-defiċit demokratiku li diġa hemm fil-Kostituzzjoni. 

Dawn l-ostakli jagħmlu ħajjitna iktar diffiċli. Qed jiżdiedu l-ostakli żejda u artifiċjali li jikkumplikaw u jxekklu l-ħidma politika tal-partiti ż-żgħar.  Dan kollu, imma, jkompli jikxef xi kwalità ta’ “kredenzjali demokratiċi” għandu l-Gvern u l-konsulenti tiegħu.

More in Politika