Stefan Zrinzo Azzopardi | Għaddiet sena. Irridu noħorġu aktar b’saħħitna

Ma nistgħux nieqfu nappellaw lil kulħadd biex kollha kemm aħna nerfgħu ir-responsabbilta tagħna u nobdu d-direttivi u l-miżuri kollha li qed jagħtuna l-awtoritajiet tas-saħħa.

Sena ilu qomna għall-aħbar li f’pajjiżna feġġ l-ewwel każ ta’ Coronavirus meta kien diġa beda jħalli impatt ikraħ fl-Ewropa u fil-kumplament tad-dinja. Ftit jew xejn għaddielna minn moħħna dakinhar li se tgħaddi sena u nkunu għadna fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha llum. Fi ftit ġimgħat wara li bdiet l-imxija sena ilu, l-Organiżazzjoni Dinjija tas-Saħħa kienet iddikjarat li d-dinja qed tħabbat wiċċha ma’ pandemija.

Niftakru fl-inċertezza li ħolqot il-pandemija fid-djar tagħna fl-ewwel ġimgħat ta’ Marzu tas-sena l-oħra. Il-Maltin u l-Għawdxin afdaw f’idejn l-awtoritajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna biex imexxuna f’dan it-traġitt u hekk kif kienu daħlu l-ewwel miżuri restrittivi, ħafna familji sabu ruħhom maqfulin fid-djarhom kemm minħabba l-fatt li ngħalqu l-iskejjel kif ukoll għaliex eluf ta’ impjegati bdew jaħdmu mid-djar tagħhom stess. 

Ħadd dakinhar ma kien ibassar kemm kienet se tkun qalila din il-pandemija. Hekk kif l-imxija bdiet tħalli l-imwiet bil-mijiet f’kull rokna tad-dinja, il-miżuri restrittivi bdew jiżdiedu kullimkien. Gvernijiet bdew iwieġbu, għall-ewwel b’mod unilaterali b’miżuri drastiċi. Bdew jingħalqu l-fruntieri anke bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li wieħed mill-prinċipji fundamentali tagħha huwa l-moviment ħieles tal-persuni. Kien hemm pajjiżi li saħansitra bdew jillimitaw jew iwaqqfu l-esportazzjoni ta’ provisti mediċi importanti bi vjolazzjoni sħiħa tas-Suq Waħdieni Ewropew.

Kien f’dak il-mument li l-Unjoni Ewropea irreaġixxiet għar-realiżazzjoni li din kienet bħal gwerra li l-istati membri kollha kellhom jiġġelduha flimkien u mill-ewwel beda sforz kollettiv, anke b’ħidma kbira minn Malta, biex ix-xiri u t-tqassim tal-provisti mediċi jsir b’mod organiżżat bil-għan li dawn il-provisti u anke l-provista tal-ikel jilħqu kull rokna ta’ kull stat membru tal-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea kompliet tagħmilha faċli lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jieħdu l-azzjonijiet li kienu meħtieġa malajr biex anke jtaffu d-daqqa ekonomiku kbira li kull settur tal-ekonomija kien qed jaqla’ minħabba l-pandemija. Regolamenti stretti dwar għajnuna statali u d-defiċit fil-budgets tal-Istati Membri bdew jippermettu dawn il-miżuri ekonomiċi drastiċi biex kulħadd seta’ jgħin kemm jista’ biex ir-rota ekonomika tibqa’ ddur. F’Malta, dawn il-miżuri ttieħdu wkoll u llum b’sodisfazzjoni ninnutaw li bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri rnexxielna nsalvaw eluf ta’ impjiegi filwaqt li ġew mgħejjuna eluf ta’ negozji.

L-Unjoni Ewropea mbagħad nediet ukoll l-istrateġija tagħha dwar il-vaċċin bil-għan li kull stat membru jkollu aċċess ekwu u affordabbli għat-tilqima kontra l-Covid-19. B’mod ko-ordinat il-Kummissjoni Ewropea ħadmet biex tiżgura li fl-Ewropa kollha il-vaċċin jilħaq l-ewwel lil dawk l-aktar vulnerabbli u l-front liners fil-battalja kontra l-imxija.

Fuq livell Ewropew ukoll, il-Kummissjoni Ewropea ħolqot b’emerġenza fond speċjali msejjaħ Next Generation EU bi strument ta’ €750 biljun li għandhom l-għan li jgħinu lill-istati membri jirkupraw mill-ħsara ekonomika u soċjali kbira li qed iġġib magħha l-pandemija. Dan il-fond, li minnu Malta se tibbenefika wkoll b’għotjiet ta’ aktar minn €300 miljun, se jgħin biex l-istati membri jingħataw appoġġ favur il-miżuri ta’ rkupru ekonomiku u finanzjarju tagħhom. 

Bħala pajjiż irridu nuru solidarjeta ma’ dawk kollha li sofrew it-telfa tal-għeżież tagħhom f’din il-pandemija. U huwa għalhekk li ma nistgħux nieqfu nappellaw lil kulħadd biex kollha kemm aħna nerfgħu ir-responsabbilta tagħna u nobdu d-direttivi u l-miżuri kollha li qed jagħtuna l-awtoritajiet tas-saħħa. Jeħtieġ ma nerħux mill-osservanza tagħna ta’ dawn il-miżuri f’dan il-mument kruċjali fejn issa qed noqorbu biex ikollna parti sostanzjali mill-popolazzjoni tagħna imlaqqma kontra dan virus. Irridu nibqgħu nagħmlu s-sagrifiċċji mitluba minnha għal ftit taż-żmien ieħor biex negħlbu wkoll lill-varjant ta’ dan il-virus li qed jgħolli rasu fl-Ewropa kollha u jkompli jxerred il-mard.

Il-battalja kontra l-Covid-19 għadha għaddejja imma bl-għajnuna ta’ kulħadd ma ndumux ma nibdew naraw ir-riżultati li lkoll nixtiequ, dik li jonqsu sew in-numri ta’ infezzjonijiet ġodda, tonqos il-pressjoni fuq l-isptarijiet tagħna u bil-mod nerġgħu lura għall-ħajja normali tagħna. Bil-koperazzjoni ta’ kulħadd, aħna lkoll nerġgħu nirbħu saħħitna u naqbdu mill-ġdid it-triq ‘il quddiem.

 

More in Politika