Rodrick Zerafa | Immorru lura ftit tas-snin?
'Dan il-Gvern kellu bosta nuqqasijiet, iżda żgur ma nistax nikkwalifika dan is-settur bħala wieħed minnhom. U dan mhux qed ngħidu jien biss imma qed jgħiduh in-negozji u l-pubbliku inġenerali' - Rodrick Zerafa
Tridu nmorru lura ftit tas-snin u niftakru daqsxejn l-istat li kien fih pajjiżna fejn jidħlu toroq u infrastruttura? Mhux qed nirreferi għal xi diċenji iżda għal ftit tas-snin ilu biss.
Tiftakru meta konna ngħidu ‘Qisek miexi fuq il-qamar’ meta tkun miexi fuq xi triq li l-aħħar li tkun rat ftit tarmac, Alla biss jaf?
Dak kien żmien ieħor, għaliex illum qed ngħixu f’realta’ kompletament differenti. Inkun qed nonqos jekk ngħid li kollox huwa ward u żgħar u Malta u Għawdex kollha għandhom infrastruttura denja, iżda wisq aktar inkun qed inqarraq jekk ngħid li fl-aħħar 4 snin ma rajnix bidla radikali fejn jidħol dan is-settur.
Il-wegħda tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017 kienet waħda ċara u fuq kollox ‘costed’. F’seba’ snin, b’investiment ta’ €700 miljun Gvern Laburista wiegħed li jagħmel it-toroq kollha ta’ pajjiżna, dan wara li għal snin sħaħ tħallew f’abbandun totali mingħajr biss ħadd indenja jagħmel xi tip ta’ manutenzjoni. Iżda, l-isbaħ hija li Gvern preċedenti ġieli prova jitfa’ t-tort fuq il-Kunsilli Lokali. Issa jekk irridu nkunu realistiċi nafu li fl-ebda ħin l-Kunsilli Lokali ta’ pajjiżna ma setgħu jagħmlu dawn it-toroq minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi li kellhom, iżda għal darboħra l-Partit Nazzjonalista prova jerġa’ jgħaddi lill-poplu Malti u Għawdxi minn għajn il-labra!
Personalment, nemmen li t-twaqqif tal-aġenzija Infrastructure Malta taħt it-tmexxija tal-Ministru Ian Borg u l-Kap Eżekuttiv Fredrick Azzopardi, kien il-game changer. Ngħid għalija li għandi 26 sena, dawn l-aħħar tliet snin kienu l-ewwel darba li qatt rajt Gvern f’pajjiżi li beda jagħti impetu qawwi u b’saħħtu lil dan is-settur importanti fil-ħidma tal-Gvern, b’mod speċjali meta kellek ekonomija ta’ pajjiż li bdiet tikber b’rata mgħaġġla ħafna tant li anke prospetti minn istituzzjonijiet Ewropej u ta’ aġenziji ta’ kreditu baqgħu juru b’mod kostanti t-tkabbir li Malta se tkun qed tara.
U la qed nitkellem fuq l-infrastruttura ma nistax ovvjament ma nsemmix l-inawgurazzjoni tal-akbar proġett infrastrutturali li għadna kemm rajna. Proġett li biddel id-dinamika kollha tal-ivjaġġar f’pajjiżna Rodrick Zerafa
B’hekk ngħid li dan kien il-pass naturali jekk vera ridna naraw pajjiż li jkun kompetitur denju ma’ pajjiżi Ewropej oħra.
Iżda, tafu x’ jimpressjonani? Kif il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni jibqa’ jipprova jagħti x’jifhem li x-xogħol infrastrutturali li qed isir jew mhux bżonnjuż jew inkella mhux tajjeb. Kif tista’ tgħid dan f’wiċċ in-nies meta kulħadd b’għajnejh qed jara kif f’inqas minn sentjen u nofs li twieldet din l-aġenzija saru aktar minn 500 triq, bejn dawk residenzjali u rurali? Allura mhux ta’ b’xejn li jissejjħu negattivi għax waqt li qed jipprovaw jippriedkaw mod, il-fatti qed juru mod ieħor. Staqsu lis-Sindki u Kunsilli Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista jekk Infrastructure Malta tatomx nifs u għamlitx differenza għal aħjar fil-lokalita’ tagħhom.
U la qed nitkellem fuq l-infrastruttura ma nistax ovvjament ma nsemmix l-inawgurazzjoni tal-akbar proġett infrastrutturali li għadna kemm rajna. Proġett li biddel id-dinamika kollha tal-ivjaġġar f’pajjiżna b’mod speċjali għal dawk li joqgħodu fin-Nofsinhar ta’ Malta. Ara jmurx xi ħadd jgħid lil dawn ir-residenti ta’ din iż-żona ta’ pajjiżna li dan huwa proġett ħażin jew inkella ma kinx hemm bżonnu ħalli tisma’ r-risposta tagħhom!
Kien hemm minn prova jirredikola dan il-proġett u sejjaħlu l-Junctions tal-ispagetthi, imma lanqas inħoss li għandi biss għalfejn nipprova nirreaġixxi għax in-nies, Laburisti, Nazzjonalisti u anke minn lanqas biss jimpurtah mill-politika, fil-kwiet ta’ daru jgħidlek dan kien il-proġett li bidlilna ħajjitna.
Dan il-Gvern kellu bosta nuqqasijiet, iżda żgur ma nistax nikkwalifika dan is-settur bħala wieħed minnhom. U dan mhux qed ngħidu jien biss imma qed jgħiduh in-negozji u l-pubbliku inġenerali li kulħadd qiegħed jirrikonoxxi l-impenn qawwi ta’ dan il-Gvern li żam kelmtu u qed jofri toroq aħjar.
Ħafna jgħidu l-paraguni huma odjużi, iżda jkun nuqqas ukoll jekk ninsew minn fejn tlaqna u ma niftakrux x’konna naraw fit-toroq ta’ pajjiżna sa ftit tas-snin ilu. Il-paragun bejn ilbieraħ u llum jitkellem waħdu!