Peppi Azzopardi | Bernard Grech għandu jaqbad flight illejla
Ikteb elf ittra jekk hemm bżonn u għamilha ċara li minħabba żewg pajjiżi, il-ħaddiema f’Malta ma jistgħux jitilfu x-xogħol. Issa please. Spalla ma’ spalla mal-Ministru Clyde Caruana!
Jekk pajjiżna jkun fuq il-lista l-griża tal-FATF jistgħu jintilfu eluf ta’ mpjiegi. L-Amerika u l-Ġermanja qed jinsistu li nkunu fuq din il-lista kerha. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kiteb lill-FATF. Għamel sew. Imma x’ħin rajt x’kiteb telgħetli għoqla fi griżmejja. Assigurhom li meta l-PN ikun fil-Gvern se jkun qed jara li pajjiżna jerġa’ jġib lura r-reputazzjoni li darba kellu. Tajjeb. Imma meta? Għax anke jekk il-PN jirbaħ l-elezzjoni li jmiss ikun tard wisq. Il-lista l-griża se tinżel fuqna dan ix-xahar. Ġunju.
Skużani Dr. Bernard Grech imma fuq din assolutament ma naqbilx. Iva, għandek raġun tgħid li din il-lista l-griża ġiet fuqna għax kellna l-iktar Gvern korrott fl-istorja ta’ Malta, imma sorry ta, li għandek tagħmel huwa li taqbad ajruplan lejn il-Ġermanja u wara lejn l-Amerika u tmur titkellem u tinsisti li ma nkunux fuq il-lista l-griża. Issa, uza l-kredibbiltà tiegħek, li dejjem tkellimt kontra t-tixħim, is-serq u l-ħasil ta’ flus u għidilhom li l-Gvern Malti ħa azzjoni u se nkomplu nbiddlu kif xieraq. Ikteb elf ittra jekk hemm bżonn u għamilha ċara li minħabba żewg pajjiżi, il-ħaddiema f’Malta ma jistgħux jitilfu x-xogħol. Issa please. Spalla ma’ spalla mal-Ministru Clyde Caruana! Urġenti!
L-artisti mhux se jibqgħu siekta
U l-artisti sewwa jagħmlu. Ilhom dan iż-żmien kollu wieqfa, uħud sabu xogħol ieħor, oħrajn iddejnu biex ikollhom paga u oħrajn sabu lil ommhom jew lin-nannu biex seta’ jkollhom x’jieklu.
Ovvja! Nittama li ma jibqgħux siekta bħala artisti kontra l-inġustizzji, kontra l-moħqrija, kontra l-ħasil tal-flus, kontra l-abbuż tal-poter politiku, kontra t-tixħim, kontra l-qtil ta’ ġurnalista li kienet se tikxifhom, kontra t-tmexxija tal-biża’ fil-ħabs, kontra l-immigranti li ħallejna jegħrqu f’ġieħ il-populiżmu, u aktar. Ħafna artisti ilhom wisq siekta jikkalkulaw kif se jintgħoġbu ma’ kulħadd. Artist li jagħlaq ħalqu u qalbu għal dak li qed jiġri madwaru mhu artist xejn. L-arti titkellem, tipprotesta, twerżaq u tieħu azzjoni.
Eżempju. L-Għanja tal-Poplu. X’ġara? Kif dan l-aħħar kulħadd sieket? Fejnhom is-songs ta’ protesta? Li jinftehmu mhux moħbija fil-kumdità ta’ kliem imgeżwer fil-biża’. Tgħid din is-sena se jkollna xi diska dwar ħutna l-ħabsin, jew niġu nitnejku? Se jkollna xi tislima lill-ġurnalista imqatta’ biċċiet għax kienet se tkompli tikxef?
Eżempju. Inqis lil xi ħadd bħal Alex Vella Gregory bħala artist ta’ veru. Alex għadu kif ħareġ is-song satirika “Prosit Ministru” u tieħu nifs meta fl-aħħar fuq l-istazzjon nazzjonali b’din is-song , f’Serataron, reġgħet feġġet is-satira skomda għall-poter. Satira li għandha tikkritika l-aktar lill-Gvern u kull tentattiv ta’ bilanċ għandu jitqies bħala żbilanċ oxxen.
L-artisti mhux se jibqgħu siekta. Iġri tiġri.
Riedet titgħallaq f’ċella 24
Fejnhom in-nisa li tant iħambqu li n-nisa li jagħmlu abort ma għandhomx jispiċċaw il-ħabs? Fejnhom għal din il-mara tant iddisprata li ppruvat u kwazi irnexxielha titgħallaq fiċ-ċella tagħha numru 24? Fil-ħabs ma hemmx nisa li għamlu l-abort. Hemm dawn in-nisa ttrattati ta’ żibel. X’ipokrezija! Tiddefednu nisa li mhux il-ħabs u tibqgħu siekta għal nisa fil-ħabs. Li tridu tiddefendu lin-nisa hija gidba bil-provi.
Rosianne u l-larinġ
Ha ngħidha kif inħossha. Emmnuni ma nistax nifhem kif Rosianne Cutajar tista’ tkun investigata għax marret iżżur ix-xjuħ u tagħthom erba’ larinġiet ġo borza bir-ritratt tagħha bħala tifkira. Tista’ ma togħġbokx l-affari u tinsisti li bad taste, imma li titlob lill-pulizija tinvestiga, u ejja. X’se tinvestiga? Forsi jekk kienx hemm xi anzjana li kellha tliet laringiet flok erba’ u allura titressaq fuq diskriminazzjoni? Forsi l-Pulizija se tinvestiga jekk il-larinġ kinux ta’ Malta u jekk le titressaq fuq tradiment tas-slogan stupidu “Malta l-ewwel u qabel kollox?’
Sorry imma b’dawn l-esaġerazzjonijiet qed nirrendu l-korruzzjoni bħala xi ħaġa tad-daħk, xi ħaġa frivola. Diġà l-poplu b’mod sfortunat jiġi jitnejjek mill-koruzzjoni. Din it-talba lill-Pulizija biex jinvestigaw ‘l-iskandlu tal-larinġ,’ tkompli tilloppja lin-nies. Għamilli orange juice Ġuż!