
Christine Amaira | Rashom fir-ramel u bwiethom mimlija
'Dan il-Gvern, fi 12-il sena, ma kienx kapaċi jġib settur ekonomiku ġdid ħlief dak tal-ħaddiema barranin. U llum, għal dan, qed iħallas qares il-poplu Malti'

“Tnediet l-istrateġija nazzjonali għall-għaxar snin li ġejjin biex tkompli tonqos ir-rata tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.”
Hekk beda artiklu tal-media Laburista aktar kmieni din il-ġimgħa.
Taqra dik is-sentenza biss, u ma tkunx tgħix f’Malta, taħseb li l-Gvern Malti qed jagħmel suċċess mill-ġlieda kontra l-faqar. Li matul l-aħħar snin irnexxielu jnaqqas il-faqar f’pajjiżna sena wara sena. Li f’Malta m’hawnx min qed jorqod barra jew m’hawnx min qed ikollu jara kif iqanċaċ biex forsi jasal sal-aħħar tax-xahar.
Mhux se nkun traġika. Imma nirrifjuta wkoll li ndeffes rasi fir-ramel.
Ħadt gost naqra li l-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon qal li “jekk int għandek il-faqar, ma tridx taħbi rasek fir-ramel u tgħid li ma jeżistix.”
Imma meta mbagħad komplejt naqra li qal li “rnexxielna dawn l-aħħar għaxar snin nagħmlu improvements kbar,” kelli naqraha darbtejn.
Hu minnu li għandna faxxa żgħira ta’ nies li fl-aħħar 12-il sena saru sinjuri żgħar. Bla dubju ta’ xejn, din hi realtà. Hemm faxxa ta’ nies li llum moħħhom mistrieħ għax bwiethom mimlijin.
Imma r-realtajiet tal-biċċa l-kbira tan-nies huma differenti.
Il-Ministru jidher li rasu, fil-fatt, fir-ramel qiegħda.
Xahar ilu l-YMCA, organizzazzjoni li ilha mwaqqfa f’pajjiżna sa mill-1976 u li tagħti sostenn lil min jispiċċa bla saqaf fuq rasu, qalet li l-persuni ta’ ’l fuq minn 60 sena li marru għandhom għax spiċċaw bla dar irdoppjaw fl-aħħar sentejn.
Jaf il-Ministru li f’pajjiżna għandna tliet persuni li għandhom aktar minn 80 sena li m’għandhomx saqaf fuq rashom?
Jaf li fost dawk li jirrikorru għand il-YMCA għal refuġju, il-maġġoranza mhumiex barranin imma Maltin bħalna? U jaf li r-rata tal-Maltin li qed imorru għand il-YMCA qed tikber minn sena għal sena?
Il-Gvern ta’ Robert Abela jaf li għandu 3,000 persuna li qed jgħixu fil-garaxxijiet? Jaf li għandu 400 persuna li qed jorqdu mal-art jew fuq xi bank barra?
Kuntent bil-fatt li għandu 90,000 persuna li qed jirriskjaw li jaqgħu fil-faqar?
Għall-Gvern dawn huma l-“improvements kbar”?
Jekk irridu nkunu tekniċi u nikkwotaw iċ-ċifri bħalma jħobb jagħmel il-Gvern ta’ Robert Abela, fl-2013, meta skont il-Labour kellna ekonomija staġnata, dawk f’riskju ta’ faqar kienu 15.7%. Illum, meta kull meta jitkellmu l-Ministri qishom recorder – dejjem jirrepetu l-kliem “ekonomija b’saħħitha” – dawk f’riskju ta’ faqar huma 19.8% jew wieħed minn kull ħamsa.
Il-Gvern Laburista, fl-aħħar 12-il sena, kabbar l-ekonomija bl-importazzjoni tal-ħaddiema minn barra.
Il-Maltin qed jagħmlu sagrifiċċji kbar. Il-pajjiż u l-poplu qed iġorru piżijiet li ma kinux lesti għalihom. U dan kollu f’isem “ekonomija b’saħħitha.”
Imma l-ekonomija b’saħħitha ma tiswiex karlin jekk ma jgawdix minnha l-poplu. Għax jekk mhux għall-poplu, għal min hi?
Jidher iżda li apparti s-sagrifiċċji li qed jagħmel il-poplu tagħna biż-żieda qawwija fil-popolazzjoni, qed ikompli jagħmel sagrifiċċji oħra wkoll.
Minkejja l-ħafna ftaħir dwar “ekonomija b’saħħitha,” il-piż tal-għoli tal-ħajja qiegħed kulma jmur jinħass minn ħafna aktar nies. Il-pagi u l-pensjonijiet qed jinxtorbu dejjem aktar meta wieħed iqis il-ħafna żidiet fil-prezzijiet.
Din il-ġimgħa, studju tal-European Foundation for the Improvement of Living and Working Conditions qal li Malta qed tiżżerżaq dejjem aktar ’l isfel fil-klassifika tal-pagi fl-Ewropa. Illum, il-Maltin qed jaqilgħu anqas mill-ħaddiema fil-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Kroazja. Il-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa, li sa ftit tas-snin ilu kienu jaspiraw li jilħquna fil-pagi, illum għaddewna u ħallewna l-art.
Il-familji tagħna, iż-żgħażagħ u l-anzjani qed isibuha diffiċli biex jgħixu l-ħajja li jixtiequ jgħixu. Il-familji qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet finanzjarji meta qed irabbu l-ulied u dan qed iwassal biex aktar persuni jagħżlu li ma jkollhomx tfal.
Iż-żgħażagħ qed isibu diffikultajiet kbar meta jiġu biex jippruvaw jixtru darhom, jew anke saħansitra biex jikru, għax il-prezzijiet huma dejjem aktar inaċċessibbli.
L-anzjani qed ikollhom iqisu kull ċenteżmu li jonfqu waqt li l-affarijiet fuq l-ixkafef qed jogħlew u l-lista ta’ mediċini out of stock jew ta’ kwalità baxxa li joffri l-Gvern qed titwal u allura, qed ikollhom jixtru aktar minn bwiethom. Il-pensjoni tinxtorob waqt li l-ħajja togħla.
Li kieku l-Gvern sema’ mill-Partit Nazzjonalista meta qallu biex jieqaf jintaxxa ż-żieda li jagħti biex jagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja, kull ħaddiem jibqagħlu aktar flus fil-but.
Li kieku sema’ mill-Partit Nazzjonalista meta qallu biex jagħti tax credits lil min iħaddem, kien jgħin biex ma jogħlewx il-prezzijiet u b’hekk jitrażżan l-għoli tal-ħajja.
Li kieku sema’ mill-Partit Nazzjonalista, kien joħloq Fond Nazzjonali biex l-importaturi u l-esportaturi jkollhom appoġġ biex jaffaċċjaw spejjeż u ma jgħaddux il-piż fuq il-konsumatur.
Li kieku sema’ mill-Partit Nazzjonalista, kien ibiddel il-mudell ekonomiku. Imma l-Gvern webbes rasu bil-mudell mibni fuq iż-żieda fil-popolazzjoni.
Dan il-Gvern, fi 12-il sena, ma kienx kapaċi jġib settur ekonomiku ġdid ħlief dak tal-ħaddiema barranin. U llum, għal dan, qed iħallas qares il-poplu Malti.