Editorjal | Fl-għaqda biss hemm is-saħħa!
Is-soċjetà ċivili f'Malta ma tingħaqadx biżżejjed u tibqa' frammentata, mifruda f'ħafna biċċiet differenti li għalkemm għandhom l-istess interess jinsistu li jibqgħu joperaw separatament, anke fuq kwistjonijiet fejn hemm qbil! Din hija problema...
Dan l-aħħar il-kliem 'soċjetà ċivili' saru kważi assoċjati b'mod prattikament u esklussivament ma' Repubblika - għaqda ffurmata fl-aħħar snin, bil-għan ewlieni li tikkampanja biex tfakkar il-memorja u titlob għal ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Fil-fatt Repubblika hija għaqda waħda mill-mijiet li jirrapreżentaw is-soċjetà ċivili u allura dawk in-nies kollha li flimkien għandhom interess politiku, soċjali, ambjentali u aktar li jmur lilhinn mill-interessi purament partiġġjani u elettorali.
L-għaqdiet kollha ambjentali - Flimkien għall-Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, Għawdix, Maya, Birdlife Malta u oħrajn huma parti mis-soċjetà ċivili. Kif huma wkoll il-Moviment Graffitti - grupp ta nies, l-aktar żgħażagħ - voċiferi fuq diversi kwistjonijiet ta' żvilupp, bini, qerda ta' art agrikola u aktar!
Għandek diversi għaqdiet li jirrapreżentaw interessi kulturali u oħrajn reliġjużi u llum - bil-popolarità tal-midja soċjali - għandna gruppi ta' pressjoni li jiġu ffurmati biex permezz tagħhom il-poplu jgħaddi kummenti u juri x'jaħseb dwar proġett, jew żvilupp jew inkella liġi. Għandek gruppi differenti ta' żgħażagħ, inkluż dawk reliġjużi, jew għaqdiet li jimbuttaw kwistjoni waħda partikolari - bħal Relief, favur il-legalizzazzjoni tal-Kannabis!
Ma jistax ikun li l-għaqdiet b'aġenda ambjentali jibqgħu jikkwistinjaw fuq iċ-ċuċati u jibqgħu mifrudin, għax kontrihom hemm lobby magħqud, effettiv u b'saħħtu!
Dawn kollha huma s-soċjetà ċivili u mhux biss dawn hemm posthom, imma dawn huma - kollha kemm huma - parti importanti mid-demokrazija. Għax id-demokrazija mhijiex biss li kull ħames snin immorru nivvutaw, imbagħad min jirbaħ jagħmel li jrid! Imma li nivvutaw u li matul il-ħames snin ikollna soċjetà ċivili li permezz tagħha nistgħu nitkellmu, nikkritikaw, insemmgħu leħinna, nagħmlu proposti, nipprotestaw u aktar!
Iżda jidher ċar li ħafna drabi s-soċjetà ċivili f'Malta ma tingħaqadx biżżejjed u tibqa' frammentata, mifruda f'ħafna biċċiet differenti li għalkemm għandhom l-istess interess jinsistu li jibqgħu joperaw separatament, anke fuq kwistjonijiet fejn hemm qbil! Din hija problema, għax qed tnaqqas mis-saħħa kollettiva li jista' joffri grupp akbar - u allura tnaqqas mis-saħħa ta' dawn l-għaqdiet!
Meta fl-2019 Repubblika niżlet tipprotesta kontra l-Gvern fid-dawl tar-riżenji u arresti , magħha kien hemm ukoll il-Moviment Graffitti - li għandhom aġenda differenti minn Repubblika u probabbilment sfond differenti wkoll, u li forsi b'differenza minn xi membri ta' Repubblika ftit li xejn qatt kellhom rabtiet ma' partit politiku - imma għax kien hemm punt li fuqu qablu ingħaqdu flimkien.
Lura fiż-żmien - mhux wisq - meta l-General Workers Union ħarġet tipprotesta kontra ż-żidiet qawwijin fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-arroganza li biha kien introduċa tali żidiet Gvern Nazzjonalista, niżlu magħha kważi l-unjins kollha tal-pajjiż. Minkejja d-differenzi u minkejja l-aġendi xi kultant opposti, fuq dan il-punt qablu u allura ngħaqdu.
Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa, fejn hemm il-frammentazzjoni hemm id-dgħjufija u minn dik id-dgħjufija jgawdi min irid iżomm jew jieħu l-poter!
Inħarsu ljen l-ambjent! Il-borma tal-ambjent ilha tbaqbaq għal mill-inqas 20 sena - daqshekk ilhom jafu l-politiċi li l-poplu qed taqbiżlu b'dan id-diżrispett u attitudni ta' cowboys lejn l-ambjent! Daqshekk ilhom isiru protesti minn għaqdiet differenti f'okkażjonijiet differenti. Wasal iż-żmien li l-għexieren ta' għaqdiet ambjentali jingħaqdu qaqoċċa u jkunu ponn b'saħħtu kontra aktar qerda tal-ambjent, iktar art li tittiekel u iktar diżrispett lejn l-ambjent urban, fejn irridu ngħixu.
Ara għax is-Sindki Għawdxin ngħaqdu flimkien kontra l-iżvilupp, kemm għamlu aktar ħoss u kemm kienu aktar effettivi! L-istess jeħtieġ isir fuq il-kwistjoni ambjentali b'mod ġenerali, issa li hemm il-ħin kontrina kif jixhed rapport dwar il-klima li ppubblika l-IPCC.
Issa provajna lit-tnejn! Huwa ċar li fuq l-ambjent ir-risposta la qegħda fil-PL u lanqas fil-PN imma f'soċjetà ċivili magħquda, b'saħħitha u b'vuċi waħda
Ma jistax ikun li l-għaqdiet b'aġenda ambjentali jibqgħu jikkwistinjaw fuq iċ-ċuċati u jibqgħu mifrudin, għax kontrihom hemm lobby magħqud, effettiv u b'saħħtu! U ejja noħorġu mill-isterjotip - Huwa fl-interess tal-bidwi, tal-kaċċatur, ta' min iħobb l-għasafar, tar-raħħal, tan-naħħal, ta' min irid jiekol il-prodott Malti, ta' kull min iħobb wirt artna u tant iktar li l-art ma tkomplix tittiekel. Mela kull għaqda u organizzazzjoni li tirrapreżenta lil dawn trid tpoġġi flimkien u tiġġieled flimkien għal dan il-għan!
Dan l-Editorjal jemmen li hemm bżonn li tiġi ffurmata organizzazzjoni waħda - b'kelliema u mexxejja kredibbli, kariżmatiċi u awtonomi minn kull irbit partiġġjan - li filwaqt li tirrispetta l-individwalità u l-aġenda ta' kull għaqda b'mod separat u differenti, tgħaqqadhom flimkien fuq dan il-bżonn li jiġi salvat l-ambjent tagħna! Kull għaqda mhux partiġġjana, kull NGO li għandha interess issemma' leħinha fuq il-bżonn li jkun salvat u anke restawrat u mħares l-ambjent għandha tinsa d-differenzi u tingħaqad wara forza waħda għax fl-għaqda hemm is-saħħa! U s-saħħa tagħtik il-kredibilità fuq il-mejda tan-negozjati!
Hekk biss l-ambjent jista' jittieħed verament bis-serjetà mill-politiċi tagħna - jekk jaraw li hemm l-għaqda u s-saħħa tan-nies u l-voti fuq dan is-suġġett.
Mill-bqija se nibqgħu nzappu minn Gvern għall-ieħor, għat-taparsi b'kuxjenza ambjentali imma fil-verità laqgħqin tal-kuntratturi u li joħolmu b'dinja miksija bil-konkrit!
Issa provajna lit-tnejn! Huwa ċar li fuq l-ambjent ir-risposta la qegħda fil-PL u lanqas fil-PN imma f'soċjetà ċivili magħquda, b'saħħitha u b'vuċi waħda!