Carmel Cacopardo | Il-kontabilità tal-banek għall-ħsara ambjentali
Kull meta l-banek ikunu kompliċi fi ħsara ambjentali u/jew soċjali ikollhom huma wkoll jerfgħu r-responsabbiltà. Mingħajr l-involviment tagħhom, wara kollox, il-ħsara ma isseħħx!
Meta niddibattu l-ħsara ambjentali li qed tiżdied kontinwament madwarna nagħmlu tajjeb li nippuntaw subgħajna lejn ir-regolaturi nkompetenti u lejn ir-regħba tal-hekk imsejħa żviluppaturi. Wasal iż-żmien li ma dawn inżidu l-banek, għax huma l-banek li jiffanzjaw il-proġetti ta’ żvilupp u allura huma jagħmlu din il-ħsara possibli. Anke l-banek, għaldaqstant għandhom l-obbligu li jerfgħu ir-responsabbiltà fuq spallejhom għall-ħsara ambjentali li qed isseħħ: huma qed jiffinanzjawha.
Meta neżaminaw ir-rapporti annwali tal-banek lokali ewlenin hu ċar li dawn huma nteressati biss fil- profitti. Kontinwament taparsi jħossu għall ambjent. Dan jagħmluh biss u esklussivament biex jipproteġu r-reputazzjoni tagħhom.
Il-banek ipinġu lilhom infushom bħala li qegħdin hemm biex ikunu ta’ għajnuna. Regolarment iroxxu ftit flus favur numru ta’ kawżi ġusti. Iżda minkejja din is-sensittività artifiċjali lejn setturi diversi tal-komunità, il-profitt jibqa’ dejjem prijorità fuq il-lejaltà lejn in-nies u lejn il-komunità.
L-attitudni tagħhom lejn proġetti ta’ żvilupp hi indikattiva ta’ dan. Il-banek rarament jindikaw fl-istqarrijiet pubbliċi inkella fir-rapporti tagħhom jekk u kif jagħtu każ ta’ impatti ambjentali u soċjali meta jkunu qed jikkunsidraw li jgħinu biex ikun iffinanzjat xi proġett ta’ żvilupp.
Fl-aħħar rapport annwali tiegħu, per eżempju, l-HSBC jirreferi għal dawk li jissejħu Equator Principles. Dawn l-Equator Principles huma sett ta’ kriterji miftehma fuq skala internazzjonali bejn banek u istituzzjonijiet finanzjarji. Huma qafas regolatorju volontarju dwar kif l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jeżaminaw u jagħtu piz lir-riskji soċjali u ambjentali assoċjati ma’ proġetti li jkunu quddiemhom għall-finanzjament. Jistabilixxu l-kriterji minimi li għandhom ikunu applikati huma u jittieħdu deċiżjonijiet dwar dawn ir-riskji. Fost affarijiet oħra, dawn l-Equator Principles jitkellmu dwar kif il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jiddjalogaw mal-utenti (stakeholders) dwar azzjoni effettiva biex ikunu ndirizzati ir-riskji ambjentali u soċjali minn proġetti li jkunu quddiemhom għall-finanzjament.
L-HSBC, sal-lum, ma ppubblikax rapporti jew xi tip ta’ informazzjoni oħra dwar il-mod prattiku kif il-bank qed japplika dawn il-prinċipji f’Malta. Għad irridu naraw kif il-bank qed jassigura ruħu li r-riskji ambjentali u soċjali ġew identifikati u ndirizzati u speċifikament kif il-klijenti żviluppaturi tal-bank qed jiddjalogaw mal-utenti (stakeholders).
Fir-rapport annwali tal-Bank of Valletta, min-naħa l-oħra, insibu spjegazzjoni tal-miri tal-Ġnus Magħquda dwar l-iżvilupp sostenibbli, deskrizzjoni dwar il-kawżi ġusti appoġġjati mill-bank u rendikont tal-azzjoni mittieħda biex il-friegħi tal-bank ikunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija u joperaw b’mod li ma jagħmlux ħsara ambjentali. Ir-rapport jiddeskrivi ukoll is-servizzi tal-bank biex il-klijenti tiegħu ikollhom aċċess aħjar għal finanzi biex jimplementaw diversi miżuri ambjentali. Ir-rapport tal-BoV ma jagħmel l-ebda referenza għall-Equator Principles jew xi qafas regolatorju alternattiv.
Il-Lombard Bank, min-naħa l-oħra, fl-aħħar rapport annwali tiegħu jemfasizza l-attenzjoni tal-management biex jimminimizza l-impatti ambjentali mill-operazzjonijiet tiegħu. Jgħidilna li hu ukoll jgħin kawżi ġusti! L-anqas il-Lombard Bank ma jirreferi għall- Equator Principles jew xi linji gwida oħra dwar x’għandu jsir biex il-klijenti żviluppaturi jkunu sorveljati aħjar mill-bank.
Fuq livell ta’ Unjoni Ewropeja il-Bank Ċentrali Ewropew għadu kif approva dokument b’linja gwida dwar ir-riskji klimatiċi u ambjentali li hu applikabbli għas-settur bankarju kollu fl-Unjoni minn din is-sena. Primarjament dan id-dokument jirrigwarda ir-riskji klimatiċi.
Il-banek għandhom responsabbiltà li jassiguraw illi meta jiffinanzjaw proġetti ta’ żvilupp, il-finanzi li jipprovdu ma jkunux użati biex issir jew biex tkun aċċelerata ħsara ambentali u/jew soċjali. Meta din il-ħsara ambjentali u/jew soċjali sseħħ, ir-responsabbilta m’għandiex tintrefa biss mill-iżviluppatur u mir-regolaturi imma ukoll mill-bank. Għax anke l-bank għandu jkun kontabbli. Wara kollox hu l-bank permezz tal-finanzjament li jipprovdi li jagħmel l-iżvilupp possibli. Kull meta l-banek ikunu kompliċi fi ħsara ambjentali u/jew soċjali ikollhom huma wkoll jerfgħu r-responsabbiltà. Mingħajr l-involviment tagħhom, wara kollox, il-ħsara ma isseħħx!