Carmel Cacopardo | Inħarsu l-ODZ
F’dawn iċ-ċirkustanzi hu ċar li ma hemm l-ebda futur għal ippjanar raġjonevoli dwar l-użu tal-art sakemm il-politiku jibqa’ jiġbed l-ispag: fid-deher jew fil-moħbi
Kważi kulħadd, illum il-ġurnata jaf li l-ittri ODZ ifissru “outside the development zone”, jiġifieri barra miz-żona tal-iżvilupp. Ir-regoli u r-regolamenti tal-ippjanar diġà jħarsu l-ODZ. Hi l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li għandhom din ir-responsabbiltà.
Kull meta jsiru proposti biex jiżdied il-ħarsien tal-ODZ, ifisser biss li l-miżuri attwali ta’ ħarsien mhux qed jitwettqu sewwa. Fil-prattika jfisser ukoll li l-awtoritajiet maħtura mhux qed jagħmlu xogħolhom u li l-kontrolli fis-seħħ mhux jiffunzjonaw!
L-ippjanar dwar l-użu tal-art hu minnu nnifsu kontroversjali għax jinvolvi għażliet, ħafna drabi għażliet diffiċli. Anke deċiżjonijiet żgħar, ukoll iħallu lill-uħud iddiżappuntati: aħseb u ara deċiżjonijiet maġġuri li jkollhom impatti konsiderevoli fuq bosta. Li tiddetermina n-natura tal-iżvilupp permissibli u l-limiti tiegħu hu mill-iktar kontroversjali. Dan rajnieh iseħħ quddiem għajnejna huma u jkunu fformulati l-pjani lokali ħmistax-il sena ilu u iktar waqt l-implimentazzjoni tagħhom.
Il-pjani lokali jistgħu jkunu wieħed minn żewġ tipi: jistgħu jkunu ċari ħafna u riġidi b’mod li jispeċifikaw eżatt x’għandu jsir bla ebda eċċezzjoni. F’dan il-każ ikun jeħtieg li dawn ikunu aġġornati regolarment biex jirriflettu l-aspettattivi raġjonevoli tal-komunità. Minflok, il-pjani lokali jistgħu jkun flessibli, b’mod li jipprovdu soluzzjonijiet differenti għal ċirkustanzi differenti. F’dan il-każ il-proċess ta’ interpretazzjoni hu wieħed kruċjali: jeħtieġ li jkun wieħed konsistenti.
F’kull każ, dan kollu hu dipendenti fuq li jkollok persuni ta’ integrità li jamministraw l-affarijiet. Tul is-snin id-dibattitu pubbliku żviluppa b’mod li kien hemm qbil li l-politiku għandu joqgħod lura milli jinvolvi ruħu fil-proċess tal-ippjanar. Sfortunatament ma sarx hekk għax il-politiku għażel persuni oħrajn biex jaġixxu f’ismu, imma kontinwament jassigura ruħu li jibqa’ jikkontrolla hu, bir-remote control!
Dawk li jiffurmaw parti mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kienu “persuni ta’ fiduċja” lesti biex jagħmlu li jgħidulhom u dan sfortunatament xejjen l-iskop kollu tar-riformi li saru tul is-snin. Dan rajnieh iseħħ quddiem għajnejna. Fost dawn “il-persuni ta’ integrità” li appuntaw fuq il-bordijiet insibu aġent tal-propjetà, jirreklama żvilupp li għadu ma sarx u li kien għad irid japprova hu. Dan weħel multa sostanzjali dwar ħasil ta’ flus u bħalissa għaddej bi proċeduri kriminali dwar iktar akkużi ta’ ħasil ta’ flus!
Din hi l-vera problema tal-ippjanar fl-użu tal-art f’Malta u tal-ħarsien tal-ODZ: l-għażla ta’ dawk li se mjieħdu d-deċiżjonijiet! Qabel ma din tissolva ser jibqa’ jsir it-tħarbit.
Tul it-tliet snin li għamilt naħdem fl-uffiċċju tal-verifika tal-Awtorità tal-Ippjanar kelli l-opportunità li nifhem dan ferm iktar u dan billi eżaminajt numru mhux żgħir ta’ każijiet.
Il-lobbying favur jew kontra deċiżjoni speċifika tal-ippjanar hi parti integrali mill-proċess kollu. Dan jista’ jagħmel il-ġid jekk ikun dokumentat kif imiss u jkun ikkunsidrat bis-serjetà. Imma jekk l-argumenti jsiru bil-ħabi u bis-segretezza jew bit-tfesfis fil-widnejn, jista’ jwassal għal deċiżjonijiet ħżiena u anke għall-korruzzjoni.
Tul is-snin kellna numru ta’ professjonisti tal-ippjanar li ġew imwarrba għax kienu kompetenti iżżejjed! Ma ġewx imwarrba għal raġunijiet politiċi. Li dawn ġew imwarrba kellu effett doppju: intilfu professjonisti validi imma bihom ingħatat twissija lill-bqija. Xejn ma hemm allura għax niskantaw li l-bqija jimxu mal-kurrent: għax hekk jaqbel!
F’dawn iċ-ċirkustanzi hu ċar li ma hemm l-ebda futur għal ippjanar raġjonevoli dwar l-użu tal-art sakemm il-politiku jibqa’ jiġbed l-ispag: fid-deher jew fil-moħbi. L-irwol tal-politika u tal-politiku hu li jistabbilixxi direzzjoni politika u li jara li jkunu allokati r-riżorsi meħtieġa. L-implimentazzjoni, iżda, għandha titħalla f’idejn min hu mħarreġ biex jagħmel dan ix-xogħol. Dan sfortunatament bħalissa jidher li hu ħolm!