Julia Farrugia Portelli | Impenn sagrosant

Il-kisbiet li għamilna jikkonfermaw l-impenn, jimlewna bil-kuraġġ u jwittulna t-triq tal-ġejjieni, dejjem b’risq il-persuni b’diżabilità kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Impenn sagrosant tabilħaqq

It-tnedija fil-jiem li għaddew tal-istrateġija nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, “Libertà li Tgħix”, ma kinitx espressament il-punt tat-tluq, imma t-tkomplija ta’ proġett li l-Gvern Laburista vara malli tela’ fl-2013 u sostna bil-qawwi mill-2017 ’il hawn. Dan għaliex għalih kien u għadu mpenn sagrosant li jwettaq l-inklużjoni soċjali fuq is-sisien tal-ugwaljanza u l-ġustizzja. Hija strateġija li tiftaħ toroq ġodda lejn ġejjieni saħansitra aqwa billi jnissel fis-soċjetà tagħna l-għarfien tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet li nġorru kollettivament bħala nazzjon li jirrispetta lil kull ċittadin/a bl-istess mod.

“Libertà li Tgħix” hija strateġija li kellha s-sehem ta’ kulħadd – minn stakeholders, aġenziji, għaqdiet volontarji, akkademiċi, professjonisti, awtoritajiet u, fuq kollox, tal-persuni b’diżabilità nfushom u l-familji u sostenituri tagħhom – kemm fit-tiswir tagħha u l-istess se jkollha fit-twettiq tagħha tul id-disa’ snin li ġejjin.

Fuq dak li diġà twettaq u qed jiffunzjona f’rittmu mexxej b’risq il-komunità ta’ persuni b’diżabilità fostna, se tkun qed tinbena pjattaforma soda skont il-konvenzjonijiet u t-trattati internazzjonali u reġjonali li Malta hija kommessa b’konvinzjoni dwarhom, fosthom il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, b’riferenza partikolari għall-prinċipju ewlieni fl-istess konvenzjoni, “Xejn Dwarna, Mingħajrna.”

L-ewwel sinjal bagħtnieh fl-2014 bil-preżentazzjoni tal-Politika Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità bħala l-prekursur għal “Libertà li Tgħix” li fiha jispikkaw 13-il għan, b’kull wieħed marbut ma’ xejn inqas minn 63 ħidma x’titwettaq bi skadenzi dikjarati ta’ żmien.

Biex dan il-proċess ikun segwit mill-qrib u jsir moniteraġġ xieraq tal-ħidma kollha li trid issir, se tkun qed tissawwar Struttura Nazzjonali ta’ Kordinazzjoni. Magħha se jkun hemm ukoll il-ħatra ta’ Forum, b’saħħa legali, li fih se jkun hemm rappreżentati l-għaqdiet u l-entitajiet differenti li nsibu fis-settur tad-Diżabbiltà f’Malta u Għawdex biex ikun hemm armonija u koperazzjoni aħjar fejn jidħlu ċerti aspett tekniċi fil-qasam. Ix-xogħol ta’ dawn iż-żewġ entitajiet se jkun imsaħħaħ minn Kumitat Inter-Ministerjali biex jara li d-deċiżjonijiet tekniċi li jittieħdu jitwettqu fiż-żmien stipulat mill-ministeri u segretarjati parlamentari differenti skont il-portafoll tagħhom.

Ħolqa importanti oħra li toħroġ mill-istrateġija “Libertà li Tgħix” hija l-ħolqien ta’ “ENGAGE”, bis-sehem tas-Soċjetà Ċivili fis-settur tad-Diżabilità u fi ħdan id-Direttorat għal Kwistjonijiet dwar Diżabilità fejn il-persuni b’diżabilità nfushom u l-familji tagħhom ikunu leħen kostanti fost l-akkademiċi, l-għaqdiet volontarji u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tul it-twettiq tal-kontenut kollu tal-istrateġija.

Mhux possibli f’dan l-ispazju ristrett li nidħol fid-dettal tal-għanijiet kollha (13) tal-istrateġija nazzjonali “Libertà li Tgħix”, iżda kollha kemm huma flimkien jiffurmaw it-triq li rridu nimxu lejn id-destinazzjoni komuni li hemm quddiemna – minn riformi u t-twettiq tal-ugwaljanza, aktar riċerka, sensibilizzazzjoni dwar id-Diżabilità u l-ħolqien ta’ aċċessibilità, sa parteċipazzjoni sħiħa f’dawk li huma kultura, divertiment, rikreazzjoni u sport, relazzjonijiet, familja, sesswalità u li tkun ġenitur, tipi differenti ta’ edukazzjoni, kura tas-saħħa, xogħol u mpjiegi, ħajja indipendenti fil-komunità u de-istituzzjonalizzazzjoni, sehem fil-ħajja politika u pubblika, ġestjoni u tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, u sforzi reġjonali u internazzjonali.

Ta’ min isemmi, pereżempju, il-kwistjoni tal-aċċessibilità li huwa bla dubju wieħed mill-aspetti l-aktar fundamentali fil-qafas tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Malta diġà wettqet ħafna, b’mod partikolari fejn jidħol l-ambjent mibni tal-Gżejjer tagħna, permezz ta’ Linji Gwida (imbagħad miktubin f’liġi) li ġew adottati bħala Standard Nazzjonali. Hekk ukoll l-impenn tagħna b’rabta mal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità li jrid  ikun implimentat fis-snin li ġejjin. Dan hu fih innifsu proċess ta’ evoluzzjoni u tirqim kontinwu ta’ kisbiet li diġà saru.

Din il-ħidma trid titwettaq mid-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità flimkien ma’ Transport Malta u t-Taqsima tal-Konformità fi ħdan il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità sabiex ikun hemm l-aċċessibilità kollha meħtieġa fl-infrastruttura tat-toroq u t-trasport ta’ Malta, inklużi t-terminals tal-ajru u tal-baħar, tal-punti tal-imbark, u aċċessibilità tal-bajjiet.

Taħt l-istess kategorija ta’ aċċessibilità hemm diversi oqsma xejn inqas importanti bħall-użu ta’ kotba u materjal ieħor f’formati aċċessibbli f’istituzzjonijiet edukattivi, mogħdijiet assigurati li jagħtu aċċess għal binjiet u l-provista ta’ servizzi fihom, sistemi ta’ trasport siguri, u spazji siguri, inklużivi u aċċessibbli, ekoloġiċi u pubbliċi, b’mod partikolari għal persuni b’diżabilità.

Nifhmu minn dan kollu li t-triq hija twila u ambizzjuża, iżda ċertament mhux li taqtagħlna qalbna. Nemmen li bl-istrateġija nazzjonali “Libertà li Tgħix” qed nagħtu lis-soċjetà Maltija dik l-għodda meħtieġa biex tilħaq l-ogħla livelli possibli ta’ inklużjoni soċjali u ugwaljanza. Is-sigriet tas-suċċess tagħna jinsab fit-twettiq ta’ proġetti u riformi wara konsultazzjoni sħiħa u ġenwina mal-istakeholders kollha fis-settur tad-Diżabilità. Il-ħidma kollettiva li saret tul dawn l-aħħar snin raddet il-frott u għad trid trodd ferm aktar fis-snin li ġejjin.

“Libertà li Tgħix” mhix xi slogan jew wegħda fiergħa li tintesa malajr daqs kemm tintqal. Il-kisbiet li għamilna jikkonfermaw l-impenn, jimlewna bil-kuraġġ u jwittulna t-triq tal-ġejjieni, dejjem b’risq il-persuni b’diżabilità kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Impenn sagrosant tabilħaqq.

More in Politika