Romilda Zarb | L-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż

Romilda Zarb hija Membru Parlamentari tal-Partit Laburista u spiżjara mal-Awtorità dwar il-Mediċini

Il-Parlament huwa l-pedament tad-demokrazija li jservi bħala pjattaforma għad-dibattitu, il-leġiżlazzjoni u r-rappreżentanza tal-interessi taċ-ċittadini. Huwa essenzjali li bħala Membri Parlamentari nżommu attitudni ta’ rispett lejn l-istituzzjoni u l-kollegi membri. Dan jinkludi li naderixxu mar-regoli u nirrispettaw l-awtorità tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, li jiżgura l-funzjoni bla xkiel tal-proċessi parlamentari. L-umiltà hija preġju fil-politika li tippermetti li nisimgħu, nifhmu u naħdmu biex nimplimentaw il-bidliet meħtieġa. L-umiltà tippromovi kultura ta’ kollaborazzjoni u rispett reċiproku li huma essenzjali għal governanza effettiva. B’kuntrast, l-arroganza u n-nuqqas ta’ rispett idgħajfu l-ħidma u legittimità tal-Parlament u potenzjalment jistgħu jnaqqsu l-fiduċja tal-pubbliku fil-proċessi demokratiċi. 

Sfortunatament l-attitudni ta’ diżrispett li esperjenzajna matul din il-leġiżlatura minn uħud mill-esponenti tan-naħa tal-Oppożizzjoni, komplew jeskalaw dawn l-aħħar ġimgħat, b’diskorsi arroganti u li fil-mira ta’ dawn l-attakki din id-darba kien imiss lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Onor. Dr Anġlu Farrugia. Lill-Ispeaker kelli ċ-ċans inkun nafu personalment, bejn għax hu Mosti bħali, iżda fuq kollox matul din il-leġiżlatura kelli ċ-ċans insir nafu fil-ħidma tiegħu f’dan ir-rwol; dak li hu abjad jgħidlu abjad u dak li hu iswed jgħidlu iswed, b’rettezza liema bħalha li tiġi riflessa anki fl-istess rulings li huwa ħareġ. 

Dawn l-avvenimenti riċenti fil-Parlament ta’ Malta, li qed isiru n-norma tal-ħidma tagħna, jenfasizzaw kwistjoni kritika li thedded l-integrità tal-istituzzjonijiet demokratiċi hekk kif jirriflettu nuqqas ta’ rispett lejn il-proċess waqt li wkoll jimminaw is-serjetà tad-diskussjonijiet. Dan it-tip t’aġir minn uħud mill-Membri Parlamentari min-naħa tal-Oppożizzjoni, imġiba li tirrifletti nuqqas t’umiltà u ta’ rispett, iwassal għal diversi konsegwenzi negattivi fosthom tnaqqis fil-fiduċja lejn l-istituzzjonijiet inkluż fiduċja min-naħa tal-elettorat hekk kif imġiba li ma tirrispettax tnaqqas il-fiduċja bejn il-parlamentari, il-Parlament u l-pubbliku. Dan in-nuqqas ta’ fiduċja iwassal biex idgħajjef il-leġittimità tal-istituzzjoni u l-kapaċità tagħha li tirrappreżenta liċ-ċittadini b’mod effettiv.  

U għalhekk kien hemm il-ħtieġa li titressaq din il-mozzjoni li tikkundanna dan l-aġir, sejħa għall-parlamentari kollha biex inżommu d-dinjità tar-rwoli, pass biex jerġa’ jiġi affermat ir-rispett fil-Parlament. B’din il-mozzjoni nkomplu nenfasizzaw dak li aħna nemmnu fih, dwar l-importanza li jinżamm ir-rispett waqt id-dibattiti parlamentari fejn l-ideat jistgħu jiġu diskussi mingħajr attakki personali jew insulti u dwar il-ħtieġa li anka l-mexxejja tal-partiti jeħtieġ li jiżguraw li l-membri tagħhom jaderixxu mal-livell ta’ rispett u ċiviltà lejn din l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż. 

Bħala soċjetà, spiss inħarsu lejn l-istituzzjonijiet tagħna għal gwida u stabbiltà. Din l-attitudni ta’ diżrispett u t’arroganza tirrifletti kwistjoni akbar li tmur lil hinn mill-politika u taffettwa l-valuri tas-soċjetà tagħna kollha kemm hi.  

Personalment bħala omm, ninkwieta dwar l-impatt li mġiba bħal din taf tħalli fuq uliedna u fuq is-soċjetà kollha kemm hi. Din it-tip ta’ mġiba ta’ diżrispett u arroganza li m’għandha tkun aċċettata mkien wisq aktar f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, tagħti eżempju ħażin lis-soċjetà. Tgħallem liċ-ċittadini tagħna li l-attakki personali u l-insulti huma modi aċċettabbli biex jissolvew il-kunflitti jew biex jiġi espress nuqqas ta’ qbil. U hawn l-aktar li ninkwieta għax jekk dan it-tip ta’ aġir jibqa’ jkun in-norma, dan jista’ jwassal għal kultura ta’ nuqqas ta’ rispett u aggressività fl-iskejjel, fil-komunitajiet u fuq il-post tax-xogħol. Barra minn hekk, din it-tip ta’ mġiba tkompli tbiegħed liċ-ċittadini mill-politika hekk kif iġġegħelhom jitilfu l-fiduċja tagħhom fil-politika.  

Bħala omm jiena rrid li wliedi jikbru f’socjetà fejn huma apprezzati; fejn ir-rispett, l-empatija u d-djalogu kostruttiv huma stmati. Ejja naħdmu biex nippruvaw inħallu soċjetà li ma tipprova tintimida u tbeżża’ lil ħadd, f’soċjetà li tagħti ċ-ċans lil kulħadd jgħid tiegħu mingħajr biża’ u b’hekk kulħadd iħossu komdu joħroġ dak li jemmen fih bla problemi.  

Jiena nemmen li bħala membri parlamentari, jeħtieġ li niddibattu dak li ma naqblux fuqu u jeħtieġ li niddiskutu madwar mejda fejn meħtieġ, iżda mhu se nasal qatt naċċetta diżrispett lejn l-ebda individwu. Din il-politika ta’ intimidazzjoni teħtieġ attenzjoni immedjata u vot favur din il-mozzjoni hija pass lejn ir-restawr tar-rispett u tal-ordni fil-Parlament. Madankollu huwa kruċjali li l-partiti politiċi jaħdmu flimkien lil hinn minn dak li esperjenzajna fis-seduti ta’ din il-ġimgħa, fejn l-Oppożizzjoni ddeċidiet li titlaq ’il barra waqt li kienet qed tiġi diskussa l-mozzjoni. Jeħtieġ li l-partiti politiċi jaħdmu flimkien biex niżguraw li l-istituzzjonijiet tagħna jkunu rrispettati u li l-membri parlamentari jagħtu eżempju kif jixraq lis-soċjetà. Din it-turija ta’ professjonalità u rispett hija kruċjali, hekk kif l-imġiba li tintwera tagħti t-ton għal kultura ta’ governanza u l-perċezzjoni li għandhom iċ-ċittadini lejn il-Membri Parlamentari li eleġġew. 

U bħala omm, inħeġġeġ lill-Oppożizzjoni biex verament tirrifletti fuq l-impatt li l-azzjonijiet li qed iwettqu se jkunu qed iħallu fuq il-ġenerazzjonijiet futuri, fuq uliedna u ulied uliedna. Jekk se naħdmu flimkien biex nippromovu r-rispett, l-empatija u d-djalogu kostruttiv fil-Parlament, se nkunu qed naħdmu biex nibnu soċjetà li hija aktar ċivili u li hi impenjata biex tassigura li ħadd m’għandu jkun intimidat milli jwassal il-vuċi tiegħu. B’hekk biss nassiguraw li t-tfal tagħna se jkunu qed jikbru f’mudell pożittiv tar-rwol tat-tmexxija fil-pajjiż. 

More in Politika