Ivan Bartolo | L-Għarbiel

Taħsibhom għadhom honey moon wara 25 sena fl-Oppożizzjoni. Wara tmien snin għadhom fil-venja jikkritikaw biss lil ta’ qabilhom

Gvern Laburista għolla lilu nniffsu u waqa’.   Urina li se jagħmel ħafna .... fil-verità għamel mod ieħor. Inkixef waħdu jew kxifnih!  Għax biex tqassam il-ġid, l-ewwel trid toħolqu. Ċert li l-Housing Soċjali ma kienx fuq l-aġenda tal-laqgħat bejn erba’ ħitan, fir-raba’ sular tal-Mile End.  Għal kuntrarju, it-tower blocks IVA.   

Lista ta’ Stennija  

Qalulna li l-lista ta’ stennija niżlet.  Ma qalux kif niżlet.   Nifhem li jridu jobdu struzzjonijiet minn Kastilja, biex jaħbu kemm jistgħu, il-faqar li żdied.  Disservizz  lejn il-fqar. U ma ndumux ma naqtgħu din il-lista ta’ stennija. 

“Se jkollna aktar appartamenti minn kemm għandna nies fil-waiting list illum il-ġurnata”  qalilna s-Sur Galdes. Imma fil-verità liema appartamenti se jitqassmu ladarba mhumiex lesti? Konferenzi kemm trid ... imma l-binjiet għadhom mhumiex lesti, biex jidħlu fihom in-nies. Staqsejtu kemm-il darba ... meta jgħid allokajt xi postijiet jiġifieri se jtihom ittra li se jkollhom appartament li għadu mhux lest?

Bla dubju skont il-Ministru, aktar appartamenti, minn kemm għandna nies fil-lista ta’ stennija.   TINSEWHIEX DIN. ĊARA  u tonda.  Pero ma ninsewx ukoll kliem il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar fejn qalilna li biex tieħu dar tal-Housing  trid tgħaddi minn GĦARBIEL. F’ kelma waħda qed jagħmluhielek aktar diffiċċli biex tieħu post, li jkollok dritt għalih. Mhux ta’ b’xejn intilfet il-fiduċja fl-Awtorità tad-Djar.    

Tlifna kull fiduċja 

Qalulna li ġrew wara kull ċavetta, fejn innutaw abbuż.  Imma x’ garanzija għandna li ħadu ċ-ċwievet ta’ dawk li tassew ma kienx ħaqqhom.  X’ma tintilifx kull fiduċja fl-isfond ta’ Gvern li ma jeċċellax fit-trasparenza, fil-ġustizzja u fil-governanza t-tajba.   X’ ma tintilifx il-fiduċja, meta hemm lifts li ilhom ix-xhur biex jissewwew, jew hemm bżonn jinbiddlu.  X’ma jaqtgħux qalbhom dawk l-anzjani maqfulin fi djarhom minħabba f’hekk.  Insemmi każ wieħed biss bħala eżempju, dak ta’ Triq il-Mediterran fil-Belt Valletta.   X’ma tintilifx il-fiduċja meta il-grands jiżdiedu aktar mill-kwota, għal min iridu huma.  X’ma tintilifx il-fiduċja meta t-tniġġis, il-ħmieġ u problemi ambjentali huma l-aktar problemi komuni ta’ akkomodazzjoni. It-tieni problema tinvolvi l-istorbju mill-ġirien jew mit-triq, li kien esperjenzat minn 31% tad-djar kollha. 700 familja li tgħix f’akkomodazzjoni soċjali qed jgħidu li darhom mhijiex ta’ livell.  81% iħossu l-ispejjeż tad-dar bħala piż.  Jiftaħru bir-riġenerazzjoni. Nistiednu jżur xi blokok madwar Malta.  Nitolbu jmur jara Binja Buqana fl-Imtarfa.  X’ma tintilifx il-fiduċja, meta l-Gvern wiegħed għajnuna lil dawk li jgħaddu mit-test tal-mezzi lill-inkwilini tal-kirjiet ta' qabel l-1995.  Wegħdhom sa’ €10,000. Għaddew mit-test tal-mezzi, bl-iswed fuq l-abjad (b’sentenza mill-Qorti), iżda mbgħad qalulhom li mhuma intitolati għal xejn.  Għadni nitlob spjega.  Din kwistjoni serja!   Nixtieq spjegazzjoni ċara f’ isem dawn l-anzjani inkwetati.  Ma nixtieqx diskors half baked u tidwir mal-lewża. 

Kliemhom jikxifhom  

Dawn uħud mill-problemi fil-Housing Soċjali.   Dawn jeħtieġ jinkwetaw fuqhom l-esponenti tal-Gvern ... u mela  qishom tfal żgħar jiġġieldu bejniethom, min ser jidher u jonfoq l-aktar għal l-konferenzi. Għax jekk sieħbu biex jinawgura proġett nefaq €85,000, allura jien se nibqa lura?   Hekk jirraġunaw. Imġieba irresponsabbli. Kliemhom jikxifhom. Taħsibhom għadhom honey moon wara 25 sena fl-Oppożizzjoni. Wara tmien snin għadhom fil-venja jikkritikaw biss lil ta’ qabilhom. Fl-ewwel tliet xhur ta’ Gvern Laburista applikaw 200 ruħ. Bla dubju, kien hemm min tħajjar u kien hemm ukoll min ġie mħajjar biex japplika. Esponenti fil-PL iwiegħdu lil ħbieb li ser jingħatalhom dak li mhuwiex intitolati għalih.  

Gvern responsabbli?  

Gvern responsabbli iqassam b’ ġustizzja u jgħinek, u mhux ikissrek bi prezzijiet ogħla, spejjeż u kontijiet li ma jagħmlux sens.    

Gvern responsabbli jpoġġi l-flus fil-bwiet tan-nies u mhux jeħodomlhom.   

Gvern responsabbli jgħin u mhux jagħfas fuq iż-żgħir.    

Gvern Laburista falla għax nefaq aktar u qed jikseb inqas riżultati.  

 

More in Politika