Josianne Cutajar | Sentejn ta' deċiżjonijiet

Prim Ministru li ħa ħsieb ix-xogħol tal-Maltin u l-Għawdxin. Gvern li ħallas eluf ta’ pagi, biex eluf ta’ ħaddiema jibqa’ jkollhom impjieg u l-għixien ta’ kuljum  

Sentejn minn meta Robert Abela ġie elett bħala Mexxej tal-Partit Laburista, sentejn minn meta nħatar Prim Ministru. M’hemmx dubju li jekk wieħed iħares lura lejn dawn l-aħħar sentejn ta’ tmexxija tiegħu, element li jispikka u jiżboq, huwa l-fatt li hemm Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista li jiddeċiedi, Prim Ministru li baqa’ għaddej b’riformi kontinwi anke f’nofs pandemija. 

Dawn is-sentejn żgur li ma kinux faċli. Il-pandemija tal- Covid-19 ħarbtet litteralment lid-dinja kollha. Il-mod kif ngħixu, l-iktar affarijiet sempliċi, il-kuntatt bażiku ta’ bejnietna, l-ekonomija u sintendi l-aktar importanti, is-saħħa. 

Iżda minkejja dan kollu kien hemm Prim Ministru li ddeċieda sabiex ikun assigurat l-aħjar bilanċ possibli bejn is-saħħa tan-nies u l-ekonomija, ix-xogħol u l-investiment. 

Mhux faċli li tiddeċiedi f’xenarju hekk. Bi trade unions li kif inhu minn ewl id-dinja li jagħmlu, jimbuttaw ’il quddiem lil dawk li jirrappreżentaw u l-interessi tagħhom, professjonisti tas-saħħa li jitkellmu fuq ir-riperkussjonijiet mediċi, nies ta’ negozju li jitkellmu fuq il-konsegwenzi li jista’ jkun hemm jekk l-ekonomija tieħu sensiela ta’ daqqiet wara xulxin u n-nies li mhux dejjem kienu esposti għall-informazzjoni b’mod korrett. F’ċirkostanzi hekk l-aktar ħaġa faċli hija li tgħid se niffoka biss fuq din l-isfida u ninsa kollox.  

Ma rridux imorru lura ħafna snin biex niftakru fi Prim Ministru, f’dan il-każ tal-aħħar amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li kien jara l-mewġ il-ħin kollu, lura fl-2009. 

Hawnhekk joħorġu attribwitti importanti ta’ dawn l-aħħar sentejn. 

Rajna Prim Ministru li ħa ħsieb is-saħħa tan-nies, fejn flimkien mad-Deputat Prim Ministru u t-tim mediku ta’ pajjiżna assiguraw li dan il-pajjiż ikollu biżżejjed vaċċini u dawn wasslu biex ingħataw l-ewwel, it-tieni u issa t-tielet doża b’rata mgħaġġla filwaqt li ngħataw b’donazzjoni eluf oħra lill-pajjiżi li kellhom bżonn daqqa ta’ id. 

Prim Ministru li ħa ħsieb ix-xogħol tal-Maltin u l-Għawdxin. Gvern li ħallas eluf ta’ pagi, biex eluf ta’ ħaddiema jibqa’ jkollhom impjieg u l-għixien ta’ kuljum fl-istess waqt li ġew salvati eluf ta’ negozji u investimenti li minn jaf kemm ħadu xogħol u sagrifiċċji biex imxew ’il quddiem. 

Prim Ministru li filwaqt li kien qed iħares il-preżent tax-xogħol f’pajjiżna, ħares ukoll lejn il-futur. Ħabrek biex jinġieb aktar investiment lejn pajjiżna billi kienu mgħejjuna dawk il-kumpaniji li diġa’ kienu stabiliti f’Malta iżda li riedu jespandu l-operat tagħhom u anke dawk il-kumpanji ġodda, minn diversi oqsma li raw f’Malta opportunità ta’ negozju u kummerċ. 

Prim Minstru riformist: Fl-istess ħin li ħafna Gvernijiet kienu qed jaraw kif se jibqgħu fil-wiċċ kawża tal-pandemija, bħala pajjiż filwaqt li ħadna ħsieb li nibqgħu għaddejjin xorta waħda bqajna nbiddlu. Iddaħħlu bidliet u riformi bla preċedent fil-qasam Kostituzzjonali sabiex issaħħew ħafna aktar l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Riforma sħiħa sabiex iddaħħlu emendi legali sabiex is-sess sottorappreżentat fil-Parlament jingħata leħen ferm ikbar. Riforma sabiex ikun permess u regolat l-użu responsabbli tal-kannabis. Għalhekk Prim Ministru deċiżiv.  

Fuq kollox u fost l-iktar importanti, Prim Ministru li fittex l-għaqda Nazzjonali mhux il-firda. Poplu żgħir bħal tagħna ma jistax ikun mifrud u mhedi f’politika mimlija tgħajjir personali sempliċiment għax min qed jagħmel din il-politika m’għandux ideat.  

Persważa li l-poplu Malti u Għawdxi jrid Prim Ministru li jista’ jkollu opinjoni differenti iżda li fl-aħħar mill-aħħar dejjem iħares l-ewwel u qabel kollox lejn l-interessi ta’ pajjiżna. Prim Ministru tal-lum u ta’ għada. 

More in Politika