Josianne Cutajar | It-teknoloġija fit-turiżmu
Il-ħidma lejn diġitalizzazzjoni aktar b'saħħitha fit-turiżmu tista’ tibbenefika bis-sħiħ permezz ta’ aktar kooperazzjoni, kreattività, innovazzjoni u investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħna
Matul din il-ġimgħa kelli l-okkażjoni nindirizza l-Mediterranean Tourism Forum li sar f’pajjiżna u li ġab flimkien diversi persuni minn pajjiżi u professjonijiet differenti. Il-messaġġ tiegħi ffoka fuq l-importanza tal-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni fil-qasam turistiku, qasam li naħdem fih b’mod dirett fuq livell Ewropew. Fl-indirizz tiegħi sħaqt li jekk il-pandemija m’urietna xejn, żgur għallmitna li d-diġitalizzazzjoni tista’ tħalli effetti kbar kemm soċjali, kif ukoll ekonomiċi, inkluż fis-settur turistiku.
L-istess diġitalizzazzjoni tista’ tgħin biex l-irkupru u l-futur tal-qasam tat-turiżmu jkun wieħed sostenibbli – ambjentalment imma wkoll ekonomikament u soċjalment. Irridu naraw li n-negozji tagħna jgawdu mill-potenzjal sħiħ tat-teknoloġija, anke permezz ta’ mudelli li jgħinu fil-ġbir ta’ informazzjoni u data sabiex inkunu jistgħu janalizzaw impatti differenti u jippjanaw b’mod aħjar.
Punt ieħor li qajjimt hu l-importanza li naraw li l-użu tat-teknoloġija jikkumplimenta l-aspett uman fit-turiżmu. Filwaqt li l-konsumaturi kull ma jmur qed jistennew li jiżdiedu s-servizzi diġitali fit-turiżmu, semmejt l-eżempju ta’ kif meta mmorru vaganza ħafna minna għadna nfittxu li nitkellmu mar-receptionist jew il-waiter u nistaqsu dwar postijiet u ikel t’interess fil-pajjiż. Dan l-iskambju uman hu mistenni minn diversi turisti pero’ hi realta’ wkoll li għandek diversi oħrajn li saru jippreferu, u anke jistennew, ċerta servizzi u informazzjoni permezz ta’ apps u pjattaformi diġitali oħra.
L-iżvilupp tat-teknoloġija fil-qasam tat-turiżmu huwa essenzjali sabiex inkomplu nimxu ‘l quddiem. Niftakru li s-settur turistiku kien wieħed minn tal-ewwel li beda jintroduċi servizzi diġitali fuq livell globali fejn jidħlu per eżempju t-titjiriet u anke l-bookings tal-lukandi. Kunfidenti wkoll li fiż-żmien li ġej, dan il-proċess ser ikompli jikber mhux biss b’effett tal-pandemija li aċċellerat id-diġitalizzazzjoni imma anke' fl-isfond ta’ politika u miri diġitali ambizzjużi li qed tpoġġi ‘l quddiem l-Unjoni Ewropea.
Fil-kapaċità tiegħi ta’ Membru Parlamentari Ewropew, se nkompli naħdem bis-sħiħ f’dan il-qasam. Bħala parti minn din il-ħidma, irridu nkomplu ninċentivaw aktar kumpaniji u operaturi fis-settur biex huma wkoll jaraw li jilħqu l-potenzjal kollu li d-diġitalizzazzjoni toffri. Dan jista’ jseħħ anke permezz tal-miri li qed niżviluppaw flimkien mal-Membri Stati fil-programm ta’ politika Path towards the Digital Decade. Onorata li ġejt fdata mis-Soċjalisti biex f’isimhom ninnegozja dan ir-rapport tant importanti. Din il-ħidma trid twassal ukoll biex inżidu l-ħiliet diġitali taċ-ċittadini tagħna, xi ħaġa li tkompli tgħinna anke għat-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur tal-ospitalità u t-turiżmu, iżjed u iżjed lilna li bħala gżira niddependu fuq it-turiżmu.
Meta nitkellmu fuq ħiliet irridu nżommu wkoll f’moħħna ħiliet b’rabta mat-teknoloġiji l-ġodda li qegħdin jiżviluppaw u jiġu applikati, anke fil-qasam turistiku. Insemmi per eżempju r-realta’ virtwali, teknoloġija ġdida li diġà bdiet toffri esperjenza ġdida lill-ivjaġġaturi b’mod virtwali u kull ma jmur se tagħti lok ta’ aktar għarfien fuq diversi kulturi u pajjiżi differenti, anke b’possibilta’ li wieħed jagħmel dan bla ma jaqbad l-ajruplan. Nemmen li din it-teknoloġija tista’ twassal għal turiżmu aktar inklussiv, speċjalment fejn jidħlu persuni b’diżabilita’ u problemi ta’ mobiltà, kif ukoll dawk li huma interessati f’mużew jew sit storiku iżda ma jaffordjawx li jżuruh b’mod fiżiku.
Il-ħidma lejn diġitalizzazzjoni aktar b'saħħitha fit-turiżmu tista’ tibbenefika bis-sħiħ permezz ta’ aktar kooperazzjoni, kreattività, innovazzjoni u investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħna. Nemmen li pajjiżna jista’ jkun minn ta’ quddiem f’dan kollu u jkun l-ixprun ewlieni għal kooperazzjoni turistika Mediterranja aktar b’saħħitha.