Carmel Cacopardo | Malta u l-esportazzjoni tal-abort

L-istat Malti falla fil-konfront ta’ Andrea Prudente. Kien falla ukoll fil-konfront ta’ Marion Mifsud Nora. Bl-istess mod ifalli fil-konfront ta’ kull mara Maltija iffaċċata bi tqala ta’ periklu għal ħajjitha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sfortunatament, in-nisa Maltin ftit li xejn jitkellmu, jippreferu li jsofru fis-skiet

Il-każ tal-abort li kien meħtieġ mit-turista Amerikana Andrea Prudente biex tkun imħarsa ħajjitha, issa intemm, f’Malta. Il-każ ġie esportat lejn il-gżira Spanjola ta’ Mallorca fejn, hu ittamat, li kollox jispiċċa b’wiċċ il-ġid. Dan il-każ ġie ittrattat bl-istess mod tal-Maltija-Kanadiża Marion Mifsud Nora, liema każ kien seħħ f’Malta wkoll fl-2014. Il-każ tal-lum ġie esportat lejn Mallorca filwaqt li dak tal-2014 kien esportat lejn Pariġi. L-appoġġ tal-insurance tal-ivvjaġġar, fiż-żewġ każi, kienet indispensabbli biex dawn iż-żewġ nisa jkunu trasferiti f’pajjiżi oħra permezz ta’ ajruplan-ambulanza. Kien b’hekk biss li irnexxielhom jegħlbu n-nuqqas tal-istat Malti li jipprovdilhom l-għajnuna medika meħtieġa. 

L-istat Malti falla fil-konfront ta’ Andrea Prudente. Kien falla ukoll fil-konfront ta’ Marion Mifsud Nora. Bl-istess mod ifalli fil-konfront ta’ kull mara Maltija iffaċċata bi tqala ta’ periklu għal ħajjitha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sfortunatament, in-nisa Maltin ftit li xejn jitkellmu, jippreferu li jsofru fis-skiet. L-istat Malti m’għandu l-ebda empatija fil-konfront ta’ mara li tiffaċċa tqala perikoluża. 

Mid-dehra, l-fundamentalisti li qed imexxu l-Isptar Mater Dei ma tgħallmu xejn f’dawn l-aħħar tmien snin minn meta esportaw il-każ ta’ Mifsud Nora lejn Pariġi. Dan minkejja l-fehma espressa fil-pubbliku minn numru ta’ avukati ta’ esperjenza li f’każ ta’ tqala li tipperikola l-ħajja ta’ mara, it-terminazzjoni tat-tqal hi ġustifikabbli. F’dawn il-każi t-terminazzjoni tat-tqal kien anke deskritt bħala att gustifikabbli ta’ awto-difiża (self-defence). 

L-esportazzjoni ta’ dawn iż-żewġ każijiet ta’ abort lejn l-Ewropa kontinentali hi b’żieda mat-turiżmu tal-abort li hu magħruf li jeżisti bejn Malta u l-Ewropa, primarjament mar-Renju Unit u l-Italja, avolja dan mhux limitat lejn dawn iż-żewġ pajjiżi. 

ADPD-The Green Party hu l-uniku partit politiku li tkellem kontinwament dwar dan. Is-skiet tal-oħrajn, itarrxek! 

Għandna ħtieġa urġenti ta’ bidla mill-qiegħ tal-liġi Maltija dwar l-abort: din m’hiex addattata għaż-żmienijiet tal-lum. 

L-inqas li nistgħu nagħmlu hu li jitneħħew l-ambigwitàjiet mill-liġi biex il-fundamentalisti li qed imexxu l-Mater Dei ma jibqalhomx wara xiex jistaħbew. M’għandu jkun hemm xejn xi jżommhom milli jintervjenu biex tqala mhux vijabbli li tkun ta’ theddida għal saħħet kwalunkwe mara tkun terminata mingħajr tkaxkir tas-saqajn. 

Il-membri tal-professjoni medika lokali, sfortunatament, qegħdin fl-istess sitwazzjoni li kienu l-kollegi tagħhom Irlandiżi fl-2012 li kellhom f’idejhom il-kaz ta’ Savita Halappanavar. Dawn, fiċ-ċirkustanzi kif żviluppaw kellhom il-biża’ li jaġixxu. Savita Halappanavar mietet taħt għajnejn il-membri tal-professjoni medika Irlandiża li ħassew li ma setgħux jintervjenu ħtija tal-liġi Irlandiża li kienet għadha, dakinnhar, tipprojibixxi kwalunkwe terminazzjoni ta’ tqala fl-Irlanda. 

Sadanittant l-Irlanda tgħallmet sewwa x’kien qed jiġri u bdiet il-proċess li tneħhi l-ostakli li kien hemm għall-professjoni medika. Dan kien jinvolvi referendum nazzjonali li b’maġġoranza ta’ 66 fil-mija approva proposta ta’ Gvern Demokristjan (tal-Fine Gael) u daħħal l-abort fil-pajjiż. 

Kif jingħad, il-kitba qegħda fuq il-ħajt.  

Waqt li l-partiti politiċi l-oħra huma ġeneralment siekta, ADPD – The Green Party hu wieħed minn żewġ partiti politiċi fil-pajjiż li tkellmu.  ADPD jappoġġa id-dikriminalizzazzjoni tal-abort u li dan ikun introdott f’ċirkustanzi limitati, ċjoe, meta l-ħajja tal-mara tqila tkun fil-periklu, fil-każ ta’ tqala li tkun riżultat ta’ vjolenza (stupru jew incest) u fil-każ ta’ tqala mhux vijabbli. 

L-esportazzjoni tal-abort lejn pajjiżi oħra la ser isolvi u l-anqas mhu ser jirranġa n-nuqqasijiet tal-liġi Maltija dwar l-abort, liema liġi ilha hemm iktar minn 160 sena. Liġi li żmienha għadda u li teħtieġ li tkun aġġornata għaż-żmienijiet u li taddatta ruħha għall-iżviluppi u l-prattika medika kurrenti. 

Sfortunatament il-partiti politiċi fil-Parlament Malti mhux interessati f’dan kollu. Għal ġejjini qarib huma iffukati fuq l-esportazzjoni. 

More in Politika