Editorjal | Evarist Bartolo: Għaliex issa?
'Ir-risposta hija waħda: Għaliex kulħadd jibża'. Kulħadd induttrinat u mħarreġ biex isegwi, mingħajr mistoqsijiet, mingħajr ma qatt jidher li qed juri l-inqas dubju'
Il-lealtà hija xi ħaġa onorabbli u sabiħa, xi ħaġa li llum qed issir dejjem aktar rari hekk kif kulħadd - f'kull ċirkostanza jekk hux xogħol, politika, flus jew aktar - iqabbel kif jaqbillu, mhux skont il-lealtajiet. Illum ċerta lealtajiet li lura fiż-żmien kien hawn, ma għadhomx magħna jew ma għadhomx daqstant popolari, bħal lealtà lejn post tax-xogħol partikolari hekk kif is-suq ħieles fetaħ ħafna l-bibien u l-opportunitajiet biex aktar nies ikunu jistgħu jiċċaqilqu minn post tax-xogħol għal ieħor, skont il-bżonnijiet finanzjarji u dawk li jirrelataw il-karriera, b'ħafna iktar faċilità.
Minkejja dan, is-sens ta' lealtà fil-politika għadha waħda b'saħħitha ħafna, anzi naslu ngħidu b'saħħitha żżejjed tant li aktar milli lealtà, aktar qed issir tixbah l-uniformità - fejn kulħadd jitlef il-karatteristiċi, il-prinċipji u l-opinjonijiet tiegħu u donnu qisu daħal f'setta fejn minn sbieħ ix-xemx sa nżulha trid toqgħod tinċensa, tmeri s-sewwa magħruf u dak kolllu li tgħid u tagħmel tagħmlu "għal ġid tal-partit." Fejn kollox huwa mkejjel skont x'jaqbillu l-partit dak il-ħin u elettoralment u mhux x'jaqbillu l-pajjiż. Fejn l-ovvju ma jibqax ovvju, għax l-ovvju huwa biss l-inċensar u l-laqgħqiżmu kontinwu lejn l-arma u l-partit.
U imkien din it-traġedja ta' lealtà assoluta li saret uniformità mhi ċara daqs fil-messaġġi u artikli ċari u mingħajr kantunieri li qed jagħmel l-eks Ministru Evarist Bartolo. Dan il-Ministru, li huwa rispettat minn bosta, dan l-aħħar fakkarna f'artiklu intitolat 'An overcrowded barracoon?' fuq The Times, kif qed nibnu kull m'hawn u kif il-mudell ekonomiku li adottajna qed ifisser iffullar u infrastruttura li mhux neċessarjament qed tlaħħaq, hekk kif dejjem qed inġibu eluf kbar ta' barranin. Bartolo qal ukoll f'intervista mal-istess gazzetta illi kien wissa lil Joseph Muscat illi l-Partit Laburista "ma setax jibqa' sejjer hekk" fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama. Dan l-aħħar ukoll l-eks Ministru wera' l-oppożizzjoni tiegħu lejn l-Avviż Legali li jitratta mużika fit-toroq fil-belt Valletta u qal li din kienet deċiżjoni li "ma tagħmilx sens."
Huwa kollu tajjeb dan u f'ħafna każi - speċjalment l-argumenti ta' Bartolo dwar il-bini sfrenat u l-iffullar - huma ovvji għal kulħadd, daqs kemm huwa ovvju li x-xemx titfa' s-sħana!
Il-mistoqsija hija iżda: Għaliex Bartolo - minkejja li mhux darba jew tnejn bagħat messaġġi sottili - ma kienx daqstant voċiferu meta kien Ministru u allura meta kellu sehem dirett fil-politika? Għaliex donnu stenna li jitlaq mix-xena biex ikun ħafna aktar dirett fuq affarijiet li huma ċari għal kulħadd? Għaliex kellu jkun hu li jitkellem fuq l-interessi tar-residenti Beltin u mhux min qed jirrapreżentahom fil-Parlament? Għax huwa opportunist - kif hemm min jgħid? Għax issa ma għandux x'jitlef? Jew għax is-sistema politika Maltija - f'isem il-lealtà - hija magna bla skrupli li ma taħfirha qatt lil dawk li mqar juru xrara ta' dissens?
Tkun leali iva. Imma titlef ilsienek le. Mhux ovvju li , per eżempju dak li kien u għadu qed jiġri Kemmuna huwa inaċċettabbli? Mhux ovvju li huwa ħażin - kemm mill-aspett morali imma anke mill-aspett purament ekonomiku u estetiku - li l-isbaħ bajja f'Malta spiċċat kkapparrata mis-sunbeds u l-kiosks? Allura possibbli, ħadd mill-bankijiet tal-Gvern ma jitkellem?
Mhux ovvju li hawn problema ta' skart u rimi. Mhux ovvju li s-sistema kif qed titħaddem mill-Kunsilli tant qed tfalli, li voluntiera qed ikollhom imorru huma jiġbru tunnellati ta' skart kull ġimgħa? Allura possibbli ħadd mill-Gvern, ħadd minn dawn id-Deputati kollha ma jitkellem fuq din il-problema?
Mhux ovvja li l-għoli tal-ħajja - anke jekk mhix riżultat dirett ta' azzjonijiet mill-Gvern, anzi l-Gvern qed itaffi fir-realtà - hija problema? U li qed tagħfas u tweġġa' mhux ftit il-bwiet tal-familji speċjalment dawk li jaqilgħu l-inqas? Allura għaliex ma tismax deputati tal-Gvern li jitkellmu fil-miftuħ dwar din il-weġgħa, jammettu li teżisti u jserrħu moħħ in-nies li se joffru s-soluzzjonijiet ukoll?
Mhux ovvja li l-PN huwa maqbud f'morsa ta' apatija kbira? Mhux ovvja li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu jaħsibha ftit iktar qabel jiddeċiedi d-destin tiegħu wara telfa ta' dak il-kobor? Mhux ovvja li kien hemm ċans tad-deheb fil-kariga ta' Viċi Kap biex jidħol xi ħadd aktar żgħażugħ u frisk, xi ħadd li jagħti kulur differenti lit-tmexxija u ħadd ma daħal? Mhux ovvja li l-PN qed jidher wisq dgħajjef u bla snien u mhux jagħmel il-ħoss li wieħed jistenna li tagħmel l-Oppożizzjoni? Allura għaliex d-Deputati tal-Oppożizzjoni kollha jtaptpu fuq dahar xulxin u dahar il-Kap u jkantaw l-Aida waqt li Ruma tinħaraq?
U r-risposta hija waħda: Għaliex kulħadd jibża'. Kulħadd induttrinat u mħarreġ biex isegwi, mingħajr mistoqsijiet, mingħajr ma qatt jidher li qed juri l-inqas dubju. Kollox iva, kollox inċens. Kollox lealtà assoluta lejn il-Kap jew il-Mexxej. Oħroġ ilsienek u għid signor si. U sfortunatament ħafna nies hekk eżatt iridu u jippretendu.
Huwa tajjeb li jkollok sens ta' għaqda u li meta l-partit jiddeċiedi imbagħad kulħadd jiġbed ħabel wieħed, imma li deputat jew kandidat spiċċa bilkemm jista' juri fehmtu, anke fejn jidħlu l-interessi ta' dawk li eleġġewhom hija verament traġedja.
Meta se nindunaw li dan il-mod li bih nagħmlu l-politika huwa skadut? Meta se nibdew nipprattikaw verament l-għajta li tista' ma tkunx magħna u tista' ma taqbilx magħna f'kollox u tista' tikkritikana (basta b'mod kostruttiv u mhux b'mibgħeda) u tista' tiġbidilna widnejna, imma tista' taħdem magħna?
Meta se tikber u toħroġ minn din is-sistema il-politika Maltija?