Ivan Castillo | Impjiegi... Minsija fil-Baġit
Filwaqt li s-settur pubbliku jeħtieġ impjegati f’ċertu livelli u sezzjonijiet, il-Gvern qiegħed ikun f’kompetizzjoni diretta mas-settur privat għall-kapital uman
Il-Baġit ta’ din is-sena naqas milli jindirizza waħda mill-akbar problemi li qed jaffaċċja min iħaddem, in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa. Mad-daqqa t'għajn mill-ewwel wieħed jista' jara li l-baġit jonqos milli jindirizza din il-kwistjoni.
Bħas-soltu, tal-Labour Party jagħmlu aktar marketing fuq dak li jipproponu li jagħmlu milli dak li fil-fatt isir, u f'ħafna każijiet jintefqu aktar flus fuq il-marketing milli fuq l-implimentazzjoni proprja tal-proċess neċċesarju.
L-aħħar stħarriġ tal-Labour Force Survey jista' jidher sabiħ, iżda meta tħares ftit aktar fil-fond, issib li 63.8% tal-ħaddiema jaqilgħu inqas mill-paga medja fl-okkupazzjoni ewlenija tagħhom. Jekk tħares lejn id-dħul medju ta' dawn it-63.8% issib li huma jaqilgħu 3 xhur inqas pagi mill-paga medja Nazzjonali, qabel it-taxxi.
Dan ikompli jenfasizza d-distakk bejn dawk ta’ dħul għoli u dawk li jaqilgħu dħul baxx. Il-klassi medja qed tonqos bil-ġurnata, ħafna 'l bogħod mill-wegħda ta' klassi medja ġdida.
Il-bżonn għall-impjegati qed jiżdied
Fi stħarriġ li sar mill-Kamra tal-SME’s naraw li 50% ta’ min iħaddem bħalissa qed jopera b'bejn 70% u 90% tal-potenzjal tal-ħaddiema li bih suppost jopera.
Biex niżguraw li nibqgħu kompetittivi u li nkunu kapaċi nattiraw investiment ġdid, irridu niżguraw li jkollna l-kapital uman li għandu l-ħiliet meħtieġa għall-industriji tal-lum.
L-istess stħarriġ juri li 40% ta’ min iħaddem iddikjara li n-nuqqas ta’ ħaddiema u ħaddiema b’ħiliet baxxi kienu l-akbar diffikultà tagħhom.
Il-Gvern mhux qed jgħin meta jżid l-impjegati tiegħu għal aktar minn 51,000 (mhux inklużi ħaddiema tal-kuntrattur). Filwaqt li s-settur pubbliku jeħtieġ impjegati f’ċertu livelli u sezzjonijiet, il-Gvern qiegħed ikun f’kompetizzjoni diretta mas-settur privat għall-kapital uman. Il-Malta Employers Association stess iddeskriviet il-prattika li qabel l-elezzjoni s-settur pubbliku jieħu mir-riżorsi umani tas-settur privat, bħala inaċċettabbli.
Early School Leavers ... L-ogħla fl-UE
Malta għandha l-ogħla rata ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni fl-UE, dan żgur mhux qed isolvi l-problema għal min iħaddem li għandu diffikultà biex isibu ħaddiema tas-sengħa. U x'inhi l-istrateġija tal-Gvern għal dan? Il-kwalifiki u l-kontenut tal-korsijiet qed jitbaxxew u jsiru aktar laxki. Fuq il-karta il-Gvern jista’ jgħid li s-sitwazzjoni tjiebet, imma fil-verità għamilna pass lura, mhux ’il quddiem.
L-i‘Skills gap” qed tiżdied, u qed isir aktar u aktar diffiċli għal min iħaddem biex isib ħaddiema li għandhom bżonn. It-tnedija taċ-ċensiment tant mistenni dwar il-ħiliet bdiet u għalkemm għadna nistennew ir-riżultat nemmen u nittama li b’mod parallel jittieħed ċensiment nazzjonali dwar il-bżonnijiet fil-qasam tal-impjiegi biex jiġu identifikati r-rekwiżiti tal-kapital uman tal-industriji għas-snin li ġejjin u jiġu adottati inizjattivi biex jattiraw kemm il-ħaddiema/studenti Maltin li qed jitilqu mill-pajjiż biex ifittxu opportunitajiet aħjar, iżda wkoll il-ħaddiema barranin b’ħiliet ta’ valur miżjud.
Hemm bżonn ta' strateġija xierqa. Pero' anke dan nieqes minn dan il-Baġit bla viżjoni.
L-inqas rata tat-twelid fl-UE
Għaliex m’aħniex qed ikollna diskussjoni serja u matura dwar ir-rata baxxa ta’ twelid f'Malta, l-inqas fl-UE?
Insibu ruħna f’sitwazzjoni fejn Malta ma jkollha l-ebda għażla oħra ħlief li tibqa’ ddaħħal ħaddiema barranin jew li tiċkien l-ekonomija tagħha sakemm ma jitwieldux aktar trabi. Malta bħala medja toħloq 12,000 impjieg fis-sena b'rata ta' twelid ta' 4,000... minn fejn se jiġu t-8,000 l-oħra? Għandna bżonn aktar ħaddiema barranin? X'inhuma l-alternattivi tagħna? Baġit baħħ f’dawn il-miżuri.
Artiklu ta’ Patrick Pullicino wera' li r-rata tat-twelid ta’ Malta bħalissa hija aktar baxxa minn dik taċ-Ċina b’1.1 tifel għal kull mara. Din l-istatistika tinkludi 30% tat-trabi li jitwieldu minn ommijiet barranin, li tagħmel ir-rata tat-twelid tal-Maltin saħansitra iżgħar minn 1.1%. Bosta stati tal-UE rrikorrew għal programmi ta’ inċentivi biex jindirizzaw din il-problema, filwaqt li f’Malta nevitaw id-diskussjoni dwar din il-kwistjoni essenzjali.
U għal darba oħra il-Baġit, baħħ f’dawn il-miżuri
Bilanċ tal-Ħajja tax-Xogħol
L-avviż legali ġdid dwar il-bilanċ tal-ħajja tax-xogħol li ġie traspost fil-liġi ġie deskritt mill-NGO’s bħala “diżappuntanti” u jmur kontra l-ispirtu tal-liġi. Malta għadha tesperjenza inugwaljanza sinifikanti bejn in-nisa u l-irġiel, fejn il-piż tal-kura għat-tfal għadu jsir mill-omm.
Dan il-Gvern ħass li l-poplu Malti ma ħaqqu xejn ħlief il-minimu. Ma kienx jimpurtah li ma jagħmel l-ebda konsultazzjoni, Gvern li jgħid li jisma’ iżda jagħmel eżattament l-oppost. Il-Gvern m’għamel xejn biex itejjeb il-liġi biex inaqqas il-caring gap, b’hekk l-omm ser tibqa’ titqies bħala sfida. Kif qed inaqqas id-differenza fil-pagi u fl-impjiegi bejn is-sessi bil-mod ta’ kif implimenta dan l-avviż legali?
Il-Gvern naqas milli jisma’, mhux biss lill-NGOs iżda wkoll lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-International Labour Organisation (ILO), li jsostnu li t-tnaqqis tad-diviżjoni inugwali ta’ xogħol ta’ kura bi ħlas u mhux imħallas bejn il-mara u l-irġiel huwa “possibbilment l-aktar żvilupp soċjali sinifikanti tas-seklu 21”
Il-Partit Nazzjonalista għamel dak li ma għamilx il-Gvern sabiex nassiguraw li dak li kien nieqes isir.
Tressqet mozzjoni biex naraw li nagħtu aktar lill-poplu Malti, mingħajr ma nitfgħu piż fuq min iħaddem.