Owen Bonnici | Sena oħra ta’ ħafna ħidma u riżultati
'Fl-2024 ksibna bosta suċċessi flimkien u lħaqna tragwardi ferm importanti. Fl-2025, is-suċċess se jkun akbar'
L-2024 kienet sena ta’ ħidma kbira għall-Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Iżda l-2025 se tkun ferm aktar. Fl-2024 ksibna bosta suċċessi flimkien u lħaqna tragwardi ferm importanti. Fl-2025, is-suċċess se jkun akbar.
Fiduċjuż
Għax naf illi meta naħdmu flimkien bħala tim wieħed, jinkisbu r-riżultati. Ħafna huma l-entitajiet li huma parti mill-Ministeru li tiegħu jien responsabbli. Jaħdmu fihom hemm mijiet ta’ ħaddiema kapaċi, bieżla u kreattivi. Fl-2024, kull wieħed u waħda minn dawn il-kollegi taw saħħithom kollha u ksibna fuq li ksibna għal pajjiżna.
Fil-midja internazzjonali
Wettaqna ħafna. Tabilħaqq illi fl-aħħar snin wettaqna rivoluzzjoni fl-oqsma tal-arti u l-kultura. Kien hemm kisbiet kbar li għamlu ħoss lil hinn minn xtutna. Pereżempju, il-ftuħ tal-MICAS, l-ewwel mużew kontemporanju internazzjonali ta’ Malta. Tant għamel ħoss dan il-mużew uniku illi dan l-aħħar, waħda mill-akbar gazzetti globali, il-Wall Street Journal, għamlet artiklu li fih ħeġġet lill-miljuni ta’ qarrejja tagħha biex iżuru Malta, u fost il-postijiet li ssuġġeriet lit-turisti semmiet il-MICAS. X’unur! Il-ftuħ tal-MICAS kienet waħda mill-aktar wegħdi elettorali importanti, fil-qasam tal-arti u l-kultura, li għamel Gvern Laburista fil-manifest elettorali tal-2022. Dik il-wegħda wettaqnieha u issa bosta se jkunu l-artisti, u l-kreattivi lokali, kif ukoll dawk internazzjonali, li se jgawdu minn dan il-mużew.
Pjattaforma globali
Il-MICAS, bir-raġun, kien fost l-aktar li għamel ħoss, iżda wettaqna ferm u ferm aktar. Tajna spinta qawwija biex l-artist – u l-kreattiv – Malti jingħata pjattaforma fuq il-palk globali. Kellna din is-sena, fost l-oħrajn, il-Biennale ta’ Venezja. Din attività kbira ħafna, meqjusa bħala l-‘Olimpjadi’ tal-arti. Malta kien rappreżentata mill-artist bravu Matthew Attard u l-proġett tiegħu “I Will Follow the Ship” fejn bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali espona l-wirt uniku marittimu ta’ Malta f’pajjiżna.
Londra u Gwanju
Fl-2025, Malta se tkun qed tieħu sehem, permezz tal-proġett URNA, fil-Biennale prestiġġjuż tad-Disinn ġewwa Londra. U għall-ewwel darba, Malta se tieħu sehem fil-Biennale famuż ta’ Gwanju ġewwa l-Korea t’Isfel.
Dehra ġdida
L-Arts Council Malta, il-moħħ wara dawn il-proġetti tant importanti, din is-sena se jagħlaq 10 snin. Kienu 10 snin li taw ħajja ġdida l-oqsma tal-arti u l-kultura. Għal din is-sena, il-Kunsill se jkun qed iwettaq ħafna aktar ħidma ta’ fejda għall-artist lokali filwaqt li se jkun għaddej ukoll proċess ta’ rebranding li jagħti dehra ġdida, u aktar friska, lil dan il-Kunsill.
Festivals tal-aqwa kwalità
Din is-sena kienet waħda speċjali għall-poplu Malti, fejn ġew iċċelebrati anniversarji storiċi li inkludew:
· Il-45 anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien;
· L-20 anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea;
· Is-60 anniversarju ta’ Malta Indipendenti; u,
· Il-50 anniversarju ta’ Malta Repubblika bl-avveniment kbir bl-isem “L-istorja, Aħna.”
Grazzi għall-Aġenzija tal-Belt Valletta, tellajna wkoll għadd ta’ attivitajiet oħra, fosthom il-kunċert ‘L-Għanja li Ħadd ma Jsikket: Ray Mahoney’, il-‘Valletta Green Festival’, il-‘Valletta Pageant of the Seas’, ‘Opera in the Capital’, il-‘Valletta Local Food Festival’, ir-‘Requiem’ ta’ Verdi, ‘Christmas in the Capital’ u l-avveniment tal-aħħar tas-sena.
Lejlet l-ewwel tas-sena, tellajna kunċert uniku fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta li għalih attendew mal-50,000 Malti u turist. Grazzi mill-qalb, kemm lil Jason Micallef u lit-tim tiegħu tal-organizzazzjoni stupenda, kif ukoll lis-Sindku tal-Belt Valletta Olaf Mc Kay.
Kunċerti kbar
Għas-sena 2025, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) se tkun qed torganizza ħafna attivitajiet li se jiġbdu lejhom eluf ta’ Maltin u turisti.
Il-Mixegħla tal-Għid
Fost dawn, waqt iż-żmien tal-Għid se jkun hemm il-Mixgħela tal-Ġimgħa l-Kbira, filwaqt li bejn April u Mejju l-Valletta Green Festival se jirritorna fi Pjazza San Ġorġ.
Mal-każini tal-festi
F’Ġunju, l-Aġenzija se tkun qed taħdem ma’ diversi każini tal-festi tal-Belt Valletta biex tħejji avveniment mill-aqwa li se jitħabbar aktar ’il quddiem u li żgur se jkun qed iferraħ lil ħafna nies li tant u tant ilhom jistaqsu għalih.
Opera in the Capital
Se jkunu qed jirritornaw bil-kbir Opera in the Capital kif ukoll il-festa kulinari Maltija; il-Valletta Local Food Festival.
Strada Stretta
Il-pjan għal Streda Stretta jinkludi tmien attivitajiet, ħafna minnhom mużikali minn diversi stili li jinkludu talent lokali u internazzjonali.
Il-Karnival
Din is-sena wkoll, se norganizzaw Karnival tal-ogħla kwalità. Il-karnival ta’ Malta issa sar magħruf lil hinn minn xtutna tant li jiġu jżuruna turisti li jiġu Malta propju għall-Karnival. Ħabbarna wkoll li se jibda x-xogħol fuq il-Culture Hub tal-Marsa, li se jipprovdi wkoll spazju tant meħtieġ għad-dilettanti tal-Karnival.
Insebbħu wiċċ pajjiżna
Matul is-sena li għaddiet, wettaqna ħafna xogħol ta’ restawr, kemm ta’ swar u fortifikazzjonijiet kif ukoll ta’ wħud mill-isbaħ palazzi li għandna f’pajjiżna. Id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, din is-sena, temm ukoll b’suċċess diversi proġetti ta’ restawr li saru f’lokalitajiet differenti madwar Malta; proġetti li jinkludu knejjes, swar, u monumenti oħra. Hu stmat li saru aktar minn 40 proġett ta’ restawr madwar il-gżejjer Maltin. Kellna wkoll ir-restawr estensiv tal-Palazz tal-Gran Mastru li reġa’ nfetaħ għall-pubbliku, b’investiment ta’ €40 miljun.
Villa Gwardamanġa
B’investiment ta’ €10 miljun, kofinanzjat minn fondi Ewropej, se jsir ir-restawr ta’ Villa Gwardamanġa li għandha valur storiku enormi fir-rabta kolonjali Ingliża tagħna.
Il-Main Guard
Ir-restawr tal-Main Guard fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, b’investiment ta’ €600,000.
Villa Portelli
Se tinfetaħ f’fażijiet bejn din is-sena u s-sena d-dieħla, b’investiment li jlaħħaq it-€800,000.
Il-Mużew tal-Gwerra
Din is-sena, il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra se jiċċelebra l-50 anniversarju minn meta fetaħ għall-pubbliku, u Heritage Malta qed tħejji attivitajiet għall-pubbliku b’rabta ma’ dan l-avveniment importanti.
Dan, u ħafna aktar, huwa x’wettaqna fl-2024 u se nkunu qed inwettqu din is-sena. Dan kollu seħħ, u jista’ jkompli jseħħ, minħabba li għandna ekonomija b’saħħitha. Li ma kienx hekk, xejn minn dan ma seta’ jsir. Għandi ottimiżmu kbir għal din is-sena l-ġdida. Ċert li l-oqsma tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali se jkunu mħabbtin ferm jagħtu isem mill-aqwa, u jkomplu jsebbħu lil Malta pajjiżna.