Rachelle Deguara | Dak li għamel il-Maġistrat Mifsud għandu jkun ikkundannat!
Biex titwaqqaf din il-kultura ta' silenzju u li t-tort huwa tal-vittma, għandna bżonn rispons aktar b'saħħtu mill-awtoritajiet, mill-Pulizija u mill-Qrati tal-ġustizzja
Il-midja soċjali hi għodda utli għal diversi raġunijiet, iżda tista’ sservi ta’ detriment ukoll. Kull individwu hu responsabbli għall-kontenut li jpoġġi u r-riperkussjonijiet li l-kontenut jista’ jġib miegħu. Iżda li maġistrat jimplika li mara stiednet b’idha l-vjolenza fuqha nnifisha ħabba ritratt fuq din il-pjattaforma hi biss sentenza skandaluża u attroċi.
In-nisa li l-każijiet ta’ vjolenza domestika tagħhom jiġu taħt il-Maġistrat Joe Mifsud qed ibatu l-konsegwenzi ħabba li l-Maġistrat Mifsud ġie maħtur f’din il-pożizzjoni b’mod mhux għaqli.
Is-sentenza mhux biss tkompli tgħaddas lil Malta fl-idea tal-patrijarkija, iżda tkompli tnaqqas l-awtonomija tal-mara u d-deċiżjonijiet tagħha. Irrelevanti mill-kontenut u l-kuntest tar-ritratt, il-vjolenza domestika qatt ma tista’ tiġi ġġustifikata speċjalment minn istituzzjoni għolja bħall-Qorti.
Il-każijiet ta’ vjolenza domestika li jiġu taħt idejh qed jaqtagħhom bi preġudizzju kbir kontra n-nisa u mhux jamministra l-liġi b’mod ġust. Id-deċiżjonijiet tiegħu jservu ta’ detriment materjali għal nisa oħra li għaddejjin mill-istess każijiet u esperjenzi u għalhekk, il-Maġistrat mhux biss qed jagħmel inġustizzja man-nisa vittmi li jiġu quddiemu, imma qed jagħmel inġustizzja wkoll man-nisa l-oħra li qed ibatu mill-istess esperjenzi ta’ vjolenza domestika.
F'soċjetajiet li jittolleraw il-vjolenza u li jonqsu li jikkastigaw lil dawk li wettqu l-vjolenza, ikun hemm probabbilità inqas li n-nisa jitkellmu
Tista’ timmaġina kemm hi trawmatika għal mara li tgħaddi minn esperjenza ta’ vjolenza mir-raġel tagħha u wara l-Maġistrat jiġġustifika din il-vjolenza ħabba ritratt imtella’ fuq il-midja soċjali.
Hu l-irwol tal-Kummissjoni tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni fuq ix-xogħol tal-qrati u l-imġiba tal-imħallfin, maġistrati, avukati u prokuraturi legali, biex tieħu l-passi meħtieġa.
B’mod immedjat il-Kummissjoni tal-Ġustizzja trid tieħu azzjoni biex is-saltna tad-dritt tiġi ssalvagwardjata. Ladarba l-Maġistrat Mifsud qed jaqta’ sentenzi ppreġudikati kontra n-nisa, il-Kummissjoni għandha tara li l-Maġistrat Mifsud ma jkunx aġġudikat iktar każijiet ta’ vjolenza domestika. Jekk ma jsirx hekk, ħa nkunu qed nagħmlu inġustizzja man-nisa Maltin.
Fil-bidu ta’ April żewġ irġiel mill-Forzi tal-Armata sparaw u qatlu persuna. L-agressur f’dan il-każ ukoll kien persuna fill-Forzi tal-Armata. Fejn qegħdin jirreaġixxu l-awtoritajiet għal din it-tip ta’ mġiba inaċċettabbli?
Id-deċiżjoni li l-aggressur iżomm il-pożizzjoni tiegħu ma kinetx waħda għaqlija speċjalment għar-raġunament li għaliha pprovda l-Maġistrat. Il-kwistjoni ewlenija hawnhekk xorta tibqa’ li l-Maġistrat Joseph Mifsud mhux jikkundanna biżżejjed din l-imġiba inaċċettabbli fis-soċjetà tagħna.
Skont ix-xhieda medika, il-vittma kienet sofriet minn ksur f’sieqha u tbenġil fuq ġenbha. Madankollu, bl-għarfien tal-evidenza kollha mressqa, il-qorti ddikkjarat lilha nnifisha “konvinta” li n-natura tal-ħsara kienet żgħira.
Il-Kummissjoni għandha tara li l-Maġistrat Mifsud ma jkunx aġġudikat iktar każijiet ta’ vjolenza domestika. Jekk ma jsirx hekk, ħa nkunu qed nagħmlu inġustizzja man-nisa Maltin
Spjegat ukoll li l-klassifikazzjoni tal-feriti fl-aħħar mill-aħħar kien f'idejn l-imħallef li jiddeċiedi fuq il-fatti u ma kienx “neċessarjament u esklussivament” ibbażata fuq “opinjoni medika”.
L-indiċi Ewropew, maħruġin mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), juri li l-ħruxija tal-vjolenza domestika f’Malta hija waħda mill-agħar, meta kkumparata mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Issa, il-vjolenza domestika qiegħda wkoll tiġi ġġustifikata mill-Qrati Maltin.
Il-vjolenza kontra n-nisa hija kawża u konsegwenza tal-inugwaljanza bejn is-sessi u mhux minħabba “użu mhux xieraq tal-midja soċjali”. F'soċjetajiet li jittolleraw il-vjolenza u li jonqsu li jikkastigaw lil dawk li wettqu l-vjolenza, ikun hemm probabbilità inqas li n-nisa jitkellmu dwar il-vjolenza li jgħaddu minnha. Biex titwaqqaf din il-kultura ta' silenzju u li t-tort huwa tal-vittma, għandna bżonn rispons aktar b'saħħtu mill-awtoritajiet, mill-Pulizija u mill-Qrati tal-ġustizzja. Għalhekk, dak li qed jamgħel il-Magistrat Joe Mifsud irid jiġi kkundanat.