Noel Camilleri | Puccini u Malta: Il-wirt u rabtiet kulturali
'Hekk kif qed niċċelebraw iċ-ċentinarju mill-mewt ta’ Giacomo Puccini, tajjeb li nirriflettu fuq ir-relazzjoni profonda u dejjiema li dan il-kopżitur tant famuż kellu mal-gżira ta’ Malta'
Hekk kif qed niċċelebraw iċ-ċentinarju mill-mewt ta’ Giacomo Puccini, tajjeb li nirriflettu fuq ir-relazzjoni profonda u dejjiema li dan il-kopżitur tant famuż kellu mal-gżira ta’ Malta. Għal żmien twil, il-mużika ta’ Puccini kellha sehem sinifikanti fil-medda kulturali ta’ Malta kif ukoll sehem fl-iżvilupp tad-tradizzjoni tal-baned f’pajjiżna. Għalhekk l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda qed torganizza sensiela ta’ avvenimenti bejn Ottubru u Diċembru ta’ din is-sena biex tfakkar il-ħajja u l-arti ta’ Puccini
Ħadd ma jista’ jiċħad l-influwenza ta’ Puccini fuq ix-xena mużikali f’Malta. L-opri tiegħu, bħal La Bohème, Tosca, u Madama Butterfly, ittellgħu kemm-il darba u dejjem ġibdu udjenza kbira li tapprezza l-intensita’ drammatika u l-emozzjonijiet profondi ta’ Puccini.
It-temi universali tal-imħabba, it-telfa, u t-tama fix-xogħol ta’ Puccini dejjem intlaqgħu tajjeb minn dawk fostna li japprezzaw il-kultura u l-arti. U huwa propju għalhekk li x-xogħol imżewwaq tiegħu għad għandu preżenza qawwija fostna. Il-melodiji ta’ Puccini miżgħuda b’passjoni u umanita’, għandhom post speċjali għall-baned Maltin li għal ġenerazzjonijiet addottaw u daqqew il-mużika tiegħu.
Din il-konnessjoni ħeġġet li l- Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda biex torganizza sensiela ta’ attivitajiet, maħsuba tajjeb ħafna, biex nonoraw is-sehem ta’ Puccini. Barra mill-mużika tiegħu, qegħdin ukoll infakkaru aspetti anqas magħrufa tiegħu, bħalma hi l-passjoni li kellu lejn il-fotografija li se tkun il-qofol tal-esebizzjoni li se tittella’ fil-Foyer tal-bini tal-Parlament Malti. L-attivitajiet se jinkludu wkoll kunċerti f’postijiet ferm storiċi u spettakulari bħall-Auberge de Castille, It-Tejatru Manoel, u l-Kon-katidral ta’ San Ġwann.
Permezz ta’ dawn l-attivitajiet, l-għan tagħna huwa li nkattru l-apprezzament lejn l-influwenza ta’ Puccini, kemm lokalment kif ukoll globalment, u fl-istess ħin infakkaru r-rwol important li kellhom u għad għandhom il-baned f’pajjiżna biex iżommu l-mużika ta’ Puccini ħajja fostna. Il-każini tal-banda m’humiex biss ċentri tat-tagħlim tal-mużika, imma wkoll istituzzjonijiet kulturali li għenu biex joħolqu identita’ mużikali f’pajjiżna.
Hekk kif nirriflettu fuq iċ-ċentinarju tal-mewt ta’ Puccini, nistiednu lil kulħadd biex jattendu dawn l-attivitaijiet li jfakkaru kemm ix-xogħol tiegħu għadu jispirana u jqawwina, kif ukoll ir-rabta qawwija li kellu u għad għandu ma’ Malta.