Dun Anġ Seychell | Einstein, ix-xemx...u t-talb
Dun Anġ Seychell jikteb dwar ix-xjenza, l-għerf u t-talb
Jiena sa miċ-ċokon kont inħobb il-kotba, għax huma għamluni nies. Meta kont il-Liċeo, jiena f’ebda klassi ma qatt ġejt l-ewwel jew it-tieni, u darba biss ġejt it-tielet. Għax jien minn dejjem kont kurjuż dwar x’hawn madwari u għalhekk ma kontx nikkuntenta ruħi bil-kotba li kellna nistudjaw għall-eżami.
Għadni sal-lum, meta jiġi xi ħadd għandi u jistagħġeb bil-kwantità ta’ kotba li jarali, dlok jistaqsini jekk qrajthomx kollha. Minnufih inwieġbu li mhux kollha għadni qrajthom imma dawk li għadni ma qrajtx qegħdin fil-kjù biex meta jmisshom nibdihom u nispiċċahom!
Wieħed mill-kotba li kien fil-kjù u li bdejt naqrah huwa l-ktieb tal-patri Thomas Dubay S.M. għalliem u espert fuq l-irtiri dwar it-talb u l-ħajja spiritwali, li jġib l-isem ta’ ‘Prayer Primer’, li suppost qiegħed miktub għal min għadu prinċipjant fil-ħajja spiritwali. Dan il-ktieb urieni li avolja għandi 86 sena, jiena għadni prinċipjant għax fil-ktieb tiegħu sibt diversi punti li bihom ma kontx naf!
X’sirt naf
Fost ir-realtajiet tal-għaġeb li sirt naf f’dan il-ktieb kien il-fatt li l-aspetti viżibbli u inviżibbli tar-realtà jinsabu f’komunikazzjoni ma’ xulxin, Jiena u int bħala spirti inkarnati – jiġifieri aħna materjali u spiritwali fil-binja tagħna – aħna biss għandna fina ż-żewġ elementi. Ħajjitna hi magħmula minn element materjali u element spiritwali.
Albert Einstein
Sirt naf minnu li Albert Einstein, ix-xjenzat kbir ta’ żmienna, baqa’ mmeraviljat li l-atomi, il-molekuli, iċ-ċelluli, il-galassji nistgħu nifhmuhom, jiġifieri l-moħħ limitat ta’ bniedem jista’ jasal biex isir jafhom. Hu stagħġeb kif il-formoli matematiċi tagħna, l-ekwazzjonijiet u l-liġijiet tagħna jiddeskrivu r-realtà li tidher kif tabilħaqq hi u kif topra.
Sirt naf b’sorpriża akbar l-istorja ta’ mħabba li l-Mulej tal-galassji jixtieq ikollu ma’ rġiel u nisa li jgħammru fuq pjaneta partikulari li ddur ma’ kewkba ordinarja, intant meraviljuża, li aħna nsejħu x-xemx. Dil-kewkba partikulari tinsab miljun mil fid-dijametru tagħha, kaldarun nukleari enormi, u intant hija biss waħda fost il-mijiet t’eluf ta’ miljuni ta’ kwiekeb oħra mit-triq ta’ Sant’Anna (bl-Ingliż The Milky Way) mifruxa dawra mejt mas-sema. U dil-galassja tagħna hija biss waħda mill-mijiet t’eluf ta’ miljuni ta’ galassji bħalhom.
Fuq iċ-ċkejkna pjaneta li jiena u int fuqha ngħammru l-komunikazzjoni ta’ mħabba li għaliha jistedinna l-Artist Divin iġġib fix-xejn kull ħaġa li x-xjenza u t-teknoloġija jistgħu jistħajlu jew jimmaġinaw. Imqabbel magħhom l-Internet u s-Cyberspace huma nitfa’. L-ismijiet ta’ din l-istorja profonda ta’ mħabba huma r-rivelazzjoni u t-talb, żewġ rigali jew doni li ħadd ma għandu l-iċken jedd li jieħu.
Għaliex nitolbu?
Kieku xi ħadd famuż idum ħames minuti jkellimna jew jibagħtilna ittra qasira ma konna qatt ninsew dak il-ħin u probabbilment konna nerfgħu l-ittra. Ma għandniex nistagħġbu, mela li s-salmista jrid itir bil-ferħ għax ikun daq it-tjieba u l-ġmiel ta’ Alla tiegħu (ara Salmi 84:2 u 34:8).
Raġuni oħra għala nitolbu hi biex inroddu ħajr imnejn ġejna u fejn sejrin mhux biss talli neżistu imma wkoll ta’ kull nifs li nieħdu, ta’ kull indiema għal dnubietna, biex infaħħruh, biex ngħannu l-ġmiel tal-ħolqien u tal-Ħallieq, biex nibku fit-tbatija, biex jimla l-vojt tagħna, biex nikkomunikaw fil-fond miegħu, biex nidħlu f’komunikazzjoni ma’ ħutna li jduqu mill-għaqda tagħna ma’ Alla li hu Mħabba.
Hu ħafif tgħid lil xi ħadd “inħobbok” iżda mhux ħafif li tipprovaha. Il-qaddisin iħobbu lill-maħbubin, lil uliedhom, lill-pazjenti, lill-istudenti ferm, ferm iżjed milli jħobbuhom dawk li huma bierda. Diffiċli tifhem kif bniedem wieħed mela f’għomor wieħed il-lista inkredibbli ta’ għemejjel kif naqraw fil-ħajja tal-Papa San Ġwann Pawlu II. Madankollu hu wasal biex qal li “l-ewwel dmir tal-Papa hu t-talb,” Kliem li jservi t’omelija għalina midinbin