Dun Anġ Seychell | Għaliex l-Afrikani qed jixxenqu għall-Ewropa
Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta' Dar Nazareth
Għax l-Afrikani qed jitilqu mill-pajjiżi tagħhom u joqorbu lejn l-Ewropa? Għax f’ħafna mill-pajjiżi Afrikani hemm il-ġlied bejn it-tribujiet, hemm il-koruzzjoni fi ħdan il-gvernijiet, l-isfruttament tar-riżorsi naturali, l-indħil barrani u ditti multinazzjonali. Se nagħti ftit fatti.
L-Afrika tan-Nofs
Se nibda bl-Afrika tan-Nofs, wieħed mill-ifqar pajjiżi tad-dinja. Fih ilha għaddejja gwerra ċivili sa mill-2013 bejn it-tribu` Seleka, grupp armat imsejjah Iżlamiku u it-tribu` Antibalaka msejjaħ Nisrani u Animist. B`kollox f’dan il-pajjiż hemm 16-il-moviment ribelli. Hija sitwazzjoni ta’ kaos u realta perikoluża.
Kienu l-missjunarji li fil-pajjiż ħolqu bank tat-tifdil u kull livel ta’ skola qabel l-universita’, il-fiera agrikola u hafna proġetti ohra. Fil-gwerra ċivili li hemm bħalissa huwa l-missjunarji u mexxejja reliġjużi oħra li qed jinsistu li l-Insara u l-Musulmani u kredenti oħra għandhom jgħixu flimkien fil-paċi, kif kien qed iseħħ qabel fl-Afrika tan-Nofs.
Imma wieħed ma jridx jinsa li 80% tal-pajjiż jinsab f’idejn ir-ribelli, allura l-gvern huwa dgħajjef, l-ekonomija qed tbati l-konsegwenzi tal-gwerra ċivili, it-riżorsi naturali tal-pajjiż qed jintużaw biex jiffinanzjaw il-gwerra, fosthom ir-riżorsi tad-deheb, tad-djamanti, tal-petrol u l-koltan.
Bħas-soltu qed iħallsu z-zalza l-fqar. Hemm 700,000 refuġjati ġol-pajjiż u 570,000 refuġjati barra l-pajjiż. Dan ifisser li wieħed minn kull erba’ tan-nies kellhom jabbandunaw djarhom.
L-Ex Kongo Belġjan
Insemmi r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ex Kongo Belġjan. Suppost intlaħaq ftehim biex issir elezzjoni fil-pajjiż, imma l-president Kabila ippreżenta l-kandidat tieġħu u l-kandidat ewlieni ta’ l-oppożizzjoni Moise Katumbi lanqas biss thalla jidħol fil-pajjiż!
Biex tagħqad, fiz-zona Kivu tal-Kongo faqqgħet l-epidemija Ebola u b’hekk fil-Kongo faqqgħu t-tliet flaġelli ta’ l-Afrika- il-faqar, l-epidemija u l-gwerra. Fil-Kongo hemm 127 grupp armat li jikkontrollaw ir-riżorsi naturali u jmexxu l-vjolenza u l-isfruttament ta’ dawn ir-riżorsi naturali. Jinsabu ndaħħlin id-ditti multinazzjonali kif ukoll il-pajjiżi ġirien li għandhom interess fil-kummreċ. U l-fqar ikollhom iħallu djarhom biex flokhom jinfetħu minjieri ġodda tar-riżorsi naturali!
Il-Kongo hu mera ta’ kontradizzjonijiet- huwa pajjiż mimli rikkezzi naturali imma għandu poplu fost l-ifqar u l-iżjed abbużat fid-dinja!
Żewġ Aħbarijiet Tajba
Tgħid xejn dan l-ahhar kien hemm żewġ aħbarijiet tajba-il-paċi bejn l-Etjopja u l-Eritrea, b’inizjattiva tal-president il-ġdid ta’ l-Etjopja Abij Ahmed Ali, wara 20 sena ta’ gwerra bejniethom; u l-waqfien mill-ġlied bejn it-tribu` Dikma tal-President Kiir u t-tribu` Nuer tal-Viċi president Riek Machar fis-Sudan T’isfel.
F’dal-pajjiż ġdid, jismu is-Sudan T’Isfel hemm il-ġuħ u nuqqas ta’ ikel f’livelli drammatiċi.
L-Eritrea spiċċat għarkubtejha mill-gwerra li kellha ma’ l-Etjopja. Sal-1998 kienet qed tavanza b’ritmi ta’ żvilupp l-iżjed għolja tul il-kontinent Afrikan, imma il-ħakma tal-President Isaias Efewerki, il-pajjiż ħa xejra despotika u ripressiva u ħafna mill-popolazzjoni bdiet taħrab lejn l-Etjopja u s-Sudan jew telqet lejn id-deżert tas-Saħara u l-Mediterran biex tibqa’ sejra l-Ewropa, għax il-ħajja fil-pajjiż saret insopportabbli, speċjalment għaż-żgħażagħ, li kienu kostretti jagħmlu lieva militari li tieħu ħafna snin. Ħafna mit-traffikar ta’ bnedmin u ta’ mejta fid-deżert u fil-baħar kienu Eritreani.
Boko Harem
Ta’ min isemmi wkoll il-grupp terrorista Boko Harem li fin-Niġerja kien ħataf f’idejħ 276 tfajla tar-razza Chibok li għad għandu f’idejħ 100 minnhom, imma il-lum dal-grupp terroristiku jinsab imdgħajjef ħafna, risultat tal-ħidma flimkien ta’ l-ezerċi tan-Niger, tan-Niġerja, taċ-Chad u tal-Kamerun, li flimkien għalqu f’morsa lit-terroristi.
U l-missjonarji innotaw fenomenu li ma kienx jeżisti sal-1996- dak tat-tfal mitluqa mingħajr dar jew ġenituri.