Dun Anġ Seychell | 'Il-fqar huma l-ewwel vittmi tal-korruzzjoni'
Il-korruzzjoni issir kankru veru li jinfetta u joqtol kollox. Għalhekk hu meħtieġ li l-politika u xjenza jqisu l-persuni bħala persuni
Il-Kardinal Peter Turkson (Ara r-ritratt) huwa Afrikan mill-Ghana. Jinsab Ruma jmexxi l-Kongregazzjoni għall-iżvilupp Uman Integrali. Huwa kiteb ktieb ferm interessanti dwar il-korruzzjoni u fih stqarr li kull min għandu s-setgħa u l-poter, dejjem jgħaddi mit-tentazzjoni tal-korruzzjoni. Jistqarr f'dan il-ktieb ukoll li l-ewwel vittmi tal-korruzzjoni huma dejjem il-fqar.
Ma tibqax Soċjetà
Il-kitba li ġejja hija silta mill-ktieb tiegħu:
“Taħt il-ħakma tal-korruzzjoni s-soċjetà ma tibqax soċjetà, imma tisfaxxa u ssir fqira, miżerabbli u fiha ssib il-faqar, il-ġuħ, in-nuqqas ta’ sigurtà u l-qgħad. In-nies ikollhom jemigraw; bil-korruzzjoni jisfaw traffikati l-armamenti u hekk jinqalgħu l-gwerer u jekk ikun hemm il-gwerer m'hemm ċans għal ħadd.
Bil-korruzzjoni l-isptarijiet ma jiffunzjonawx, il-morda ma jkunux mfejqa, jonqsu l-istrutturi u l-mediċini, jonqos ix-xogħol dinjituż għax issib biss l-isfruttamet u l-qgħad. Jonqos ix-xoghol dinjituż kemm għall-ħaddiem kif ukoll għal min iħaddem jew għall-professjonista, jinfetħu l-bibien għal ħafna kriminalita’ u jmorru tajjeb l-organizazzjonijiet immexxijin minn dawk li jabbużaw.
Jekk ikun hemm il-korruzzjoni tal-ekkleżjastiċi, il-persuni li jkunu jeħtieġu d-dedikazzjoni tonqoshom il-kura pastorali u ma jisfawx imfittxija. Bil-korruzzjoni jonqsu l-ilma u d-dawl elettriku, jonqos t-tagħlim, jonqos l-interess pubbliku, statali u mhux. Minflok jinxtered is-suspett u l-kompliċità, minflok l-ordni soċjali li jiswa għal kullħadd.
Bil-korruzzjoni l-ġid komuni ma jmurx ‘l quddiem u sseħħ il-ħsara għall-jeddijiet elementari taċ-ċittadini u n-nies tmur lura. Bil-korruzzjoni l-persuni ma jaħdmux tajjeb u jgawdi mhux min jistħoqqlu u min hu bieżel imma minflok jirbħu l-għażż, id-dipendenza, l-arroganza, il-privileġġi, id-differenzi u l-inġustizzji odjużi. U l-korruzzjoni turi b’mod orribbli li l-problema ambjentali hija kemm umana kif ukoll soċjali."
Fi kliem ieħor mhix kwistjoni li toħloq biss ħsara lill-ekoloġija. Kif kiteb il-Papa Frangisku il-konsegwenzi fuq l-ambjent tal-politika ta' żvilupp jew ta’ passi min-naħa tal-industrija jitolbu djalogu bejn in-naħiet kollha kif ukoll politika assolutament ċara kemm fil-metodu kif ukoll fit-trasparenza.
Iżda l-korruzzjoni, barra milli tgħarraq il-proċess ta’ djalogu, taħbi l-effett reali fuq l-ambjent naturali u uman u tagħżel il-favuri billi timponi ftehim ambigwu li jaħrab il-kontrolli serji, l-infomazzjoni u d-djalogu miftuħ bejn in-naħiet kollha nvoluti.
Fejn jidħlu l-kbarat tal-Knisja l-Papa Frangisku tkellem billi staqsa ċar u tond: "Min iħallas għall-korruzzjoni ta’ wieħed prelat? Huma dejjem il-fqar fl-ispirtu u fqar fil-miżerja. Hawn iżjed minn elf miljun persuni li jinsabu f’miżerja esaġerata u huma anke iżjed dawk li ma għandhomx d-disponibiltà ta’ servizzi tas-saħħa jew ilma tax-xorb, dawl elettriku, edukazzjoni."
Kankru tas-soċjetà
Dawn iċ-ċifri huma importanti biex wieħed iqishom, imma hi ħaġa fundamentali tqis il-persuni bħala persuni, iżjed u iżjed lil dawk li huma esposti għad-daqqiet li tagħtihom is-sistema li biha timxi id-dinja tal-lum. Il-korruzzjoni tiskandalizza lill-popli, tisraq lill-popli, tiskandalizza d-dinja, tiskarta lill-persuni u toħloq ġerarkiji odjużi u tiddiskrimina u tolqot ħażin lill-maġġoranza.
B’hekk il-korruzzjoni issir kankru veru li jinfetta u joqtol kollox. Għalhekk hu meħtieġ li l-politika u xjenza jqisu l-persuni bħala persuni
Il-progress kontra l-korruzzjoni iseħħ bil-ġustizzja soċjali. Iseħħ spontanjament u liberament bis-solidarjeta’ ta’ dawk li jagħrfu l-funzjoni soċjali tal-proprjeta’ privata u d-destinazzjoni universali tal-ġid materjali bħala realta’ li tiġi qabel il-proprjeta privata, li tgħin biex dan il-ġid ikun iġġustifikat u jiżdied b’mod li jibbenefika kulħadd.
Din is-solidarjeta’ hija l-qofol li bih jingħata dak il-ġid li jmiss lill-persuni kollha, fuq kollox lill-fqar dak li hu tagħhom. B’hekk jigri li l-ekonomija ssir tabilħaqq ta’ servizz għall-persuni u mhux il-persuni għas-servizz ta’ l-ekonomija.
Hawn jidher ċar d-differenza bejn il-konsum u l-konsumiżmu. Il-konsumiżmu hi mentalita li taħkem lill-persuni mentri l-konsum huwa bżonn.