Dun Anġ Seychell | Insellem lil Joe Micallef Stafrace
Jalla f’Malta jkollna politiċi ta’ prinċipju fil-partiti politiċi kollha għax din hi l-unika politika li sseddaq il-ġid komuni tal-poplu Malta
Inħoss id-dmir li nsellem lil Joe Micallef Stafrace għax kont ngħoddu ħabib tiegħi tul bosta snin.
Imma fl-okkażjoni tal-mewt tiegħu skoprejt ħolqa oħra li toħloq rabta bejnietna.
Waħda mill-impjegati tal-Fondazzjoni Nazareth li qed tieħu ħsiebi fix-xjuħija tiegħi jisimha Pauline Chiappa.
Meta semgħet bil-mewt ta’ Micallef Stafrace, ġiet ħdejja u tatni l-aħbar li hi għandha tifkiriet għeżież tal-familja Micallef Stafrace.
Spjegatli li kienet taf ħafna lil waħda li kienet tgħin regularment lill-familja tiegħu u din, meta ma kinitx tista’ tmur tagħti servizz lill-familja Micallef Stafrace, kienet titlob lil Pauline biex tmur minn flokha.
Saret taf lil Joe, saret taf lil uliedu , imma fuq kollox saret taf lill-mara tiegħu Yvonne u għadha tapprezza l-ġentilezza tagħha fir-relazzjonijiet magħha.
Billi jiena ma kontx f’qagħda li nista’ nattendi l-funeral ta’ Joe, ħadt l-okkażjoni u bgħatt lilha u lil Joseph Micallef, wieħed mir-residenti għeżież tiegħi biex flimkien jirrappreżentawni fil-funeral ta’ Joe.
Sod fil-prinċipji tiegħu
Joe trabba fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta, in-naħa fqira tal-Belt Kapitali u qatt ma nesa l-għeruq tiegħu.
Sa minn kmieni beda jieħu interess fil-kwistjonijiet soċjali u sa minn kmieni beda juri ruħubħala bniedem li jaf ikun sod fil-prinċipji tiegħu.
Meta qamet il-kwistjoni politiko-reliġjuża fi żmien il-Perit Mintoff, Micallef Stafrace wera ruħ sod fil-prinċipji tiegħu u ta xhieda li kien lest ibati għalihom.
Qatt ma ħeba t-twemmin reliġjuż tiegħu u qatt ma ħeba l-fehmiet politiċi tegħu.
Baqa’ sod fit-traġedja li qasmet il-pajjiż fi tnejn. Imma Micallef Stafrace qatt ma kien insolenti fil-kitba tiegħu.
Joe Micallef Stafrace żamm sod fl-imħabba tiegħu lejn dik li kellha ssir martu Yvonne. Il-kwistjoni politiko reliġjuża kellha konsegwenżi negattivi meta hu u Yvonne ġew biex jiżżewġu.
Wara li fallew it-taħdidiet biex jinstab kompromess għax Joe kien wieħed minn dawk li weħlu l-interdett, iż-żwieġ sar fis-sagristija iżda ż-żwieġ tagħhom xorta kien xhieda taż-żwieġ Nisrani għax kellu l-kwalita tal-fedeltà bejn raġel u mara u ta xi tfisser familja Nisranija.
Wasal biex irriżenja
Iżda Micallef Stafrace wera kemm hu sod fil-prinċipji anke meta ma qabilx mal-Prim Ministru tiegħu u minħabba f’hekk ħass li kellu jirriżenja minn Ministru.
Kien pass kuraġġuż għax Micallef Stafrace kien jaf li ta’ madwaru mhux kollha se jċapċpulu u jaqblu miegħu. Imma hu baqa’sod fil-prinċipji tiegħu anke fil-qasam politiku imma ma kienx lest li jbaxxi rasu meta ma jaqbelx.
Ma nistax nifhem għaliex bħalissa jinżamm is-skiet dwar ir-riżenja ta’ Micallef Stafrace mill-Gvern tal-Prim Ministru, bħallikieku xi ħaġa ta’ diżunur.
Ħabib tad-Dumnikani
Micallef Stafrace baqa’ viċin il-Knisja billi żamm il-ħbiberija tiegħu mal-patrijiet u s-sorijiet Dumnikani.
Trabba fl-ambjent tad-Dumnikani sa minn twelidu u baqa’ juri l-ħbiberija sabiħa tiegħu anke tul u wara l-kriżi politiko-reliġjuża.
Micallef Stafrace u martu kellhom l-okkazjoni jżuru l-artijiet tal-missjoni tad-Dumnikani fl-Amerika Latina u kellhom ix-xorti jaraw wieħed mill-patrijiet tad-Dumnikani jiġi kkonsagrat Isqof fl-Albanija, fejn għadu jeżerċita l-missjoni tiegħu.
Id-Dumnikani baqgħu l-ħbieb tiegħu u tal-familja tiegħu u laqgħu lilu u lil martu billi tawhom kenn f’dak li kien l-isptar tad-Dumnikani f’Ħ’Attard.
Jalla f’Malta jkollna politiċi ta’ prinċipju fil-partiti politiċi kollha għax din hi l-unika politika li sseddaq il-ġid komuni tal-poplu Malti.