Peppi Azzopardi | 'Sibt lil sieħbi qed jitgħallaq fiċ-ċella'
Ma ninsewx li dan kollu fid-dawl tal-fatt li Malta għandha l-ogħla rata ta' suwiċidji mill-ħabsijiet kollha fl-Ewropa
Toni huwa l-priġunier li sab lil sieħbu qed jitgħallaq fiċ-ċella. Jumejn ilu Toni ħareġ mill-ħabs fuq bail. Toni ċempilli għax ried jiltaqa' miegħi. Ilbieraħ ġie id-dar u qalli l-istorja kollha.
Toni qalli li r-raġel li għamel l-attentat ta' suwiċidju kien iddisprat u kemm-il darba qallu li ried ineħħi ħajtu b'idejh.
Toni qalli li poġġewhom ġo ċella flimkien u daru diversi divisions, fosthom kienu it-tnejn f'single room magħluqa għal 23 siegħa u jiftħulhom għal siegħa. Fiċ-ċella single room kienu mingħajr fann.
Toni qalli li tant kienet sħana fiċ-ċella li sieħbu - li aktar tard għamel attentat ta’ suwiċidju - tant beda jħoss sħana li ħassu ħass ħażin u intilef minn sensih.
Qalli Toni: “Jien bdejt inċapċaplu fuq wiċċu u tfajtlu flixkun ilma fuqu u bdejt ngħajjat lis-Sir biex jiftaħ iċ-ċella għal ftit arja. Imma ma ridux jiftħu."
U aħna hawn barra bir-raġun nagħmlu għaġeb meta jinqata' d-dawl - aħseb u ara dawn ħutna f’dik is-sħana, ġo ċella, bla tieqa jew magħluqa, immaġinaw, joħorġuk siegħa biss f'ġurnata, kif tkun se tiġġennen.
'Qabel ma pprova jneħħi ħajtu b’idejh talabhom bil-ħniena biex jitfgħuh f'division fejn ikun jista' jaħdem'
Għaddew xi jiem u marru jgħidulhom li se jpoġġuhom f'division oħra.
Toni qalli: “Kien hawnhekk li dan sieħbi kompla jiddispra! Beda jitlobhom biex jeħduh f’division oħra fejn hemm ix-xogħol għax ried jaħdem. Talabhom bil-ħniena. Meta rrifjutaw u qalulu le beda jibki u beda jsabbat rasu mal-ħajt, f'disprament”
Toni li kien miegħu fiċ-ċella. Qalli li qal lil sieħbu biex joħorġu jilagħbu logħba draft fid-division.
Sieħbu qallu: “ Inti mur, imma jien se noqgħod fiċ-ċella għall-kwiet.”
Toni ikompli jirrakkonta: "Jien tlaqt u fil-ħamsa erġajt mort lura fiċ-ċella - ittawwalt mit-toqba tal-bieb taċ-ċella u ma rajtux. Dħalt fiċ-ċella u sibtu qed jitgħallaq - kważi mejjet.”
Li kompla jirrrakonta mhux xieraq li nkompli nirrakontah hawnhekk.
Dan ir-raġel - li ftit jiem ilu għamel attentat ta suwiċidju - żmien ilu kien diġà weħel il-ħabs. Kien daħal fuq drogi u kienu żammewh maqful għal 23 siegħa kuljum, għal aktar minn 15-il jum. Dak iż-żmien kienet kellmitni ommu biex tgħidli li binha tant hu ddisprat il-ħabs li kien qed jgħid u jagħmel atti ta' suwiċidju (dak li kienet qaltli ommu qed ngħidu bil-permess tagħha).
Nistaqsi: Allura issa, meta dan il-ġuvni reġa' daħal il-ħabs ma kellhomx records ta' meta kien il-ħabs u b'dak li kien qed jgħid u jagħmel u allura li kien ċar li kellu f'moħħu li jagħmel suwiċidju?
Mat-Times ħarġu jwieġbu lili u qalu li dan ir-raġel li għamel attentat ta' suwiċidju ma kienx fuq 'suicide watch' għax il-Psikjatri li rawh erbat'ijiem qabel ma sabuhx fil-periklu.
Imbaghad it-Times staqsiethom: Allura meta kien diġà daħal il-ħabs snin ilu, veru kien diġà qed jgħid li jrid ineħħi ħajtu b'idejh? It-tmexxija tal-ħabs twieġeb: "Ma nistgħux ngħidulkom minħabba id-data protection”
Araw kif jinqabdu fil-gideb tagħhom stess!
Mela x’qalu l-Psikjatri li rawh erbat ijiem qabel għamel l-attentat ta' suwiċidju qaluh lit-Times - bla problema ta' data protection - imma x'jgħidu ir-records ta' meta kien daħal il-ħabs, żmien qabel, qalu li ma jistgħux jgħidu minħabba id-data protection!
Kellimt lil ommu u ma tistgħux tifhmu minn xhiex għaddejja. Sibt il-messaġġi tagħha li kienet tibgħatli fuq binha fil-ħabs. Fit-8 ta' Frar ta' sentejn ilu kien hemm id-direttur tal-ħabs live f' Xarabank u ommu kienet bagħtitli messaġġ hekk kif beda Xarabank tghidli: “Għidlu llejla Pepp fuq il-ġrieden li hemm fis-6. Għidlu tliet ġrieden jilagħbu magħhom f’Division 6.”
Ma ninsewx li dan kollu fid-dawl tal-fatt li Malta għandha l-ogħla rata ta' suwiċidji mill-ħabsijiet kollha fl-Ewropa.